Tag: malta

Konverżjoni

‘Konverżjoni’

Intriganti din il-kelma. Speċjalment għal Pawlin, illum fil-25 ta’ Jannar. Skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina, din il-kelma tirreferi wkoll għal bidla, eżempju, ta’ flus jew direzzjoni fiżika.

Sforz ir-reliġjon u l-kultura artistika li kbirna fiha, ix-xena tal-konverżjoni ta’ Sawlu dejjem rajniha bħala mument kważi kważi eleganti jew l’iktar l’iktar drammatiku. Biss, ftit minuti ilu wara li qrajt l-istatus ta’ Facebook ta’ sieħbi Stephen Baldacchino li ftit jiem ilu kien involut f’inċident tat-traffiku ikrah ħafna, ħsibt ftit dwar xi jkun mument li tassew jibdillek ħajtek ta’ taħt fuq.

L-ewwel ħsieb imur fuq dawk il-kompożizzjonijiet artistiċi li ninduna kemm huma wisq ‘l bogħod minn realtà. Anki riċerka sempliċi fuq Google, ressqitli riżultati li ġabuli tbissima, iżda fl-istess ħin aktar spunti ta’ riflessjoni… Hawn huwa eżempju:

Żgur li waqgħa minn fuq żiemel mhix daqshekk komposta kif irrakkuntaha Caravaggio. Nixtieq nimmaġina lis-suldat Ruman Sawlu jittajjar minn fuq żiemel (jew żieme ?) sfrattat u jinstabat għal wiċċu mal-art bla ebda grazzja. Minjaf forsi kiser kisra idu, tilef xi sinna jew spiċċa b’xi daqqa f’għonqu jew dahru li baqa’ jħossha fix-xhur ta’ wara. Naħseb xenarju iktar realistiku żgur. Xenarju ta’ iktar ‘impatt’ fil-veru sens tal-kelma. U appuntu hemm fejn inqabbel l-inċident ta’ Stephen ma’ episodju goff u li jaħsad.

Stephen kiteb:

“Il-Mulej jinqeda b’ħafna okkażjonijiet u ċirkustanzi biex jerġa’ jgħaqqadna miegħu. Uħud minnhom anka kemm xejn skomdi u forsi wkoll xi ftit diffiċli. Ħassra li mhux dejjem nindunaw li Hu jkun daqstant viċin tagħna! …meta nindunaw, m’hemm xejn isbaħ li niftħulu l-bibien ta’ qalbna u nħalluh jimlina bl-ispirtu divin tiegħu…”

Issa lil hinn mill-kuntest reliġjuż, li bħalissa mhux li huwa tant preżenti f’ħajti minħabba l-wisq firdiet li jġib miegħu, inħoss illi konverżjoni hija, appuntu, dik li tiftaħlek għajnejk biex tibda tifhem dak li kont għadek ma fhimtx għalkemm kollox kien ċar u tond quddiemek. Konverżjoni hija meta tiddeċiedi li għalkemm pruvajt kollox, iċċedi, tgħannaq emozzjoni diffiċli u b’imħabba tlebbet lejn triq ġdida. Konverżjoni ġġib magħha ħafna feriti, uħud gravi, uħud ma jfiqux… fiżiċi, mentali jew emozzjonali… imma ġġib ukoll nifs ta’ ħajja ġdida. F’mumenti ġġib sodisfazzjon u paċi. Ġġib opportunità ġdida…

Dal jum f’hekk qed niftakar u naħseb. Il-bżonn li ngħixu l-waqgħa b’mod komplut, kważi kważi daqs li kieku hija rigal. Imma forsi jien iblah… ma nafx. Forsi nifhem aħjar fis-siegħat u ġranet li ġejjin. Intom x’taħsbu?

L-2014 f’mużika

Ħajti dejjem kienet ittimbrata mill-mużika. B’xi mod jew ieħor, sors jew ieħor, ħajti nista nirrakkuntaha f’diski li akkumpanjawni. M’inix dilettant tal-films u l-kotba, bi sfortuna kbira, iraqqduni. Nista’ ngħid li f’ħajti ‘qrajt’ infinità ta’ stejjer miktuba għall-finijiet mużikali. Meta kont qed nitfarfar kont fortunat li ltqajt ma’ ħafna mużika b’messaġġi pożittivi u li għallmuni nibni fiduċja fija nnifsi u nħobb kemm niflaħ. Aktar ‘l quddiem sibt awturi li rrakkuntaw ħajjithom b’enerġija u profondità liema bħalha – fejn ma sibtx kliem jien, dawn kważi kważi rnexxielhom jiktbu stejjer li bħal donnhom irrakkuntaw ħajti u s-sentimenti tiegħi. Kull kanzunetta ngħoddha daqs ktieb. Kull album, librerija.

