Tag: malti

Taħt Santa Luċija

Ġejt bla mistenni
fis-serqa ta’ filgħaxija,
imneżża’ mir-rieda
taħt Santa Luċija.

Bis-swaba tmelles xagħri,
itterraq tikmix idejja.
Riħatek balzmu.
Anġlu t’inkejja.

Isqini nbid minn sidrek,
bħall-ħalib li sqietni ommi.
Għerriqni fi ġmiel ħarstek,
xufftejk serraħ fuq fommi.

Wellidni bħal f’bikja,
ċesarja telf id-demm.
Waħħadni ma’ ruħek,
sakkarni hemm.

Żewġ Linji

(Minħabba kliem espliċitu din l-istorja għandha tinqara biss minn adulti. Is-silta kienet sottomessa għall-pubblikazzjoni Leħen il-Malti 38)

Il-mużika ta’ Tersø tinħass tajba. Kemxejn melankolija imħallta ma’ ħoss elettroniku kontemporanju fakkruh f’Dntel u Meg, li issa kien ilu snin ma jisma’. Il-lingwa Taljana, mużika fiha nfisha. Dejjem saħħritu. Fiha kien isib wens u familjarità. L-istess fid-dawl oranġjo tal-globu li kienet irregalatlu Anna aktar minn għaxar snin qabel.

“Aħħ… ħudni qalbi, ħudli kull rokna ta’ ġismi, imma mhux biss. Ippenetrali ruħi u moħħi. Kemm irrid li ntik kollox… ġismi mxennaq għal tiegħek. Maa… ħa nieqaf ara…”

Kienu l-iktar żewġ linji li qara dakinhar mill-pataflun – miktuba fuq kartolini jew fuq messenger – li kienu raddew tama lil qalbu meta kesħet. Taħt kwilt jew tnejn, saqajh ma kienu jisħnu b’xejn – tistħajlu mejjet. Kien entużjast għall-kitba, il-ħsieb u l-poeżija. Spiss kien iwaħħadhom. Kienu jmorru flimkien. Wara l-keded ma’ Roberta, u l-firda li talbitu qabel marret tiddeverti ma’ sħabha, ħafna, inkluż minn dawn tal-aħħar, ferħulu li kien fetaħ moħħu – xi ħaġa li ma seta’ qatt jifhem sew. Qalulu li kienet tifla żgħira, ma tafx xi trid u li ma kellux xi jridha. Minn kollox intqal miegħu dwarha. Bħal imsiemer imsadda, sallbu mħabbtu f’agunija li ħadet ħafna iktar minn tliet sigħat.

Lil Sara kulħadd ferħilha li fl-aħħar intefgħet ma’ xi ħadd subgħajh dritt li tassew ried iħobbha. Hi ddeskrivietu bħala l-bniedem ideali li tkun miegħu: karattru intelliġenti, maħbub min-nies u li jagħti rispett lil kulħadd. Ġuvni gustuż, b’ġisem mislut li kienet issib intriganti. Kienet tħobb tirċievi xi stessu tiegħu fuq soddtu u mhux l-ewwel darba li bis-serqa ħaditlu ritratt ta’ sormu meta kien jintasab għarwien fis-sodda tagħha. Qaltlu li tħobbu u ħeġġitu ma jibżax jerġa’ jibda jħobb huwa wkoll. Wara l-ewwel bewsa tfixklet ftit, iżda l-Erbgħa, quddiem il-kappella ħdejn il-baħar, ħalfet li jkollha x’taqsam miegħu ladarba juriha x-xewqa. U hekk kien. Saħansitra wara ftit ġimgħat sabet il-ħin tħarbixlu lista ta’ karatteristiċi li għalihom kienet bdiet issarraf l-emozzjonijiet bil-kelma “mħabba”.

Dejjem ħolom li jkun ma’ mara żbukkata u senswali, li toħlom f’ħajja kulurita, mimlija avventura u xewqat. Mara li b’wiċċha minn quddiem titolbu jtaqqalha bl-idea li trawwem familja miegħu. In-nisa dejjem esprimew u qasmu miegħu din ix-xewqa iżda Sara, bl-istejjer li ġarrbet u l-modi skjetti tagħha, kienet perfetta. Il-misluta ma’ għoxxha għall-bidu nħasset stramba. Dik il-kemxejn sensazzjoni ta’ metall qisha xekklet il-benna tal-bqija. Imma draha. Qatt ma kien iħoll ilsienu daqs meta kienet tintefa’ għal tulha fuq darha, tfarrad riġlejha u twebblu jikolha. 

