Category: Tberfil

Issa li l-COVID-19 ħalliena

Issa li Prim Ministru bl-għajnuna tal-kavallier Muscat salvana mill-ħakma kiefra tal-virus COVID-19, nistgħu ngħidu li għat-tieni darba fl-istorja ta’ pajjiżna, bnejna d-difiżi tagħna għaż-żobb. Fl-1566 il-Franċiż La Valette, bena l-Belt Valletta hekk kif il-poplu kien qed jagħmel taħtu mwerwer mill-possibiltà ta’ attakki Torok. La Valette rikeb dan il-karru tal-biżà u ra kif għamel sabiex ismu jibqa’ mniżżel fl-istorja u biex in-nies ta’ din il-Belt jibqgħu jiftakruh bħala salvatur. U hekk ġara, għax sa llum għadek issib min anki tattoo fuq sidru penġih!

Illum il-Gran Mastru huwa Abela, immexxi minn Muscat. Il-karru tal-biżà ġie mill-midja hekk kif il-ġirien tagħna fl-Italja sofrew attakk mill-aktar feroċi. Abela fuq parir ta’ Muscat rikeb dan il-karru u bena renju ta’ swali, sodod u maskli li baqgħu ma ntużaw qatt. Biss il-plebej issa anki wiċċu poġġew ħdejn dak ta’ Muscat quddiem xemgħa tnemnem. Jibqa’ jbaqbaq il-bżonn ta’ salvatur wara ċ-ċinturin ta’ Mintoff.

Għax il-poplu Malti hekk ġie mrawwem u sa mill-2004 il-poplu fetaħ il-bibien għal valuri ta’ ħaddieħor f’ġieħ il-globaliżazzjoni. Illum int, uliedek u ulied uliedek mgħerrqin taħt mewġa ekonomika li tħallik bla nifs. Lil-Ċesri sirna ntuh aktar milli jistħoqqlu filwaqt li lil Alla tfajnieh għar-riċiklar ma’ saqqu nkallat għaraq, maskli użati u ħrieqi bil-bewl. Illum il-poplu jifraħ u jeċita ruħu għax ġej baġit multi-miljunarju u ma jirrealiżżax kemm tilef minn ġidu bil-flus kollha li ħalla jirrenjaw madwaru. U l-Ewropa baqgħet hemm, tosserva lill-Malti medhi jħabbat fuq sidru għal Daphne u lill-ieħor jirtira l-fjuri fuq talba tal-Ministeru, ad eternum.

Imma l-poplu diġà nesa x’inhu l-veru ġid. Illum il-ġid saru l-flus, iċ-ċans li ssiefer tlett ijiem f’postijiet turistiċi li jservuk l-istess kultura globaliżżata li ssib hawn bejn saqajk. Il-ġid illum huwa li f’żgħożitek il-bank jista’ jsellfek kemxa flus biex tibni d-dar tal-ħolm. Magħhom jagħtik ukoll salib, tlett imsiemer u qabar ġdid. Il-ġid illum huwa li tista’ tiddejjen karozza lussuża minn dawk li fuq it-televiżjoni Taljana tarahom iterrqu qrib xi rdum sabiħ u tintefa ssuqha fi traffiku sfrenat biex forsi sagħtejn wara tasal xogħol. Il-ġid illum hija friendship ma’ direttur ta’ kumpanija vera cool li wara ġimgħa nkwiet ikeċċi lin-nies mix-xogħol. Il-ġid illum huwa l-Ministru li jirrispondik mill-ewwel jekk tiktiblu fuq messenger, imma ma jaqdik qatt sakemm m’intix kuġin jew ħabib tas-segretarju parlamentari. Il-ġid huwa l-entità tal-Gvern li nefqet €250,000 fuq attività falluta u ħadd ma staqsa xejn u l-oħra li serqet ideat kreattivi ta’ persunaġġ u għamlithom tagħha biex takkomoda ħabib rakkomandat. Il-ġid illum huwa li tista’ tkun direttur ta’ entità tal-Gvern, timplimenta sistema interna sabiex kif twaqqaf il-kumpanija privata tiegħek, ikollok l-ewwel klijent garantit – u ħadd ma jixkiflek għajnek.

Il-ġid huwa l-fatt li affordjajt tħallas €2000 rigal sabiex aċċettaw lil xi membru tal-familja f’home tal-Gvern, iżda sistema biex tarah waqt il-COVID ħadu tliet xhur biex implimentawha. Il-ġid illum huwa li tistaqsi dwar propjetà tal-Gvern u uffiċjal tal-Gvern jgħidlek “tkomplix titkixxef dwarha għax ser tiġi fl-inkwiet“. Il-ġid illum huwa li tista’ ġġib tarbija fid-Dinja u titfaha childcare li ma jmurx iċċappas idejk bil-ħara jew tfotti karriera. Il-ġid illum huwa iljun aħdar li ttih jiekol burger tal-McDonalds fuq mejda u jirringrazzjak. Il-ġid illum hija maħfra għal illegalità bi tpartit ma’ ċapċipa u bandiera mdendla mal-gallarija. Il-ġid illum huwa l-konvinzjoni li pajjiżek miexi fuq ir-rubini bis-skiet tiegħek filwaqt li min jiddetta u sħabu, jitilgħu u jinżlu t-taraġ ta’ Kastilja u jintasbu fil-kmamar ta’ ġewwa jiggosippjaw fuq in-nies u fuq minn ħaqqu pjaċir jew xi kastig.

Il-valuri armejnihom fil-baħar. Uliedek u ulied uliedek tgħidx kemm qed jirringrazzjawk li ġibt dan il-ġid kollu fuq il-“pajjiż tal-Mickey Mouse” li sa ftit għexieren ta’ snin ilu kien l-għira tal-Mediterran. “Imma illum tista’ ssiefer, tmur tistudja barra, u timporta ċ-ċikkulata” jgħidulek l-għorrief filwaqt li jisimgħu l-BBC biex jibqgħu aġġornati mad-dinja Ingliża li tant iħobbu.

Issa li l-COVID-19 spiċċa, kulħadd jista’ jorqod moħħu mistrieħ. L-ajruport ser jiftaħ, il-ħażen għadda u mar. Jonqos biss li Abela u Muscat jiftakru jiftħu l-knejjes hekk jew b’hekk il-PBS ma jibqgħux jitrasmettu l-quddiesa ta’ kuljum u int tkun tista’ terġa’ tammira sorm is-segretarja. U jekk Alla ma jaħfirlekx, dejjem hemm Robert u Joseph lesti għal kollox.