Fir-realtà tal-llum l-inkontru mal-mużika huwa fuq livell emozzjonali. Illum naf li anki l-mużika nnifisha hija ‘kitba’ li tirrakkonta sensazzjjoni. L-“uġiegħ” li kien isemmi l-Gaġġu lura fl-2002 illum hija lingwa li nsib aktar komda minn dik tal-ilsien nazzjonali. Lura fl-istess żminijiet, is-Sur Alfred Camilleri kien qalilna “tibżgħux tammettu li intom artisti”. U hekk hu. Illum kburi li fhimt u snin ilu aċċettajt din il-‘kundizzjoni’. Kemm hi sabiħa din il-lingwa! U kemm hu sabiħ meta ssib mumenti fejn din il-lingwa hi mitkellma.

Is-sena 2014 nista’ nirrakkuntaha f’numru ta’ kanzunetti:

Ateliota Hrisanthema ta’ K.BHATA
Diska li kienet ixxerjata fuq Facebook mill-kollega Griega, Maria. Meta smajtha, xi ħaġa fija ġara. Bħal ħassejt li sibt ħoss u rakkont li jitbandal bl-istess ritmu ta’ qalbi. Għalkemm il-lingwa mitkellma ma stajtx nifimha, dik tar-ruħ u tal-qalb, fehmet kollox. Filfatt, tlabt lil Maria tieħu paċenzja bija u tgħamilli nterpretazzjoni għall-Ingliż. Bqajt sorpriż mhux ftit meta rrealiżżajt x’kien ir-rakkont f’din id-diska u ma stajtx inżomm id-dmugħ. Saħansitra ddeċidejt li ngħamel interpretazzjoni għall-Malti, li sabet ruħha, mill-ġdid, fuq Facebook.
It-titlu ta’ din id-diska għażiża issa jinsab imberfel ukoll fuq il-karozza tiegħi, bit-tama li xi darba anki jien ngħix f’għelieqi bla tmiem ta’ kriżantemi.

Heard About You Last Night ta’ Mogwai
Il-ħolm huwa dak li jżomm lill-bniedem ħaj. U appuntu din id-diska li tiftaħ l-aħħar album tal-band tant għal qalbi, Mogwai, apparti li tinstema bħal soundtrack ta’ ħolma, kienet akkumpanjament għall-ħolm ta’ din is-sena. Mill-karozza għal fuq Spotify; mill-earphones fuq ix-xogħol sal-headphones f’nofs ta’ lejl, mill-laptop għal fuq il-mobajl. F’din il-mużika sibt rilassament fi żmien il-kitba tat-teżi u sibt ukoll mezz kif nifhem lili nnifsi fil-paċi u mhux fil-konfużjoni. F’dil-mużika ħlomt bil-maġija u emmint li nista’ ngħix l-impossibbli. Hekk kif beda l-kunċert ta’ Mogwai f’Ruma u nisma dawk l-ewwel ftit noti, ma stajtx ma nħossx dexha tiela ma’ ġismi kollhu. Mument maġiku tassew!
Użajt it-titlu ta’ din id-diska bħala titlu għal rakkont qasir minn tiegħi li jinstab hawn.

Formidable ta’ Stromae
Matul din is-sena ġraw affarijiet tassew formidabbli u li sa dan il-ħin li qed nikteb, ma nistax nispjega, għalkemm pruvajt. Il-kliem qatgħu qalbhom u anki l-arti. Baqa’ biss qalbi tħabbat u tixxennaq li għadha tista’ tgħum f’tant lussu. Sa minn meta smajtha l-ewwel darba waqt Sanremo din id-diska fissret wisq!

Sete ta’ Saluti da Saturno
Kien album li rċivejt bħala rigal mingħand il-kantant Mirco Mariani. Album li akkumpanja l-ewwel xhur tas-sena b’ħafna tjubija u kebbes fija enerġija li kont tlift fis-sena ta’ qabel. Sete filfatt titkellem dwar tfittxija u stennija nfinita għal dik li tixgħel il-ħajja. Album li wasal b’sorpriża u li niżel għasel bħal tazza ilma frisk f’nofs deżert.

L’Abitudine di Tornare ta’ Carmen Consoli
Ir-ritorn tal-kantantessa ma nistax ma niċċelebrahx wara stennija ta’ ħames snin. Carmen dejjem kitbet rakkonti li għallmuni ngħix u nifhem kif għandi nħares lejn il-ħajja… b’imħabba imma b’rispett lejja u lejn il-prinċipji fundamentali tiegħi.

Out of the Black ta’ Royal Blood
L-iskoperta ta’ qabel tal-aħħar. Fiż-żmien meta ridt insib ftit saħħa, sibt din, grazzi għal share li għamel sieħbi Davide mill-istess album. Jien bħas-soltu, ridt nisma l-album kollu u din, l-ewwel track, rebħitli qalbi.