Kienet qaltlu li kien ġuvni tajjeb. Mhux twajjeb, mhux iblah, mhux baħnan, iżda tassew tajjeb. Din it-tjubija kienet tgerrixha kultant. Kuntrast mal-attrazzjoni li kellha lejn il-misteru miġbur f’għajnejn Robert. Tħassritu b’għajnejh iżebbġu fid-dmugħ u riedet togħdos sakemm dak il-misteru jissolva. F’daqqa ħasset li lanqas kieku niżel Alla ma kienet tiċħad din ix-xewqa li tkompli fejn ħalliet qabel. Il-kejl li għażlet tul ħajjitha sar metru għat-tajjeb tal-lum. Ma kinetx komda b’min stedinha tgħarbel il-verità. Missierha kien qalbu maqtugħa minnha u bil-mod il-mod beda jagħżel li jidfen lilu nnifsu f’dipressjoni; distanti, fid-dell ta’ ħafna dettall nieqes. L-omertà tan-nies li jgħixu madwarha kienet issikket ir-ruħ.

Taħt il-gverta saqajh baqgħu kesħin. L-aħħar xogħol ta’ Dntel għoġbu – ħoss ideali mal-oblivju fid-dipressjoni ta’ missieru u l-memorja mitlufa ta’ nanntu. 

Il-mistoqsijiet kienu jżeffnu f’moħħu, qishom f’żifna tal-Pampalun. Kienet wisq iebsa jara lil dik li kien beda jħobb, titrembel lura f’abbiss li mingħaliha kien ġenna. Kultant kien jiftakar f’meta ħakimha l-vojt, għajnejha tbiegħdu u stednitu ma jaħsibx daqshekk għax hi kienet għala għoxxha minn kulħadd, inkluż minnu. Imma hu ma kienx jaf hekk. Il-forom eżistenzjali li jilbsu ta’ mħabba, ma kienu xejn ħlief ilpup tal-biża’, kliem fieragħ u egoiżmu. Din is-sensazzjoni kienet tkiddu wisq. Ma kienx iħossu kapaċi jaċċetta li bniedem jista’ jiffalsifika lilu nnifsu fl-imħabba. Xtaq kieku jifhem. Xtaq risposti u soluzzjonijiet. Xtaq jemmen li hemm barra jeżisti min jemmen fl-istess imħabba – għal dejjem. Lil nanntu kien jiggustaha minn daqshekk. L-ebda problema ma baqgħet inkwiet għaliha u ngħatat iċ-ċans tgħix il-mument, bla ebda flieles fil-moħħ. Kien jammira l-ubbidjenza tagħha għax anki fl-istat li kienet, tilgħab bil-flixkun li jimita ħoss il-baħar, kellha kapaċità tilqa’, dak li min jieħu ħsiebha kien jagħmlilha, mingħajr ebda protesta jew diżgwid. Meta jżurha beda jaċċetta li jogħdos fil-mistur u jitla’ kuljum, jew kull meta hemm bżonn, għal bikja u nifs minflok jitbaxxa għal żewġ linji.

Is-sena 2018

Is-sena tal-Greċja, l-Italja u l-Portugall. Tas-37. Is-sena tal-festa mnejjka u l-mewt taz-ziju. Is-sena ta’ Higuain, tal-vjaġġi f’Għawdex. Is-sena tal-Kobba. Is-sena tal-mewġ fil-Port il-Kbir. Is-sena ta’ Giorgio Poi u Andrea Laszlo de Simoni.

Is-sena fejn ħassjetni l-inqas mifhum. Is-sena fejn ħassejtni l-iktar fraġli u l-aktar b’saħħti. Is-sena meta ħbieb gidbu fuqi u ġew emmnuti. Is-sena tal-24 kampjonat. Is-sena tal-mewt ta’ Godwin Scerri u l-vojt li ma stennejtx li se nħoss wara. Is-sena tal-qalb kbira ta’ Charles Agius u l-pożittività li kattar fija. Is-sena tal-messaġġi sbieħ u profondi li biddluli ħajti bħal dak ta’ ex-kollega li fakritni li min iħobbok ma jidfinx il-poeżiji tiegħek f’kexxun. Is-sena tal-gideb u l-infern. Is-sena ta’ Mario, Giselle, Alfred, Chalie u Romina. Is-sena ta’ Charles Bennett u s-sbuħija ta’ qalbu. Is-sena ta’ Clint u l-allegrija li jġib miegħu. Is-sena ta’ Katie u l-imħabba ġenwina li offrietli. Is-sena tat-Tazza tad-Dinja mingħajr l-Italja. Is-sena ta’ Belti bħala Kapitali Ewropea għall-Kultura fuq sfond tal-imwiet inkredibbilment numerużi li ħasdu lill-familji Beltin. Is-sena tal-ħolma tal-Beltin; il-Festa l-Kbira. Is-sena ta’ Altofest f’Malta. Is-sena tal-karba tal-Beltin f'”Il-Ħasla”. Is-sena ta’ Victor u ta’ Ġorġ il-kennies. Is-sena ta’ Cynthia, GAME, tad-Danimarka, tal-Latvia, tal-Estonja u tal-Isvezja. Is-sena ta’ Bernard u l-istand up tiegħu. Is-sena ta’ nies kbar bħal Davide. Is-sena fejn tlift u ċedejt kemm-il darba biex forsi xi darba nirbaħ. Is-sena li fiha tlift parzjalment lil ommi. Is-sena li fiha pruvajt nibki imma d-dmugħ weħel; imma sal-bieraħ. Is-sena li fiha ċedejt u fgajt lis-suppervja biex ngħażel il-paċi. Is-sena li fiha ddedikajt ħinijiet twal għal ħaddieħor iżda wkoll ħin għalija. Is-sena li fiha skoprejt aktar lili nnifsi, il-limiti tiegħi, l-ħolm li jmexxini u għext xewqat mill-aktar umani tiegħi. Is-sena tas-Sirjani. Is-sena fejn esperjenzajt imħabba li qatt ma tmut. Is-sena li qalbi bkiet, ħafna, u daħket iktar. Is-sena ta’ Wistin, Joyce, Agnes, Ċetta, Antonio, Filippa, Evelyn, Magdalene u l-bqija. Is-sena tal-ħolm u tal-ideat. Is-sena ta’ lejl maġiku u l-ġenna. Is-sena ta’ Salvini. Is-sena ta’ xagħri mgerfxa. Is-sena tal-ħbieb speċjali. Is-sena ta’ nies inutli. Is-sena ta’ bejn is-swar. Il-lejl tax-xewqa li int tibqa’.