Missier il-Maltin

Għaddiet festa oħra u uħud minn sħabi diġà ġiethom l-ispirazzjoni jiktbu kelmtejn u jiżżu ħajr lil min jistħoqqlu. Jien stenbaħt f’nofs ta’ lejl u intfajt inġedded il-memorji ta’ dawn il-ġranet tal-ġenn, imma ninduna li mpossibbli tlaħħaq: kummenti, ritratti, vidjos, artikli online, tags u varjetà ta’ ħoloq oħrajn. Lili saħansitra kwotawni ta’ LovinMalta bir-ritratt “Ibda għodd”! Għadni mpressjonat bis-sett ritratti ta’ Sebio Aquilina u vera qed nistenna bi ħġari x-xogħol ġdid ta’ sieħbi Carl Farrugia! Ħafna u ħafna materjal ta’ reazzjoni li tassew ifakkarni li dak ix-xogħol kollu ta’ matul is-sena, għandu skop tajjeb u wiesgħa. Skop li anki jekk mhux kulħadd jasal jinterpreta fil-qofol sħiħ tiegħu (għax mhux faċli), xorta waħda għandu effetti kollaterali mill-aktar sinjuri.

Ritratt ta’ Carl Farrugia

Ħadd ma jista’ jiċħad li l-missjoni tagħna l-Pawlini li nfakkru lill-poplu Malti dwar din il-ġrajja li tassew seħħet f’Malta, nisġet u għadha tinseġ l-identità u l-kultura ta’ poplu fuq ħafna livelli fosthom dak reliġjuż, spiritwali, politiku u soċjali. U għalhekk li l-Pawlini jħossu mhux biss pjaċir iżda wkoll responsabbiltà fl-organizzjoni ta’ dan l-avveniment.

Dejjem nieħu pjaċir nara kif nies li jiġu għal din il-festa għall-ewwel darba, ma jieqfux jikkumplimentaw. Kulħadd imur lura b’qalbu tħabbat ftit iktar ikolli ngħid.

U jien? Ilbieraħ bkejt quddiem Pawlu; mhux għax irrid wisq jien! Għall-grazzja t’Alla, il-Mangion biss induna u ta’ ġentlom li hu ġie tani tgħanniqa. Bkejt b’riżultat ta’ rabja u pjaċir li ltaqgħu fl-istess mument. Rabja dwar ħolm li jibqa’ ma jirrealiżżax ruħu, u dwar mistoqsijiet li għadhom u ser jibqgħu għal dejjem mingħajr risposta. Fl-istess waqt il-pjaċir b’festa li ġġib il-ħajja u b’komunità ħelwa li fl-aħħar qed terġa’ toħlom.

Wara dawn il-ħafna posts sbieħ fuq il-mezzi soċjali hemm rakkonti ta’ sfidi kbar. Hemm grupp ta’ nies li jaqdfu kuljum, idaħħlu idejhom fil-but, jiddedikaw ħinhom u jissagrifikaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom. Wara t-tlellix tal-posts fuq Facebook, hemm laqgħat, wara laqgħat, wara laqghat. Hemm diżgwidi, hemm feriti, hemm persuni li jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni, hemm suċċessi kif ukoll diżappunti.

U ħabib tiegħi qalli: “dawn il-festi m’għandekx bżonnhom. San Pawl bik u mingħajrek xorta ġie u telaq”. U hawn il-bużillis. Għax aħna l-Pawlini mhux talli nemmnu li San Pawl wasal fuq din l-art iżda nafu li għadu hawn, magħna, fostna, fina. Kif? Sempliċi.

San Pawl wasal għandi permezz ta’ missieri Vincent (aka Ċensu) li żgur ma jridhiex ta’ qaddis miexi fuq l-art iżda li fis-silenzju, u forsi bla ma jaf, dejjem urieni u għadu jurini li dak il-prinċipju Pawlin ma tgħixux biss billi mis-26 ta’ Diċembru sal-10 ta’ Frar, iddoqq l-marċi tas-Società La Valette fuq volum li jtarrax, imma billi fis-siegħa tal-prova, tkun hemm. U Ċensu dejjem hemm kien u hemm għadu, avolja mbenġel bid-daqqiet ta’ ponn tal-ħajja.

Ritratt ta’ Sebio Aquilina

U jekk wasalt s’hawn u mingħalik li dan it-tip ta’ raġunament nasal għalih jien biss, nassigurak li sejjer żmerċ bil-kbir. Ejja hawn, tkellem man-nies u għodos fil-fond ta’ twemminhom u l-kultura tagħhom, u forsi tibda tifhem li San Pawl m’huwiex biss vara tal-bliegħ għalina l-Beltin. Il-grigal, is-sikka, in-nawfraġju, il-pruwa mwaħħla u l-poppa mfarrka, l-għawma u l-ħelsien mill-għarqa; huma metafori misluta minn rakkont veru. Metafori li jtuna skop u tama f’ħajjitna. U ta’ dan aħna nafu li fortunati.

Grazzi? Hemm wisq. Imma b’mod spontanju jiġuni ftit grazzi li nixtieq niddokumentahom għal dejjem hawn. Żgur mhux forsi, lill-arċipriet Dun David John Cilia li laqagħni, anki fuq livell personali, b’rispett liema bħalu. Grazzi għall-enerġija, serjetà u tbissima li ġibt miegħek. Naħseb irċevejna rigal kbir din is-sena! Grazzi wkoll lill-assistent tiegħu Dun David Torpiano, bniedem kolt u li wassal ċertu serenità bl-istil ta’ ħidma tiegħu. Tassew żewġt irġiel li jispiraw.

It-tieni grazzi tmur għal dawk il-ħabbrieka ta’ wara l-kwinti li rari jaqilgħu “grazzi”. Hemm kwantità imma fuq livell personali nirringrazzja lil Martin Gravina u Louise Fenech li bil-karattri uniċi u kkuluriti tagħhom, huma ta’ ispirazzjoni kontinwa.

It-tielet grazzi tmur lill-Għaqda tal-Pawlini; li dis-sena qed tiċċelebra l-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha; kumitati, fergħat u membri attivi. Għandna wisq ġmiel bejnietna – u dawn ir-riżultati huma xiedha – ejja nibqgħu nibżgħu għalih! Grazzi kbira mmens lis-Segretarju u ħabib Douglas li għalkemm kellu kull raġuni sabiex iwaqqaf jew inaqqas il-kontribut tiegħu fl-aħħar xhur, baqa’ hemm bis-saħħa u kkonferma dak kollu li ktibt jien hawn fuq. Għax anki hu kellu gwida soda li għaddielu valuri li ma jħassarhom ħadd u qatt.

L-aħħar grazzi lil Ċensu, missieri. Dan ir-ritratt miegħu quddiem dak li hu semmieni għalih u laqqani miegħu sa minn meta kelli 15-il jum. Grazzi ta’ kollox pa.

Ritratt grazzi lil Carl Farrugia

Grazzi Frans Giles!

Illum kienet ġurnata twila u produttiva ta’ xogħol. Biss fil-mument li filgħodu dħalt niċċekkja Facebook u sibt il-messaġġ ta’ sieħbi Carl li nfurmani bil-mewt tal-għażiż Frans Giles, nammetti li kelli aptit inqum u nitlaq ‘l barra nibki. Sfurzajt biex inżomm id-dmugħ u sibt refuġju fil-lista ta’ affarijiet li kelli nagħmel għall-fini tad-dmijiet tax-xogħol.