I Lived on the Moon ta’ Kwoon
L-aħħar skoperta dis-sena. Imma x’effett! X’paċi ġabitli! Bħal qisu xi ħadd ġie jwennisni f’mument fejn intfajt nibki taħt siġra f’nofs foresta kiesħa.

Diski oħrajn li ħaqqhom grazzi:

Shine ta’ Madrugada
Rapsodia Satanica ta’ Giardini di Mirò
Lover, You Should’ve Come Over ta’ Jeff Buckley
Luna ta’ Verdena

Żieme

Bħal fi Trojja, tfaċċa żiemel f’Belti u ġab miegħu nvażjoni. Bħal fi Trojja, l-installazzjoni “Żieme” inħbiet wara l-idea ta’ monument, biss l-essenza ħarġet inkiss inkiss, infiltrat fid-djar u fl-imħuħ u nażżarda ngħid li anki din id-darba, il-gwerra ntrebħet.

Xi gwerra hi li ntrebħet?

Gwerra hija magħmula minn battalji u appuntu l-lista ta’ battalji li ġew miġġielda kienu numerużi. Battalja kontra l-injoranza. Battalja kontra l-aljenazzjoni. Battalja kontra l-kunċetti estremi Nazzjonalisti u Soċjalisti. Battalja kontra l-għażż. Battalja kontra s-soffokazzjoni artistika u kulturali. Battalja kontra l-formalità politika. Battalja kontra l-ipokrezija reliġjuża. Battalja kontra l-ġaħan. Battalja kontra l-aristokratiku kollu pompa.

B’Żieme, l-artist u ħabib tiegħi, Austin Camilleri, irnexxielu jaħsadna u jekk lis-suġġett tiegħu ħallieh fuq tlett saqajn, żgur li lilna qabadna fuq sieq waħda. Kemm l-iktar mistoqsija sempliċi iżda anki dik l-aktar akkademika, tistħarreġ is-saħħa u l-istabbiltà ta’ dik il-kreatura familjari, mhux aktar rikonoxxuta, u b’identità maħsuda sforz nuqqas evidenti u forsi makabru.

miktuba lura għal ġranet tal-inawgurazzjoni

L-infinit

Huwa f’ċertu ħars li jintlemaħ jew jinħeba l-infinit. Hekk ikantaw Battiato u Consoli. Jistaqsu kif tista’ ma twerżaqx dak li l-univers jorbot ma’ rwieħna f’għaqda minsuġa bil-ktajjen?


Fil-forma ta’ kliem u l-kumbinazzjonijiet ta’ bejniethom, fid-daqqiet tal-pinzell diġitali, jien inwerżaq. Inwerżaq. Inwerżaq bħall-karozza arroganti li taħsad is-skiet ta’ triq siekta. X’ħin tarani sieket, jien qed inwerżaq. Fid-dlam, qabel il-lejl jifrex liżar fuqi, iftaħ widnejk u tismagħni nwerżaq. Meta mal-ħobż tal-kexxun fit-towster titla’ xemx ġdida, ieqaf, neħħi minn idek u ismagħni nwerżaq.

Il-ħsieb u l-kliem joħorġu jilgħabu mal-lejl. Jiġru u jitkaxkru mal-art, qalb trabijiet, għadajjar t’ilma u karozzi pparkjati. Bħal missjunari jew forsi lagħaba bla fejqan jibqgħu isostnu l-fidi tagħhom b’ostinazzjoni. Jittajru kliem u ħsibijiet fi bżieżaq, fl-arja tiegħek u jiżżeffnu mar-ruħ bil-moħbi. Dak il-moħbi li ftit jażżardaw jitkixxku fih… ħlief int. Int taqbeż f’dak il-moħbi mimli tempesti, bluha u ħoss l-orkestri.

Nidħak waħdi b’għajnejja b’nitfa dmugħ, meta ma nifhimx għalfejn inwerżaq. Jekk l-univers jarmi l-ktajjen, jien niżloq, jien immut. Jekk l-univers ma jsallabnix, jien ma nerġax inqum wara tlett ijiem. Għalhekk kull lejl jiftaħ separju fuq destin diżorganizzat; imċajpar; u bir-ritmu tal-lastiku fuq il-wiċċ tal-karozza, jaħsel ħuġbejja b’emozzjoni biex l-infinit jerġa’ jagħmel sens. Biex meta tpoġġi fjura fuq qabri, tismagħni nwerżaq.

Ispirata minn din. Miktuba għal dik.

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Biċċa mużika ideali għall-ġurnata tal-llum fejn ħafna nies madwari narhom mitlufa wara tifkiriet ta’ żagħżugħ tal-età preċiża tiegħi li spiċċa msallab wara li ngħata bewsa.