Fl-Isqaq

“Imbagħad f’dan l-isqaq f’Ħal Qormi ommi ltaqgħet ma’ ġuvni (refuġjat ieħor mir-Raħal Ġdid) u żżewġitu u komplew bir-rifuġju tagħhom f’Ħaż-Żebbuġ.”

Hekk kiteb Immanuel Mifsud f’artiku minn tiegħu li deher illum. Kitba ta’ Mifsud dejjem tinżel għasel, u waħda qasira tinżel aktar faċilment ngħid għalija. Bħal biskuttin ma’ belgħa tè minflok ikla bi tlett platti.

Laqatni wisq dak il-paragrafu ikolli ngħid. Lil hinn mill-kuntest li kien qed jikteb dwaru Immanuel, ġieni spontanju sentiment kuntradittorju hekk kif qrajtu. Insibha diffiċli mmens nifhem jew aħjar, napprezza kif din ir-‘refuġjata’ tista’ tilmenta mill-ħajja tal-isqaq. Mhux li kien tiġi gwerra u tibgħatna fi sqaq li jġibilna dak ir-refuġju emozzjonali; refuġju mis-solitudni li kultant taf toqtol aktar mill-bombi; refuġju għall-ħajja!

Imma l-ħajja dik hi, ikollok l-abjad u tkun trid l-iswed. U viċi versa. Ispirat minn kliem Kristu dejjem emmint li l-bniedem mhux bil-‘likes’ biss jgħix. Inħoss li ngħix f’ħajja fejn għalkemm miżgħud bil-ġid, ħbieb u x’naf jien, hemm il-bombi neżlin. Kultant tisma’ s-sirena ddoqq. Kultant jiġi minn iħabbatlek u jistiednek tmur f’raħal ieħor… imma fejn? X’raħal? Jekk il-qalb hija waħda.

F’dik il-gwerra tista’ biss toħroġ mix-xelter, tiftaħ idejk, tħares ‘l fuq u tħalli l-bumbardament jibda. Ġieli jkissrek u ġieli jsaħħek. Bħall-abjad u l-iswed din! Bħar-ritratt ta’ Immanuel.

Qatt

Qatt ħadd kitiblek ittra ta’ mħabba, poeżija?
Forsi għadek ma rċevejtiex. Qatt sibt ruħek quddiem dak li r-ruħ ma tafx tispjega u li ġie tradott għall-qalb u miktub mill-moħħ f’mument sagru, bi kliem sempliċi, probabilment medjokri?

Qatt qbadt waħda minn dawk l-ittri, forsi waħda minn dawk li llum sfaru u ħallejtha tkellem lil ruħek? Qatt missejt mal-eternità f’dak il-ġest? Qatt twaħħadt magħha, imqar għal sekonda jew tnejn? Qatt għoddejt ismek u qabbiltu mat-taħbit tal-qalb li xtaqet tkun tiegħek; għal dejjem miegħek? Qatt ħarist lejn il-wisa’ u t-tul ta’ dik il-karta musfara u qbiżt fil-fond ta’ bejniethom bħal f’baħar blu u frisk li jitħabbeb ma’ ġismek lixx u skur? Qatt iġġilidt ma’ dik il-linka sabiex ma tħallihiex tisraqlek nifsek? Qatt aċċettajt it-telfa?

Qatt ħadd kitiblek ittra ta’ mħabba?

Qatt għoddejt id-dbabar tad-dmugħ li nixfu fuqha?

Kesħa

Ilbes għax tiksaħ
jew tibla xi riħ.
Mhux żmien li tinkixef,
tiġġerra fil-ksieħ.

X’qed tagħmel hawn barra?
Ingħalaq fis-skiet.
Taf sew li dan moħħi,
ma jrid l-ebda nkwiet.

Fuq ġewwa l-kuluri!
X’ħriġt tagħmel fid-dlam?
Int tad-demm u l-laħam,
jew qalb tal-injam?