X’naqbad ngħid fuq dan ir-raġel? Persuna li żewwaq b’tant sempliċità it-tfulija tiegħi meta spiss kont immur biex nagħmel xi qadja lil ommi; nidħol bil-ġirja fil-ħanut tat-té ta’ Frans “il-Giles” u ngħidlu x’kellna bżonn.

Sakemm jinqala’ minn wara l-bank u jidħol fil-kamra mudlama fuq il-lemin sabiex iġib dak li nkun tlabtu, kont nintefa ninnota lil xi erba’ irġiel bilqiegħa, jaqraw gazzetta jew jieħdu t-té. Kien żmien ieħor u aħjar. Mingħajr il-mobile, mingħajr Facebook u Instagram. Dak iż-żmien in-nies kienu jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ sabiex jitkellmu u izekzku.

Niftakar ġranet meta akkumpanjajt lill-għażiża ommi għax-xirja, dħalna għand Frans u b’ġentilezza liema bħalha, isellem u jibda xi diskursata, minn dawk li ommi tant kienet tħobb. Kelmtejn dwar dak li kien qed jiġri fl-inħawi jew dwar valuri jew dwar kif bdew jinbidlu ż-żminijiet. Kont naffaxxina ruħi ninnota d-diskursata titwieled, tinbet u tiżvolġi fi ftit sekondi. Niftakar lil Frans jirrakkonta ġrajjiet passati, meta fl-aqwa tiegħu kien Pulizija jekk m’inix sejjer żball. Kien raġel rett u jisħaq li l-irġulija titlob rispett u kelma soda.

Nista’ ngħid li Frans kien skuża għall-ewwel passi ta’ indipendenza għalija. Ommi, li kienet b’sebgħa għajnejn fuq binha, ma damitx ma bdiet tafdani mmur b’xirja jew insarraf xi ftit flixken tal-ħġieġ sabiex Frans isarrafomlna fi ftit ċenteżmi. Kienet tara li kull flixkun ikun nadif tazza sal-inqas dettall, tgħabbihom f’basket taċ-ċarruta daqstant ieħor nadif tazza u tibgħatni ‘l hemm, konxja li Frans ser jagħmilli premura sabiex mingħandu nerġa’ dritt lura lejn id-dar. U hekk kien ikun, għax għall-grazzja t’Alla dejjem sibt hena fid-dar sakemm il-ħajja ma ħaditniex kollha kemm aħna f’toroq mudlama bla mistenni.

‘Sporting Clive’ fi Triq Santa Luċija, fil-Belt Valletta

‘Sporting Clive’, għax hekk kien jismu l-ħanut ta’ Frans, ilu li għalaq. Jgħidu li kien ħadulu l-Gvern. Jgħidu ħafna imma l-verità qatt ma sirt nafha. Dejjem ħlomt li nerġa nara lil Frans jipprova jixref f’dik il-gallarija minuskola, għoddha ser iċċedi, sabiex isaqqi qasrija jew jagħti titwila fi Triq Lvant. F’dak il-ħanut kont inħossni ‘home’ u forsi minn hemm bdejt nifhem is-sbuħija tal-komunità.

L-aħħar darba li kellimt lil Frans kien taħt il-gallarija tiegħu ħdejn Ta’ Liesse. Irrakkuntali kif xi ħadd kien daħallu d-dar u serqu. Bħal dejjem, saqsieni kif tinsab ommi u daqs li kieku hu ma kien għaddej mill-ebda tbatija, tani dik il-ħarsa li tgħid ħafna; jew kollox.

Dawn il-persunaġġi bħal nistħajjilhom ser jgħixu għal dejjem. Qatt ma bsart li dik kellha tkun tal-aħħar u saħansitra ilbieraħt lura ħarist lejn il-gallarija biex nara narahx kif kien qed ikun fl-aħħar snin.

Illejla filwaqt li l-inħawi fejn seħħ dan kollu jinsab mifqugħ bil-kant idarras ta’ Ivan Grech u jien qed nipprova ngħarraq il-ħoss bi ftit mużika mill-Palestina, id-dmugħ jinżel hekk kif ninduna li biċċa tassew sabiħa mill-identità li sawwritni u dik Beltija, intemmet. Belti kif nafha, tkompli tisparixxi.

Ma jibqax biss memorji ta’ Frans. F’moħħi jiġu ulied Frans u anki n-neputijiet tiegħu, ħbieb tiegħi – dawn tal-aħħar uħud mill-aħħar eżemplari ta’ tfal Pawlini Beltin li għadna x-xorti ngawdu – u noħlom li jekk ikolli x-xorti nixjieħ bħalma xjaħ Frans, narahom jiġġieldu huma wkoll għal dak li hu Belti, dak li hu tal-komunità, rett, skjett, ġenwin u ta’ valur.

Intemm dan il-ħsieb bil-memorja tal-vetrina tal-injam u ħġieġ li kellu Frans fil-ħanut. Il-ġenna minn hemm bdejt nifimha. Kienet vetrina antika, mhux wisq mgħobbija bi prodotti, imma fiha kont nilmah dawk il-gallettini jew ċikkulati li ta’ tifel li kont dejjem tlabt lil ommi ma tinjorax! U hekk kif kienet tisma’ talbi u nara lil Frans jgħolli l’atu sabiex inewwel dak li nkun xtaqt, kont intiegħem ferħ ġenwin li ma kontx insib fi ħwienet oħra.

Grazzi Frans. Kif saħaq sieħbi Mario Vella l-Brikkun, kultant niżolqu nożannaw lil xi ħadd li jiġi nieqes u npenġuh bħal qaddis miexi fuq l-art. Ma ngħidx li kont qaddis imma llum nixtieq infakkar is-sbuħija tas-sempliċità li kont tħaddan. Nitlob li l-Mulej ineħħi dik il-kisra minn għajnejk u jibdilha fi dmugħ ta’ ferħ kbir li bis-sempliċità ta’ ħajtek, għoġbok trawwem madwarek u anki fija. Grazzi ħafna Giles – konvint li, li kieku tiftakar fik, illum, anki ommi qed tibkik.

Ittra lill-Beltin ta’ vera

Waslet l-elezzjoni għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u ġietni muża li nikteb ftit ħsibijiet li ilhom iberrnu f’rasi sabiex il-Beltin li nhar is-Sibt jitħajjru jmorru jimmarkaw il-karta tal-vot, ikunu għamlu ħsieb jew tnejn dwar dak li verament qegħdin jagħżlu.

Irċevejna l-flyers, ġew iħabbtulna u jkellmuna l-kandidati, uħud iltaqgħu miegħi fl-organizzazjoni komunitarja li jiena membru fiha u l-maġġoranza stednuni sabiex nattendi l-festin tagħhom. Kulħadd stinka fl-aħħar jiem sabiex jurini x’isarraf. U hawn fejn nibda nirrifletti dwar min tassew ser nafda sabiex iwettaq jew twettaq dak li tassew nixtieq li jseħħ f’Kunsill Lokali tant prestiġjuż. Għax il-plejer tal-ballun niġġudikah mhux kif jidher fir-riklam liebes il-qalziet ta’ taħt issikkat, imma kif jilgħab il-partita deċiżiva li tiddeċiedi fejn imur il-kampjonat!