Illum ma tantx għandi ħin nikteb minħabba mpenji oħra, biss kelli dan il-ħsieb iberren hekk kif dalgħodu faqqgħu dawk it-tlett sajjetti meraviljużi bejn is-sur ta’ quddiem kamarti u qalbi. U meta jberren, ikun irid jinkiteb!

Lil min qed insallab illum?

‘L bogħod minn kull diskors reliġjuż, ikolli ngħid li l-iktar sitwazzjoni li spiss ninjora hija meta nispiċċa nsallab lili nnifsi. Għandi x-xorti li f’ħajti tfaċċaw nies li b’xi lingwa jew oħra, ifakkruni meta jarawni b’xi kaxxa msiemer f’idi u martell fl-oħra. Kultant l-imsiemer tal-biżgħat, l-imsiemer tat-tfulija, taż-żogħżija, l-imsiemer ta’ mħabbiet passati, l-imsiemer ta’ futur ‘bir-ross’ bħal f’televiżjoni antik jew l-imsiemer ta’ xewqat li jaqtgħuk mill-preżent. Minn issa.

Lil min qed insallab illum?

Nemmen fil-qawmien. Nemmen fi proċess li ħafna jitkellmu dwaru. L-istess proċess imma mhux l-istess nies, jew aħjar, mhux l-istess kostum. Min liebes ta’ qassis, min ta’ għalliem imżewwaq bl-akkademja, min bil-beġġ tal-mużew, min bid-dreadlocks, min miksi make up, min b’xagħru mqaxxra, min b’kitarra jew pinzell, min f’qiegħ ta’ sodda qabel telaq u min f’nofs bikja ta’ ferħ. Ħafna kostumi u gwerer iżda l-istess messaġġ.

Nemmen fil-qawmien ta’ min weħel mal-passat, ta’ dik it-tfajla mill-isbaħ li nqabdet il-Gżira tiġġenera l-flus b’ġisimha, ta’ dak l-attivist li spiċċa mjassar mill-ħsieb tal-vjolenza. Nemmen fil-qawmien ta’ dak il-missier li ngħalaq f’kamartu jaqra kotba inutli li wikkielu l-kappillan biex mingħalih isalva ruħu billi jixtarr mewtu. Nemmen fuq kollox fil-qawmien tiegħi lejn ħajja profonda bħall-għawma f’baħar blu u r-riħa ġenwina, għalkemm mielħa, tiegħu. Fuq kollox nemmen fil-bewsa; fl-imħabba.

Kien ikun fierah dan it-twemmin, mingħajr il-qawmien.

Le żgħażugħ, mhux kollox hu mitmum. Le ma rridx inkun ħati ta’ qtil ieħor.

Remurdered.

Il-bewsa hija qawmien u qatt tradiment.

Biki u theżżiż tas-snien

Ninsab imbikkem u rrabjat fl-istess ħin. Nixtieq nibki u nixtieq inwerżaq. Nitwerwer u nħoss dardir fl-istonku meta nirrealizza li ninsabu ċirkundati b’tant nies imliebsa għamad li lanqas jafu japprezzaw fejn qed jgħixu u x’inhu l-preġju ta’ dak li għandhom.

Iktar kmieni dalgħodu xi ħadd tarrafli li wieħed mill-famużi ħwienet fit-Triq il-Lvant ġewwa Belti, dak li fi ċkuniti niftakru armat sa ruħ ommu b’ġarar tal-ħġieġ oħxon u kemmxejn ħadrani, wieħed minn dawk li minjaf kemm attira produtturi ta’ films għal din it-triq, illum spiċċa mingħajr il-bieb antik u tant sabiħ tiegħu. Miegħu sparixxiet ukoll il-landa li fuqha kien hemm xi darba l-isem tal-ħanut u li issa spiċċat miksija moffa u sadid. Għaddejt ftit siegħat wara u nilmaħ dan il-bieb fi skipp. Kelli mmur xogħol u ma stajtx nieħu wisq azzjoni bil-mobajl tiegħi, li lanqas kuluri fl-iskrin ma fih. Xi siegħat wara sirt naf li l-iskipp kienet inġabret u allura qabadni niket kbir, speċjalment meta ħabib tiegħi għaddieli ritratt ta’ dak li hemm issa, żewġ purtelli tal-ħadid!

B’liema arroganza, xi ħadd għandu dritt iħassar memorja ta’ din il-Belt tant għażiża? B’liema livell ta’ injoranza (f’sens ta’, aljenazzjoni) kapaċi nkunu daqstant birdin quddiem dan it-teżor uniku fid-Dinja? U hawn, l-argument li l-propjetarju għandu dritt jgħamel li jrid f’daru, ma jsegwix. Propjetà fil-Belt Valletta, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tgħamel parti minn tessut sħiħ ta’ kultura, disinn, ħsieb u lingwaġġ, li vjaġġa tul iż-żminijiet f’ilsien il-ġenerazzjonijiet Maltin, sakemm wasal s’għandna. U llum, f’dinja fejn nistgħu nreġġgħu għal ħajja kull oġġett miblul, naqbdu u nkeffnu kollox biex ngħamlu spazju għal xi lqugħ tal-metall! X’ma jitgħeżżux is-snien!

Għada, (litteralment) jaf ikun imiss lill-ħanut ta’ faċċata – tat-tabakk – ħanut tal-1868. Minjaf? Sakemm kulħadd jibqa’ sieket, u sakemm id-dipartiment tal-infurzar tal-MEPA jibqa’ ma jaħdimx matul tmiem il-ġimgħa, dawn it-tip ta’ sfreġji ser jibqgħu isibu l-kumdità kollha. Biss biss minn dan tal-aħħar, ma nafx kemm -il oġġett ta’ żminijiet antiki ntrema’ fl-aħħar jiem!

Triq San Pawl… qabel u wara t-tkissir 

Il-ġimgħa l-oħra ġara l-istess lil ħanut fi Triq San Pawl u ftit xhur qabel, ix-xorti misset lill-ħanut tat-té ta’ Frans fit-taraġ ta’ Triq Santa Luċija. B’urġenza kbira hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet interessati, jadottaw sistema, ilbieraħ qabel illum, fejn dawn il-ħwienet, filwaqt li jerġgħu jingħataw il-ħajja, jiġu preservati fil-glorja oriġinali tagħhom.

Jeħtieġ ukoll li l-Beltin u anki l-Maltin li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali, jqumu mir-raqda u jsemmgħu leħinhom. Inutli niċċelebraw titli u festi kulturali jekk fil-qalba tal-mentalità kulturali għandna darsa mħassra li tnemnem daqs xokk elettriku taħt l-ilma.

Tgħid hawn widnejn mhux torox u għajnejn mhux mgħottija?

It-tazza tal-Ġojja

Fl-ewwel kitba tiegħi din is-sena, ktibt dwar Jannar, ix-xahar li tant inħobb. Din id-darba, iżda, għoġbu jkun kattiv u jaħsad il-ħajja ta’ wieħed mill-ġirien; Clive Brincat, mgħaruf bħala ‘il-Ġojja’.

Mhux ta’ b’xejn dak il-laqam meta tara, tisma u taqra l-imħabba li ħalla warajh. Illum fi Knisja ta’ San Duminku ppakkjata, ċapċapnilu u bkejnieh imma hekk kif indaqq l-innu tal-Valletta FC, bħal qisni erġajt ilmaħt lil Clive bilqiegħda, hemm quddiem il-Qorti, mhedi jikkonċentra jnaqqax xi disinn fuq dirgħajn xi klijent. Stħajjiltni ħiereġ mid-dar u nsibu quddiem il-bieb u nisimgħu jgħidli “aw Pawl!”, b’dik it-tbissima mpekkabbli sinonima miegħu… u forsi naqbdu xi diskursata qasira dwar l-Inter u l-Milan. Illum sellimtlu għall-aħħar darba u tpaxxejt bil-komunità magħquda ta’ ħbieb u kollegi li Clive ġab flimkien.

Hekk kif issa kont qed naqra artiklu li jitħadded dwar il-kultura, irrealiżżajt kif karattru bħal Clive, bis-sempliċità kollha tiegħu, iżda b’passjoni lejn kull ħaġa li kien iħobb, rawwem kultura li laħqet u nvolviet ħafna u ħafna u ħafna nies f’ħajtu u issa, anki wara. Bi ftit kliem u ġesti sempliċi dan ir-raġel, li kiber ftit metri ‘l bogħod minni, mess lil ħafna u wassal messaġġ ċar. Dan kien l-aħħar kumment tiegħu fuq facebook:

“Bongu , nixtieq lil familja u il hbieb il milied u is sena it tajba mimlija saha u paci u jekk em xahat miggiled jirangaw u jattu il festi it tajba il xulxijn”

Hemm xi żżid? Madre Teresa kienet esprimiet xewqa li tkun qatra f’oċean li tqajjem xi mewġa ħafifa. Mhux b’omeliji tedjanti jew xi akkademja diffiċli imma b’ġesti sempliċi, bi tbissima sinċiera u appuntu b’ġojja lejn kull persuna li tmiss magħna rridu ngħixu din il-ħajja. Hekk, bħal Clive.

Tgħalima f’waqtha. Grazzi Clive – u prosit tas-suċċess li wettaqt minn ħajtek. Tazza li mhu ser tiswied qatt fil-vetrini tal-Beltin! Strieħ fis-sliem ħabib u Forza City dejjem!