L-ewwel dispjaċir fil-kuntest Belti żgur li huwa dak li għal darb’oħra ma hawnx kandidati indipendenti u allura kull għażla li għandi hija ddettata minn ħsieb jew, sejjaħlu programm elettorali, ta’ Partit, żgħir jew kbir. It-tieni dispjaċir huwa li ma hemmx kandidati tal-Alternattiva Demokratika għall-belt kapitali. It-tielet dispjaċir huwa li l-kandidat tal-Partit Demokratiku, lanqas biss naf min hu. Biss l-akbar dispjaċir huwa wieħed u xi ftit kompless.

Dejjem emmint li kandidat li joffri ruħu sabiex jirrappreżenta grupp ta’ nies fuq livell politiku, għandu jindika eżattament x’inhuma l-miri personali tiegħu u mhux jissallab ma fuljett imfassal minn xi għorrief fil-Partit. Fi żminijiet politiċi oħra, dan kien jissejjaħ manifest. Illum nikkuntentaw b’xi ftit kummenti fuq Facebook u Alla m’għamlu! Nibqa’ nirrealiżża kemm il-Partiti, speċjalment dawk l-aktar b’saħħithom, iżommu lill-kandidati tagħhom bħal ostaġġi; fil-għama ta’ ċertu elementi sabiex dawn jibqgħu pedini fil-logħoba tagħhom. L-aljenazzjoni fost dawn il-persuni li ġenwinament jixtiequ jkunu ta’ servizz kultant twaħħaxni u ninduna kif jieħdu gost ikunu għodda ta’ Partit u mhux tal-komunità. Top to bottom approach!

Fl-aħħar snin u matul din il-kampanja elettorali, innutajt kif ħadmu l-Partiti. Il-Partit Laburista ippermetta li kandidati ferventi jibdew kampanja minn kmieni ħafna, però, kif kien bassarli partitarju Laburist kbir, fl-aħħar ġimgħat tal-kampanja tfaċċaw l-“istar candidates” sabiex jassiguraw li l-voti jmorru fejn jixtieq il-Partit – forsi fuq bażi ta’ popolarità, iżda wkoll sabiex ikun hemm min huwa iktar tal-qalba fil-kontroll tal-Kunsill. Strateġija li lil hinn mill-mitkellem bejn in-nies u li diġà jixhed hekk, tħallini nistaqsi kemm verament l-iswadra l-ħamra hija magħquda.

Tul l-aħħar leġislatura dan l-istess Partit aċċetta li fost il-kandidati tiegħu li l-Beltin għoġobhom jafdaw fl-elezzjoni li għaddiet, uħud abbandunaw totalment il-ħidma, filwaqt li oħrajn baqgħu jaħdmu b’riżervi minn ċertu distanza. Kont inħokk xagħri u nħabbat rasi nipprova nifhem għalfejn f’ċelebrazzjonijiet bħal Jum il-Belt Valletta jew il-Ġimgħa l-Kbira nara biss ċertu uħud u mhux kulħadd. Spiss pruvajt nifhem kif rappreżentanti hekk setgħu qatt jiddefendu kriżijiet tal-Beltin jekk lanqas biss kienu preżenti f’mumenti ta’ għożża jew kburija.

Għall-kuntrarju, il-Partit il-blu ħareġ bit-tema #teamvalletta li f’dan il-każ inħasset ġenwina u nkuraġġanti mmens. Fit-tmexxija tal-Kunsill li għadda, inħoss li l-Kapitali spiċċat sfruttata u assedjata minn żvilupp kummerċjali sfrenat li llum il-kultura Beltija qed tbati l-konsegwenza tiegħu. Jiddispjaċini li matul dawn is-snin, il-Kunsill Lokali aċċetta li jkun emarġinat minn deċiżjonijiet importanti li seħħew, aċċetta li ma jibqax protagonist – jekk qatt kien – forsi għax b’nifsu maqtugħ jew għax wisq twajjeb. Forsi, kif ħafna jgħidu, kien hemm ħafna ntoppi filwaqt li responsabbiltajiet u merti tteħdulu. Fl-aħħar snin il-Belt Valletta sofriet telfiet kbar, l-akbar fosthom, il-ġentrifikazzjoni sfrenata u sfurzata kif ukoll l-għibien kważi totali tal-ħidma tal-Karnival. Mhux ta’ b’xejn li fl-aħħar ċelebrazzjonijiet marbuta mal-ballun, qajla dehret ir-ruħ kreattiva u kulurita ta’ Beltin. Kif jgħid ħabib kbir tiegħi, ir-ruħ ġiet traskurata biex għamilna spazju għas-sbuħija kożmetika biss.

Minn dejjem ma kellix grazzja mal-aljenazzjoni politika. U iva, hija dik l-ikbar dispjaċir. Dispjaċir imġedded fl-aħħar xhur meta waqt konverżazzjonijiet ma’ kandidati varji, ninduna kif l-ebda kandidat ma huwa jew hija aġġornata b’dak li qed jiġi mfassal għall-Belt. L-ebda kandidat ma kien konxju mit-twaqqif tal-Valletta Management Unit fi ħdan il-Heritage Malta – u li s’issa għadha ma ġietx varata. Jidher li Heritage Malta, ħatret lilha nfisha sabiex tkun responsabbli mill-immaniġġjar tal-ispazji fil-Belt Unesco u attivitajiet tal-komunitajiet, bħala ‘belt ħajja’. Jiddispjaċini li inizzjattiva hekk, l-istess bħal dik kulturali tal-VCA, twaqqfet lil hinn mill-Kunsill Lokali Belti; fejn hemm ir-rappreżentanti tal-Beltin. Jiddispjaċini aktar li l-kandidati tħallew fid-dlam minn dan kollu. Saħansitra wieħed fost l-aktar kandidati papabbli qalb il-Laburisti saħansitra qal li “jekk huwa hekk, nirriżenja!”. Nistennew u naraw.

Avviż ippubblikat 14/03/19 mill-Valletta Management Unit

Il-kandidati Beltin f’din l-elezzjoni huma kollha ħbieb tiegħi u naf x’isarrfu, allura nistmerr l-idea li dawn il-professjonisti varji jitħallew ‘l barra minn dawn l-pjanijiet, filwaqt li strateġisti varji, ifasslu destin ta’ individwi, familji u komunitajiet Beltin madwar mejda. Sfortunatament it-“top to bottom approach” fl-entitajiet governattivi jibqa’ kankru li qed ikompli jitrawwem anki f’amministraturi żgħażagħ bravi mgħammda bl-idea li jaqdu tfassil iddettat mill-għoli li forsi joffrilhom pedistall ileqq minn fejn jiddu.