Psewdo-artisti Maltin

Nota: Dan l-artiklu ġie miktub f’Diċembru 2013 u moqri waqt serata każwali li fiha numru ta’ artisti Maltin iltaqgħu fir-residenza tas-Sur Joe Philippe Abela, fl-istess xahar.

“Li tgħamel huwa att kreattiv. Id-differenza li tiddistingwi lill-artist hija l-livell ta’ użu tal-manwalità, idejh u kemm iħallihom liberi li jaġixxu – kemm fuq livell artistiku kif ukoll dak produttiv. Lili l-produzzjoni manwali tgħoġobni jekk toħloq, imma huwa inti li trid tfassal lingwagg personali u l-biċċa xogħol innifisha! Hekk kif jiġri fil-poeżija, li tlaħħam dinjiet varji permezz ta’ kliem u hi kapaċi tagħti forma viżibbli lir-ruħ ta’ kull oġġett, l-użu u s-sbuħija tagħhom.”[1]

Fil-ktieb tiegħu ta’ konverzazzjonijiet ta’ bil-lejl, l-awtur Marco Castoldi, intervistat minn Mauro Garofalo, jiddeskrivi l-maġija li kull artist huwa mitlub iwassal. Il-maġija li tibdel il-fakultà espressiva, f’oġġett. Il-maġija li tlaħħam ħsieb f’forma letterarja jew viżiva. Bi ftit immaġinazzjoni nifhmu wkoll li hemm referenza lejn dik il-maġija li tibdel ħsieb f’azzjoni. Fejn dak li huwa fil-kapaċità intelletwali tal-bniedem, jieħu forma, jiġi kkomunikat u allura jmiss lil ħaddieħor.

Fejn huma l-artisti Maltin? Min huma l-artisti? Anzi ha nsaqsi lilek li, bħali, tgħid li int artist jew tgħix minn fuq l-arti: X’inhi l-arti tiegħhek u lil min qed isservi? X’qed tgħid l-arti tiegħek u x’inhu l- iskop tal-eżistenza tagħha? Lil min qed tolqot?

L-artist. Min hu artist? X’jiddistingwi artist minn ħaddieħor li mhux? X’funzjoni għandu l-artist fis-soċjetà? Dawn il-mistoqsijiet jiġu f’rasi kull meta xi ġurnalist jieħu kummenti mingħand xi artisti li għal xi raġuni jew oħra, jippreferu jibqgħu anonimi. U hawn fejn nerġa nistaqsi l-funzjoni ta’ dan l-irwol. Nistaqsi l-ġenwinità ta’ dawn il-psewdo-artisti li ma jirrikonxxux ir- responsabbiltà li għandhom jerfgħu. X’inhi l-biżà li tesponi dak li tassew temmen? Xi ħsara tista’ issirlek li żżommok lura milli tgħid il-verità b’wiċċek minn quddiem? Tħossok waħdek? Għalfejn? Forsi huwa minnu dak li kien qal Baudelaire “ftit huma dawk li għandhom id-don li jaraw; iżda inqas dawk li għandhom il-ħila ta’ l-espressjoni”.[2]

U din il-ħila ta’ espressjoni mhix biss il-kapacità li terfa pinzell, iċċappsu biż-żebgħa u tħabbtu ma’ tila. Mhix biss il-kapaċità li twelled rima u ritmu. Li tlissen melodija mill-ifjen b’intonatura kristallina. Hija l-espressjoni li toħroġ libera, u allura sinċiera, mill-qalb, il-ħsieb li spiss jipprovoka u jaħsad. L-espressjoni li taf tistona jew tweġġga’ lill-għajn għażżiena iżda li taf iċċaqlaq qalb, triegħed pedament u tofroq f’żonqra Maltija.

L-artist huwa dak li b’wiċċu minn quddiem, jesprimi l-anarkija fi ħsibijietu f’forom sensorjali sabiex jinstiga libertà u jċanfar jew jikkritika dak kollu li jmur kontra l-libertà tal-ħajja – mhux biss dik umana. L-artist huwa dak li jantiċipa l-ħsieb komuni, iħoss il-polz tal-poplu u jesprimih jew jindika ħsieb, forsi mistur għall-massa. L-artist jitkellem meta l-massa tkun imbikkma, aljenata, imhedda jew imwerwra. U jgħamel dan biex ixerred emozzjoni li ċċaqlaq. Fi kliem Marco Castoldi, l-artist “jinħall mill-irbit ta’ kull konvinzjoni, poża jew pożizzjoni.” L-artist huwa politiku tal-poplu. Il-psewdo-artisti Maltin li jitkellmu biss minn wara l-ħasira li ma jmurx jintgħarfu u ma jkunux mistednin għall-ftuh tal-esibizzjoni faqgħa li jmiss, jqabbduni irritazzjoni.