Nhar is-Sibt sejjer nivvota lil dawk li nemmen li verament konxji minn dak li qed jiġri fil-Belt. Dawk li għadhom iħaddnu l-valuri. Lil dawk li jiftakru fi kliem il-Beltin li ħallewna u li rrepetewlna sa mewthom li l-Belt Valletta mhix għall-bejgħ. Ser nivvota bix-xewqa li l-kunsilliera jkunu xewka f’sorm kull pseudo-Belti li jaħseb li jaf aktar mill-Beltin. Ser nivvota bix-xewqa li Kunsill ġdid jiġġieled ġlieda qalila kontra l-ġentrifikazzjoni u l-arroganza ta’ numru ta’ kummerċjanti li ladarba l-Gvern tahom palata, dawn għamlu kullimkien tagħhom. Ser nivvota bix-xewqa li ċertu żbalji ħoxnin fl-ippjanar tal-bini fil-Belt Valletta jiġu revokati. Ser nivvota bix-xewqa li Kunsill ġdid ikun raġel u jammetti bla tidwir mal-lewża li l-kokaina saret reġina ta’ din il-Belt. Li Strada Stretta, proġett li kien tant ċentrali fil-ħidma lejn l-2018, illum hija mekka mhux biss ta’ tendenzi kummerċjali li ma jixirqux lill-Belt iżda wkoll mekka tad-droga; periklu f’linji tat-trab, speċjalment għal ħutna Beltin żgħażagħ li qed isibu sors tant qrib ta’ darhom. U Sinjura, jekk taħseb li neputik għadu ma missx magħha, jaf għandek żball oħxon!

Nhar is-Sibt sejjer nivvota biex forsi nkun rappreżentat minn nies li jaqdu dmirhom qabel ma jippruvaw jilgħaqu lill-varji chairmans, Prim Ministri, kapijiet jew allat oħra.

Nittama li din il-Belt mibnija minn swar porużi issib nifs ġdid fil-Kunsill Lokali 2019 sabiex minn hemm titrawwem demokrazija fejn il-valuri tal-Beltin ikunu ċentrali u jingħataw priorità u niċċa ġdida. Forsi ma tafx kif u l-pjan maħsub li l-Beltin ikunu xkupati, ma jirnexxiex!

Awguri ħuti Beltin! Kunu għaqlin!

KOBBA | Għeluq

L-Erbgħa li għadda, sieħbi James Vella Clark bgħatli messaġġ sabiex jindikali li kien hemm inervent ta’ Franco Battiato fuq RAITRE. Ma lħaqtx rajtu sfortunatament.

Il-Kobba, il-proġett artistiku ntemm nhar il-Ġimgħa. Imma mhux il-kobba fiha nfisha. Mid-dar tal-ħabib ġdid Antoine Farrugia ħriġt b’bagalja bi ħdax-il biċċa arti. Iżda ħriġt ukoll b’bagalja emozzjonijiet bħal wara vjaġġ twil u emozzjonalment intensiv. Naħseb ħriġt b’aktar linji ta’ spag aħmar jiġru minn qalbi lejn elementi li sawwru dan il-vjaġġ.

Il-Kobba kienet esperjenza ta’ tlett snin ħsieb, kreattività, esperiment, deċiżjonijiet u ħidma. Grazzi kbira lil sieħbi Simon Sultana Harkins li għat-tieni darba kien kuratur ta’ proġett minn tiegħi. Forsi mhux dejjem naqblu fil-metodi u ritmi tagħna iżda fuq kollox hemm sintonija ħelwa li tlaqqagħna f’punt komdu. Ma’ Xmun inħossni komdu ma naqbilx u nisma’ ħsibijiet minn perspettivi opposti.

Mal-kuratur Simon Sultana Harkins waqt l-aħħar serata ta’ KOBBA

Il-Kobba ħaditli ħafna ħin u enerġija. Tatni mħabbiet u serqitomli. Tellgħatni s-sema u sabbtitni fl-infern. Rawwmitni u tnejjket bija. Serqitli nifsi – drabi fi ljieli ta’ mħabba u drabi oħra fi ljieli twal ta’ biki. Kobba għallmitni nċedi aktar u nħalli kollox jitlaq mingħajr ma ngħannaq iżżejjed. Kobba fakkritni li hemm persuni li kapaċi jgħixu f’gidba konsistenti sabiex jissodisfaw is-suppervja filwaqt li oħrajn, kapaċi jibgħatu sms u jiskużaw ruħhom għall-feriti li jkunu ċarrtu f’sider ħaddieħor. Kobba xxennaqni nemmen li tassew teżisti relazzjoni li tista’ tibqa’. Għal dejjem. Imma mhux bil-kliem. Għal dejjem, bla biżgħat u mingħajr ma l-fil aħmar jifga ‘l ħajja mis-suġġetti.

Illum qalb il-ħedla ta’ wara nofsinhar intfajt nara l-programm li kien issuġġerieli James. Lessico Amoroso jismu. Sa mn’alla rajtu llum. Ma tantx hemm kliem biex tiddeskrivi l-ġmiel ta’ dawk l-45 minuta. Tpaxxejt f’sakra ħelwa nisma l-kliem li nemmen fih b’tant saħħa. Kliem profond u xejn fieragħ. Kliem dwar elementi li kontinwament nipprova ngħix kuljum u li Kobba saqsiet dwarhom. L-istil ta’ diskursati li nħobb nisma.

Massimo Recalcati jitkellem dwar l-akbar żewġ gidbiet li qed ngħixu. L-ewwel dik li l-ħajja adulta hija ħajja kapaċi li tkun awtonoma u indipendenti. Li ż-żmien jeżalta l-“jiena”. Meta fi kliem Recalcati, mingħajr “l-ieħor”, il-“jiena” ma jeżistix. Li l-“ieħor” jgħix fil-“jiena”. U l-“jiena” ma hux padrun ta’ daru.

Massimo Recalcati waqt Lessico Amoroso

It-tieni gidba kbira hija li s-salvazzjoni tagħna tinsab fil-poter tal-oġġett u li dan l-oġġett joffri l- possibiltà tal-ġdid. Oġġetti li jwegħduna ferħ u salvazzjoni. Xewqa umana li timbuttana lejn l-akkwist kontinwu. F’dan il-ġenn nitilfu l-element ta’ kura lejn l-“ieħor”. Sfortunatament għext nies mgħarrqa f’din il-ġirja bla nifs lejn infinit giddieb li jnessi l-kobor jew ibeżża’ mill-kobor tal-għotja kompleta tal-imħabba.

Xi ġmiel l-argumenti li l-imħabba tiġġedded fiż-żmien. Kontra kull kuntrarju. L-imħabba bħal fjamma, tiġġedded, tissaħħaħ u tgħix fit-tul. Dejjem ġdida! “Meglio bruciare o durare?” Mhux ser ngħid xejn dwar l-intervent ta’ Roberto Benigni. Nittama biss li ssibu ħin tisimgħuh.