Intemm dan il-ħsieb billi għal darb’oħra nikkwota lil Baudelaire li din is-sena, b’xorti tajba, kelli opportunità u ċans li naqra u nixtarr siltiet mill-kitba tiegħu fil-ktieb The Painter of Modern Life and Other Essays.

“Apparti dawk il-ftit eċċezzjonijiet, waħda jew tnejn, li m’għandix għalfejn insemmi, irridu nammettu li l-maġġoranza tal-artisti ma huma xejn ħlief annimali ta’ ċertu sengħa, artiġjani puri. Intelletwali tal-villaġġ u mħuħ sempliċi. Il-konverzazzjonijiet tagħhom, li huma neċessarjament limitati fi ċrieki dojoq, isiru, f’kemm ili ngħidlek, insopportabbli għar-raġel tad-dinja, iċ-ċittadin spiritwall tal-univers.”[3]

Nittama li aħna l-artisti Maltin inkunu għaqlin biżżejjed li naħarbu din id-deskrizzjoni b’kull ħila li għandna u b’irġulija magħna nfusna u mal-komunità kreattiva.


[1] Marco Castoldi & Mauro Garofalo (2008), In pArte Morgan, Elèuthera editrice. p.23

[2] Charles Baudelaire (2010), Painter of Modern Life and Other Essays, Phaidon Press Limited. p.11

[3] Charles Baudelaire (2010), Painter of Modern Life and Other Essays, Phaidon Press Limited. p.7 22

L-Internet u l-Melita

Għal darb’ oħra, erġajt ħallejt għall-aħħar biex inħallas il-kont ta’ madwar €80 għas-servizz tal-Internet mal-Melita. Għaldaqstant, għal darb’oħra, qomt mingħajr is-servizz għax il-Melita b’eleganza liema bħalha u mingħajr pre-avviż hekk jitrattaw ma’ klijenti li ilhom sa mill-bidu tal-elfejnijiet jużaw u jħallsu għas-servizzi tagħhom.

Pruvajt nidħol fis-sit elettroniku tagħhom – taf int – timmaġina li ser jgħatuk aċċess biex għallinqas tħallashom u tkun tista’ titlob is-servizz lura. Imma le. L-ebda aċċess.

Imsomma, ċempiltilhom mill-mobile u bħal dejjem bdiet il-litanija ta’ messaġġi rrekordjati li ma jgħinu xejn f’mumenti ta’ frustrazzjoni. Messaġġi bil-Malti segwiti minn interpretazzjoni bl-Ingliż li jtertqulek qalbek iktar minn maġistrat kiefer li jdum idur mal-lewża biex jaqtahielek għall-forka!

– Messaġġ ta’ Merħba (Malti u Ingliż)
– Stedina biex tgħażel bejn 1 u 2 skond il-lingwa li tippreferi.
– Hawn tiġi mgħarraf li t-telefonata jaf tkun irrekordjata
– Tintgħalab iddaħħal in-numru tal-kont tiegħek magħhom
– U hawn tingħata dettalji dwar l-istat tal-kont tiegħek
– Issa jmiss jinfurmawk li tinsab f’menu prinċipali fejn tingħata 5 għażliet…
– U minn hemm, wara grazzi, tgħaddi għal menu ta’ 4 għażliet oħra
– Eventwalment hawn tiġi mgħarraf li ser tiġi trasferit ma’ rappreżentant tal-‘Customer Care’

Il-beżżul fija jispikka f’dawn il-mumenti. Spiċċali l-kreditu f’nofs telefonata u ara ma taħsibx li ċempluli lura! Le, erġajt ċempilt minn mobile ieħor fil-familja. Martirju ieħor, għalkem din id-darba għafast in-numri mingħajr ma kelli nisma kollox.

Għall-erwieħ! X’għall-erwieħ! Staqsejt nistax ngħati l-informazzjoni tal-kard tal-kreditu biex inħallas il-kont iżda qaluli li rrid immur f’uffiċċju minn tagħhom għax m’għadhomx jaċċettaw pagamenti mit-telefonati. Qaluli li nista’ nħallas minn fuq my.melita.com ukoll… bħal donnhom insew għaliex qed inċempel!

Għal grazzja t’Alla skoprejt li mill-kamra l-baxxa nista’ naqbad bis-serqa ma’ network ta’ uffiċċju fil-viċin, u allura min hawn u minn hemm irranġajt is-sitwazzjoni. Imma x’kedda!

Viva Malta

Kif rajna dan l-aħħar f’għadd ta’ gazzetti, il-Prim Ministru Joseph Muscat wasal jikkunsidra li juża kull mezz sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-Unjoni Ewropea rigward l-effetti tal-immigrazzjoni llegali mill-Afrika ta’ fuq, lejn Malta. Nemmen li kontra l-prinċipji umani tiegħu, wasal jikkunsidra, jew iħalli lok ta’ konsiderazzjoni tal-ormaj famuża “push back policy”.