Roberto Benigni

L-għada li Kobba ntemmet, jitfaċċa dan kollu, bħal karru mimli ħjut ħomor, kobob… sabiex naqbeż fihom u bihom ngħix aktar u mmur x’imkien ġdid fejn niskopri relazzjonijiet b’imħabba li taqbad u li ttul. Mħabba vulkan li taħraq kollox u ġġenninni imma wkoll twassalni ngħix il-kwotidjanità f’paċi. Grazzi ta’ dan kollu lil James, li fettillu jaħseb fija b’messaġġ. Illum infetħu toroq ġodda lil hinn mill-Kobba.

Aktar grazzi. Grazzi lil kull min għoġbu jakkwista xi xogħol mill-Kobba u jgħix ftit minn dan kollu miegħi. Grazzi lil min qasam ħsieb jew ftit sekondi miegħi tul is-seba’ waqfiet. Grazzi lil min ma ġiex b’għażla. Grazzi lil min ma fhemx b’għażla. Grazzi lilek Claudia li minħabba fik twieled il-kunċett tal-Kobba. Grazzi Roberta. Grazzi Clint Scerri Harkins li tul dan iż-żmien sibt ħabib intens fik. Grazzi Carl Farrugia. Grazzi lil John Mallia, Edward Bonello, Victor Jacono, Martina Said u Stephanie Fsadni li xerrdu l-Kobba f’distanzi oħra. Grazzi lilkom li ftaħtu l-bieb ta’ djarkom għall-Kobba. Grazzi lill-familja Agius li laqgħu lili għandhom. Grazzi lilek Louise li nsiġt linja ħamra miegħi u dewwaqtni sens tanġibbli u profond għal dawn il-ħsibijiet kollha.

PS. Għal min xtaq ikun jaf minn fejn twieldu t-titli tax-xogħolijiet f’Kobba, hawn huma l-kanzunetti li kkawżawhom

Kantiku għall-emozzjoni

Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa ntensi. Emozzjonijiet, waħda wara l-oħra. U issa fl-aħħar għaxar minuti tal-aħħar siegħa tas-26 ta’ Frar xtaqt inħarbex kelmtejn għal din il-memorja.

Il-jum beda b’diskursata ma’ Alex dwar il-crowdfunding b’risq l-appell kontra l-iżvilupp tal-bajja tal-Mistra. Kien jonqos €2000 sabiex jintlaħaq l-ammont mixtieq. Qsamt ix-xettiċiżmu u riżervi tiegħi ma’ Alex u bħal dejjem, fhimna lil xulxin. Awgurajtlu li l-iskop jintlaħaq u komplejt bil-ġurnata.

Il-vuċi ta’ Faber minfuq Spotify lissnet lament li noħlom li xi darba ninseġ bħalu, jekk mhux diġà għamilt. Kliemu akkumpanjani waqt li erġajt ħdimt fuq ritratt grafiku li kont ħallejt l-lejl ta’ qabel. Kienet ilha ma titfaċċa l-muża tal-kulur u l-forma imma ħdimt fuq wiċċ li ispira nifs ġdid f’ħajti fl-aħħar xhur.

Matul il-jum kelli diskursati mhux mistennija. Uħud ma’ familjari, imħabbiet passati, oħrajn ma’ nies li ma stennejtx. Diskursata ħelwa, bħas-soltu, iżda qasira din id-darba, ma’ Ray tal-kwadri li għalih kienet maħluqha l-kelma “bieżel”. Għalkemm b’mobile sieket, fi triqti mill-Mosta, bdiet b’sorpriża l-ewwel taħdita li laħqet il-qofol meta aktar tard kont ser inħalli parkeġġ fil-Ħamrun. Sadattant diskursata partikolari ma’ persuna li qajla kont naf waslitli aħbarijiet li qatt ma stennejt. Erġajt ftakart kemm hawn bnedmin li jafu jgħixu f’paċi mal-gidba tagħhom infushom u kemm oħrajn isibu serħan f’imġieba vjolenti u pastaża. Ta’ sebgħa u tletin sena aċċettajt li din hija tassew verità għal ħafna.

Lura lejn il-kapitali, mort inżur l-esibizzjoni artistika ta’ sieħbi James Vella Clark. Fettilli nsib parkeġġ qrib. Dħalt fl-ispazju tal-esibizzjoni bi sħaba madwar rasi. Ma nafx, bħal qisni ma kontx hemm. Qrajt l-introduzzjoni stampata fid-daħla tal-ewwel kamra. U toqgħod tgħid Convergence, deskritta bħala “layers of experience come together to form something new and unique to what previously was. a layer upon layer of experiences, lessons, achievements, losses, regrets, aspirations”. Kollox beda jieħu forma…

Inħoss li James, sa qabel kont sirt nafu, dejjem tkellem lingwa li paxxietni fl-arti tiegħu. Inxebbħu mal-effett tal-lingwa Sirjana, li skoprejt fl-aħħar xhur u li għax tixbah il-lingwa tiegħi, tpaxxi s-sensi u xxennaqni nissemma kurjuż biex insir naf aktar. Ma niftakarx f’liem ordni dort max-xogħolijiet iżda niftkar li Yellow Morning u Erasing Memories serquli ħafna ħin. Dawn iż-żewġ biċċiet wasluli enerġija li kelli bżonn illum; kalma, rassenjazzjoni u fiduċja pożittiva. L-isfar maħruq dejjem kien il-kulur favorit u fih insib ħafna minni. Filfatt Yellow Light II u Yellow Light III irreżonaw ukoll. Poġġejt ftit bilqegħda u sraqt xi ritratt bil-mobile. Id-dmugħ feġġ quddiem Abstract in Red and Black. Biċċa xogħol vjolenti ħafna li tikxef lill-artist fil-profond kollu tiegħu għal min jaf jaqraha. Biċċa xogħol li tirrifletti silenzjuża imma ma tiskot qatt.

Erasing Memories
Yellow Light II u Yellow Light III
Abstract in Red and Black

Shazam qalli li fl-arja kien hemm mużika klassika għaddejja. Bach, J.S.: Suite for Cello Solo No.6 in D. Akkumpanjament f’waqtu li aktar tard skoprejt li kienet il-mużika li akkumpanjat lill-artist fil-kreazzjoni ta’ dawn ix-xogħolijiet. Referenzi oħra għal dan il-ħoss fit-titli Dvorak, Chopin u Frederick’s Garden. 

Pjaċir li nara l-iżvilupp li għadda minnu James anki ‘l bogħod mill-landscapes ċelebri li spiss bżajt li kienu għoddhom ser jitfawh f’gaġġa. Xogħolu jilgħab mill-vjolenti, goff, sfaċċat u salvaġġ għas-seren, mistħi u nnoċenti. Għalkemm inħoss iktar kumdità fl-ewwel forma, nammetti li l-kontroll taż-żebgħa fit-tieni huwa xi ħaġa ammirevoli. Fuq kollox il-kompożizzjoni, l-moviment u t-tqassim tal-kulur f’xogħol James minn dejjem sibthom brillanti.

Yellow Morning

Lura lejn id-dar nirċievi aħbarijiet li ma stennejtx fit-tieni konverżazzjoni virtwali. Bqajt kemmxejn sorpriż. Sorpriż mill-kontenut iżda wkoll mill-koinċidenzi ta’ kliem li ingħad lili fl-aħħar żmien u t-tema ta’ xogħol James. Nies minn ċrieki u kulturi differenti li ħajjruni ma ninsiex li Alla biss għandu kontroll fuq il-ħajja.

Fit-tard mort fid-dar tal-anzjani. Lina qaltli li tħossha waħedha u tibki ħafna. Qaltli li idejja kienu kesħin. Qaltli biex nibqa’ mmur naraha u biex inwasslilha l-messaġġ. Tereża qatt ma ltqajt magħha qabel illum. Magħdura ħafna tidher imma mis-sodda sellmitli bil-qalb.

Erġajt lura d-dar u rajt il-partita tal-Lazio kontra l-Milan. Xejn b’xejn ir-riżultat u anki l-kontenut. Wara xegħelt mobile antik u sibt messaġġi antiki varji li komplew mal-lista ta’ emozzjonijiet.

U fl-aħħar waqa’ silenzju. Ħadd ma baqa’ jitkellem. Allura ktibt. Għax kollox għad ninsa. Kollox għad jintesa. Jekk mhux bil-kitba. Jew moqri f’pittura. Forsi.

X’fakkritni d-dementia

Id-dementia hija kundizzjoni li tnawwar. Nistħajjilha moffa. Kundizzjoni li tbikkem lill-vittma waqt li din tagħraf it-telfien ta’ kull fakultà iseħħ bla ma tista’ tintervjeni. Id-dementia hija kundizzjoni li tħoll il-bniedem minn kull ħsieb u tifdi lir-ruħ fuq din l-art. Tkisser kull forma ta’ prużunzjoni u tfakkar li din il-ħajja m’hija xejn ħlief stadju.

Id-dementia ittambar turment kontinwu fil-qalb u fir-ruħ ta’ min jgħixha minn distanza. Bħal gas li joħnoq in-nifs, jew par idejn marsusa ma’ għonqok li jeħdulek kull tama. Id-dementia teħodlok kollox, bil-mod il-mod; u għalkemm b’pass kwiet, tqaċċatlek kull xifer ta’ sens minn din il-ħajja.

Id-dementia teħodlok u titliflek lil min b’saħħtu kollha xtaq ikun hemm għall-vittma imma jħoss qalbu mfarrka u vojt kbir jiċċirkondah. Teħodlok ħafna mill-iskop li titkellem ma’ nies li ma jistgħux jifhmu u jibqgħu jippretendu li kollox għadu kif dejjem kien. Teħodlok lil min bil-kliem biss isibha faċli l-kelma “inħobbok”. Teħodlok l-enerġija, il-motivazzjoni li tgħarrex waħda friska, l-orjentament, l-iskop. Toħloqlok baħħ.Id-dementia bħal riefnu fuq xtajta; tkaxkar kulma ssib frivolu, giddieb jew mibni fuq ir-ramel.

Id-dementia ħaditli wisq u żżejjed imma nessietni il-knis tal-ħajja. Id-dementia fakkritni li quddiemi hemm l-isbaħ ħolqien; dik li tatni l-ħajja. Id-dementia offrietli ftit nies li bħali għexuha u fil-fraġilità estrema li jinsabu fiha, jitkellmu u joffru sapport. Id-dementia urietni li tbissima tfisser eternità. Li ġismi wkoll xi darba għad irid jitniżżel minn fuq sodda minn żewġt irġiel li ma nafx u jintefa’ b’galbu f’kaxxa. Id-dementia reġgħet fakkritni li jifdal biss ħaġa waħda… fi kliemek ħabib: “Ħobb-ha”. L-imħabba biss tibqa’.

Ħsieb b’dedika u rispett lejn in-nies li nħobb, oħrajn li sirt naf fl-aħħar xhur, raġel umli li sirt naf dan l-aħħar u ommu li ġiet nieqsa llejla. R.I.P.

Ħajtek mhix dwarek

Għaddiet il-Festa. Kemm jien kburi! U kemm emozjonijiet jibqgħu! Kemm riflessjonijiet, xewqat, dubji, taħbit tal-qalb, eċitament. Fit-3:15 ta’ filgħodu qalb il-mard li fl-aħħar qed iċedi, tiġi din il-muża tokrob sabiex tinkiteb. Il-kitba hija passjoni u għalkemm kien hemm min iddejqu u min ħaseb li nużaha biex nimpressjona, ma niċħadx li hija fost l-isbaħ duwa li nsib għall-uġiegħ li kultant inawwar din l-eżistenza. U għalhekk nikteb ma niqafx.

Ritratt għażiż meħud minn Carl Farrugia
Dik il-vara tal-Gafà rajtha tibdel l-espressjoni hekk kif sabet postha lura fil-Knisja. San Pawl tbissem. Forsi lili jew forsi lilna kollha; l-imġienen li nħaqqu kollox sabiex dan l-avveniment jibqà jsir. Imma ejja ngħidu li għal darba, Pawlu tbissem lili biss.

Kemm nixtieq li dik il-vara tista’ titkellem! Konvint li nduna bid-dmugħ imdendel li kelli hekk kif bdiet il-purċissjoni. Konvint li semgħani nkellmu qalb il-ħafna għajjat. Tgħanniqa kienet tinżel għasel. Ilbieraħ waqt live fuq Facebook, Fr. Karm spjega kif Pawlu għex kriżi wara li kkonverta. Kriżi ta’ proċess mudlam li kissirlu kull twemmin u ċertezza li kien ilu jrawwem minn ċkunitu. U allura min jien jien biex niddetta dak li rrid? U dak li rrid x’inhu? Il-fejqan fiżiku ta’ persuni li nħobb daqs dawl għajnejja? Ir-ritorn ta’ imħabba li emmint fiha? Forsi dawk. Ftit sekondi wara nirrealiżża jien stess li huma mpossibiltajiet li għalxejn nixxennaq għalihom.

“Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.”

Waqt li Gabriella Agius kienet qed taqra r-rakkont spettakolari tal-wasla ta’ San Pawl f’Malta, laqtuni dawn il-frażijiet apparti l-mod eċċellenti kif qrat is-silta. Hekk kif ħadu deċiżjoni, irħew kollox… it-toqol u l-irbit… iċ-ċertezzi. U erġajt ftakart fil-kanzunetta ta’ Fabi, Vince chi molla.
Ftakart ukoll kif ftit jiem ilu sieħbi qalli sabiex meta nitħadded ma’ dak li “aħna għalih u tiegħu”, infakkru sabiex jieħu r-riedni f’idejh. Qalli biex meta nitolbu hekk, nemmen u nerħi t-tmun jien ukoll. Kultant nirrabja għax inħoss li xbajt u għajjejt inċedi. Xbajt u għajjejt nisma’ kliem ta’ tifħir iżda naqla’ id-daqqiet għall-istess raġuni. Xbajt u għajjejt niltaqa’ ma nies li jibżgħu jkunu veri, imqar lejhom infushom. 
U għalhekk l-ammirazjoni sħiħa lejn Pawlu u ħadd iktar. Pawlu li jġorr profil ta’ bniedem supperv – mhux ta’ qaddis tajjeb. Pawlu għaraf juża r-ras iebsa li kellu sabiex, kif spjega Karm, ħajtu ma tkunx gidba, ma tkunx dwaru iżda dwar xi ħaġa ikbar minnu: l-imħabba. Il-ġifen tfarrak iżda hu le. L-ebda tempesta ma rnexxielha twaqqfu – pjuttost bil-kontra!