Kif stqarrejt pubblikament fuq Facebook u anki permezz tal-firma tal-petizzjoni li għamilna numru ta’ prattikanti tal-arti u d-disinn f’Malta, ma naqbel bl-ebda mod li dawn in-nies jintbgħatu lura mingħajr ċans li japplikaw għad-dritt tar-refuġju. Il-push back ma hija xejn ħlief biżà indefinita u nkontrollabbli li ssikket lill-qalb milli tagħraf issostni lill-bnedmin ħutna f’mument ta’ kriżi. Huwa ironiku kif meta ssir xi ġabra mill-kaxxa maġika tat-televiżjoni, ninfexxu nitħassru lil nies varji u neżaltaw ruħna f’offerti ta’ flus eżorbitanti. Imma ara jersqu lejn ix-xtut imqaddsa tagħna għax niklulhom wiċċhom bit-tgħajjir!

Sfortunatament kien hemm artisti li baqgħu lura milli jingħaqdu mal-bqija kontra din l-possibiltà. Wara li qrajt dak li stqarr Kenneth Zammit Tabona fuq il-Facebook tiegħu jidher li l-valutazzjonijiet tal-petizzjoni setgħu ma kienux mixtarra sew. Zammit Tabona kiteb: “I never wrote that I advocate push backs but that I resent people acting as if they had happened; especially because when they did happen nobody badgered me for my signature on any petition as what happened now. I find it farcical that I am protesting about something which is old hat because once the Court of Human Rights has vetoed it the PM complied immediately.”

Huwa minnu li f’dan il-każ, il-push backs ma seħħewx – biss ir-rikatt sar u sar bil-qawwa. Iva kien rikatt indirizzat lejn l-Unjoni Ewropea (dik l-istess Unjoni li ħafna tant tqabdu għaliha fl-2004), imma rikatt li uża lil dawn il-persuni f’mumenti ta’ kriżi. U dan ma naqblux miegħu ukoll. Filfatt il-petizzjoni kienet tindirizza mhux biss il-push backs iżda wkoll kull kunsiderazzjoni tagħhom, tiġi meta tiġi: “We join in expressing our firm disapproval of considering similar policies that would place the migrants’ life at risk.”

Lura fl-2002 meta saru l-famużi push backs lejn l-Eritrea, jien kelli tnejn u għoxrin sena u kont impenjat fuq livell soċjali iktar lokali u personaliżżat. L-inqas idea dwar iċ-ċrieki artistiċi, l-immigrazzjoni u l-petizzjonijiet. Biss, illum, nemmen li żball antik ma għandux jikkundannani biex nagħmel ieħor, u appuntu għalhekk, orġaniżżajt il-petizzjoni. Il-push backs fihom infushom huma ġesti kodardi, ġejjin minn fejn ġejjin u jsiru meta jsiru. Minflok nistaqsu għalfejn fl-2002 ħadd ma kellu l-bajd sabiex jgħamel ftit oppożizzjoni, ingergru għax illum saret! Ma nafx! Nitfixkel!

U għal dawk kollha li talbu lil kull min iffirma xi petizzjoni sabiex iżomm f’daru xi immigrant jew tnejn, tajjeb li jkunu jafu li l-argument tal-petizzjonijiet ma huwiex li Malta ssir xi tip ta’ lukanda fil-Mediterran iżda li Malta, li hija dari, tkun il-post ta’ refuġju u komfort, temporanju, għal ħutna f’mument ta’ disperazzjoni. Konvint li l-awtoritajiet, bis-sistemi llum esperti tagħhom, jafu jgħarfu l-każijiet ġenwini minn dawk inqas ġenwini, u jieħdu proċeduri skond il-kuntest.

Le – Malta ma tistax titlef il-valur tal-imħabba li dejjem sawwarha. Il-push backs, jew, nerġa ngħid, kull kunsiderazzjoni tagħhom, hija kważi kważi att kriminali. Huwa importanti li kulħadd jifhem li ħadd ma hu kontra li l-Unjoni Ewropea tikkollabora f’din is-sitwazzjoni, biss hemm mod u mod kif tasal għal dak il-proċess. Ta’ min ninnutaw kif, per eżempju, il-problema tal-immigrazzjoni ingħatat iktar attenzjoni mill-media internazzjonali permezz tar-ritratt, kapulavur artistiku ta’ Darrin Zammit Lupi milli bl-idea tal-push back policy li ażżardajna nikkunsidraw! Reuters, Telegraph, New York Times u BBC fost oħrajn, kienu minn ta’ quddiem li tkellmu madwar dan ir-ritratt. Il-qawwa tal-arti li bħal fil-każ tal-Guernica, tikxef l-inġustizzja, bla ma taqa’ fil-baxx!

J’Alla nikbru ma ndumux!