Tisbita tal-beati paoli

Reġa’ wasal il-25 ta’ Jannar. Miegħu ħafna ħsibijiet u sensazzjonjiet kontrastanti. Qabel l-ewwel ħjiel tal-għodwa, innutajt lil sħabi jippostjaw ritratti marbuta mal-konverżjoni ta’ Pawlu fuq Facebook. Illum għal ħafna Pawlini jiftaħ is-siparju fuq il-festi sbieħ li jġeddulna memorja mgħoddija lilna mingħand missierna, in-nannu u l-bużnannu. Memorja li huma, f’xifer tal-arblu familjari, talbuna nkomplu ngħaddu, kif twassal lilhom.

Filwaqt li nista’ ngħid li Jeremy il-Juventin rebaħ l-isfida għall-isbaħ ritratt, (u hawn se jifraħ li l-Juve jirbħu kollox) ħsibt li jien ta’ Milanist umli, stajt nesprimi ħsibijiet billi nerġa’ inħażżeż erba’ kelmiet minflok.

Fl-2013 u fl-2015 ktibt dwar il-konverżjoni. Kunċett li jaffaxxinani wisq għal raġunijiet li lanqas jien għadni qatt ma għoddejt. Mhux ser nirrepeti dak li kont diġà ktibt.

Ritratt ta’ Jeremy Agius

L-immaġini romantika jew romantiċiżżata ta’ Sawlu jinstabat minn fuq żiemel għalija tfisser li l-konverżjoni mhi xejn ħlief tisbita tal-beati paoli, dlam u nċertezza b’mistoqsijiet bħal “min int?” u “fejn se mmur?”.

Il-konverżjoni tfakkarni fil-bżonn imminenti ta’ umiltà. Il-bżonn li nieqfu nirkbu żwiemel jew nitilgħu fuq pedestalli biex mingħalina naħsbu li sirna xi ħadd importanti u ta’ poter. Kif fakkarni sieħbi Mario lbieraħ, “kulħadd six feet under sejjer”. Illum jew għada.” Konverżjoni hija l-bżonn li nifgaw ix-xewqa spiss ħelwa ta’ dak li fil-verità nafu li huwa tossiku.

Il-konverżjoni tibqa’ tfakkarni, anki meta ma jkollix aptit niftakar, fil-bżonn tat-tjubija – dik li kontinwament teħodni fejn inweġġa’ u ssabbatni bħal dawl jgħammex. Li mhux jien niddeċiedi iżda li b’umiltà nimxi lejn sejħa. Dik li kull bniedem jista’ jsib biss fil-ġewwieni tiegħu u mkien aktar.

J’Alla ma nkunx trux.

Is-sena 2018

Is-sena tal-Greċja, l-Italja u l-Portugall. Tas-37. Is-sena tal-festa mnejjka u l-mewt taz-ziju. Is-sena ta’ Higuain, tal-vjaġġi f’Għawdex. Is-sena tal-Kobba. Is-sena tal-mewġ fil-Port il-Kbir. Is-sena ta’ Giorgio Poi u Andrea Laszlo de Simoni.

Is-sena fejn ħassjetni l-inqas mifhum. Is-sena fejn ħassejtni l-iktar fraġli u l-aktar b’saħħti. Is-sena meta ħbieb gidbu fuqi u ġew emmnuti. Is-sena tal-24 kampjonat. Is-sena tal-mewt ta’ Godwin Scerri u l-vojt li ma stennejtx li se nħoss wara. Is-sena tal-qalb kbira ta’ Charles Agius u l-pożittività li kattar fija. Is-sena tal-messaġġi sbieħ u profondi li biddluli ħajti bħal dak ta’ ex-kollega li fakritni li min iħobbok ma jidfinx il-poeżiji tiegħek f’kexxun. Is-sena tal-gideb u l-infern. Is-sena ta’ Mario, Giselle, Alfred, Chalie u Romina. Is-sena ta’ Charles Bennett u s-sbuħija ta’ qalbu. Is-sena ta’ Clint u l-allegrija li jġib miegħu. Is-sena ta’ Katie u l-imħabba ġenwina li offrietli. Is-sena tat-Tazza tad-Dinja mingħajr l-Italja. Is-sena ta’ Belti bħala Kapitali Ewropea għall-Kultura fuq sfond tal-imwiet inkredibbilment numerużi li ħasdu lill-familji Beltin. Is-sena tal-ħolma tal-Beltin; il-Festa l-Kbira. Is-sena ta’ Altofest f’Malta. Is-sena tal-karba tal-Beltin f'”Il-Ħasla”. Is-sena ta’ Victor u ta’ Ġorġ il-kennies. Is-sena ta’ Cynthia, GAME, tad-Danimarka, tal-Latvia, tal-Estonja u tal-Isvezja. Is-sena ta’ Bernard u l-istand up tiegħu. Is-sena ta’ nies kbar bħal Davide. Is-sena fejn tlift u ċedejt kemm-il darba biex forsi xi darba nirbaħ. Is-sena li fiha tlift parzjalment lil ommi. Is-sena li fiha pruvajt nibki imma d-dmugħ weħel; imma sal-bieraħ. Is-sena li fiha ċedejt u fgajt lis-suppervja biex ngħażel il-paċi. Is-sena li fiha ddedikajt ħinijiet twal għal ħaddieħor iżda wkoll ħin għalija. Is-sena li fiha skoprejt aktar lili nnifsi, il-limiti tiegħi, l-ħolm li jmexxini u għext xewqat mill-aktar umani tiegħi. Is-sena tas-Sirjani. Is-sena fejn esperjenzajt imħabba li qatt ma tmut. Is-sena li qalbi bkiet, ħafna, u daħket iktar. Is-sena ta’ Wistin, Joyce, Agnes, Ċetta, Antonio, Filippa, Evelyn, Magdalene u l-bqija. Is-sena tal-ħolm u tal-ideat. Is-sena ta’ lejl maġiku u l-ġenna. Is-sena ta’ Salvini. Is-sena ta’ xagħri mgerfxa. Is-sena tal-ħbieb speċjali. Is-sena ta’ nies inutli. Is-sena ta’ bejn is-swar. Il-lejl tax-xewqa li int tibqa’.