Tag: pawlutamalta

Il-festa tan-Nawfragu

Sebaħ l-isbaħ jum.

Sena wara sena wara sena nibqa’ nsibha diffiċli ma nesprimix ħafna sensazzjonijiet fil-jum tal-10 ta’ Frar hekk kif minn ċkuniti kont nitpaxxa ngħix kull mument ta’ dan il-jum li kien ixaqleb u jibdel kull rutina tal-familja.

Illum li għaddew erbgħin sena minn l-ewwel appuntament tiegħi ma’ din id-data, inħares madwari u nirrealiżża kemm ħajti nbidlet u dak li għal snin twal kien ovvju, illum m’għadux. Imqar tgħanniqa lil ommi – ma hix possibbli llum.

“Il-festa tan-Nawfragu”, kif darba sejħilha sieħbi Sandro Lapira f’intervista li kont għamiltlu, hija tfakkira dwar l-għeruq familjari u spiritwali li ffurmawni kif ukoll mument ta’ kburija bħala membru minn komunità b’identità qawwija fil-Belt Valletta.

Din id-darba x-xorti ħażina laħqet lilna wkoll. Frott il-pandemija u l-injoranza tal-Malti aljenat li jkompli jkattarha, illum mhux ser ngħixu l-appuntamenti tant sbieħ bħas-soltu. Influwenzat minn xi forma ta’ frustrazzjoni dawn is-siegħat qabel tlugħ ix-xemx kienu mimlija emozzjonijiet li xtaqt nħarbex. Emozzjonijiet li wassluni nifhem kif il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl 2021 xorta waħda qed naraha sseħħ.

Ilbieraħ waqt is-sitt edizzjoni tal-programm radjofoniku tiegħi CITY GATE, Fr. Karm Debattista sfida lili u lil sieħbi Keith Carabott li kemm-il darba din is-sena nitilfu l-ferħ tal-10 ta’ Frar, allura ma nkunux denji nissejħu Pawlini. Dan għaliex skontu, San Pawl huwa persunaġġ mimli ħeġġa u li anki quddiem l-akbar sfida ma jitlifx l-entużjażmu – anzi! Kienet appuntu din l-isfida li wasslitni niftakar kif anki din is-sena rajt il-festa ssir fil-ħeġġa ta’ sħabi:

Mario Cassar rama’ it-tieqa bi statwa mill-isbaħ ta’ San Pawl u konvint li għada ser narah kburi u eċitat daqs l-ewwel darba fi triqtu lejn il-Pontifikal. U ħalli għalih lil Jeremy Dalli biex jaqbad miegħu ma kull ċans li jkollu – għax jekk mhux id-Dalli, min se jiċċajta ftit? Roderick Abela bħal kull sena rajt għajnejh jixgħelu kull darba li jissemma isem San Pawl u rajtu jitħeġġeġ biex iżommna motivati. Għada jkun fuq quddiem isellem lill-mistiedna għall-Pontifikal. Douglas Mifsud ta’ ftit kliem imma ma tridx wisq biex tinduna li moħħu jkun qed iberren fuq l-iskwadra Pawlina, fuq kull individwu, fuq kull inizjattiva. Għal ġurnata waħda biss il-Milan u l-Valletta jitpoġġew ħarira fil-ġenb. Etienne Montfort dejjem spalla; ma jieqafx ifaħħar u jissapportja kull inizzjattiva jew ħsieb – anki fuq il-mezzi soċjali. Martin Gravina wara tant ħidma fuq elementi oħra, dalgħodu żgur li jbakkar fil-Kolleġġjata biex il-Pontifikal joħroġ perfett! Ma naqsux l-aħwa Bonello, ifakkruna li l-grokk whiskey jissejjaħ “Tal-Kanonku” u bil-mod tagħhom produċew xi ritratt, issa anki 3D, jew xi ħsieb dwar l-10 ta’ Frar. Jonathan Grima ta’ La Valette ma waqafx jivvinta inizjattivi għas-Società. Clint it-tewmi Cremona dejjem ipaxxina bl-istatwa mill-isbaħ ta’ San Pawl li żżejjen daru. L-istess bħal Mike tal-Beati Paoli. Jiġuni f’moħħi persuni mill-Arċipierku bħal Frans Mintoff, il-Maxi u ta’ Lapira li żgur ikunu qed jistenbħu bi tbissima llum. Sadattant Stephen Baldacchino qabbel frażijiet u kiteb strofi, ħażżeż poeżiji u żewwaq il-midja soċjali b’ritratti sbieħ dwar Pawlu, kif jaf hu. Fuq nota simili Daniel Mangion… u ma neħodiex bi kbira li llum iżerżaq xi kitba huwa wkoll. Kunsilliera varji bdew jibgħatu l-awguri u lbieraħ anki l-Arċidjoċesi ħarġet vidjo l-ġmiel tiegħu biex tfakkar lil kull Malti u Maltija fil-festa tagħhom.

Vince Farrugia ma naqasx milli jaqsam ħsieb dwar l-10 ta’ Frar u ninsab ċert li għalkemm għaddej minn perjodu mhux daqstant faċli, anki Hector Bruno ser jistenbaħ b’qalbu tħabbat għal dan il-jum għażiż. Minn Triq Sant Ursula ma nistax inħalli barra lill-għażiża Paulette Galea li bl-enerġija tagħha dejjem ixxerred xi filmat tal-festa u tiftaħar li hi Pawlina! U xi ngħid għal sħabi Carl Farrugia, Holger Camilleri, Christian Micallef, Gabriel Bartolo, Jeremy Agius u Kurt Spiteri Lucas li fl-aħħar ġimgħat ħolmu ġennata awdjo-viżiva u wettaqniha flimkien fi ftit jiem! Insemmi wkoll lil Doris Montfort, Maria Carbonaro u Polly Cremona fost l-ewwel nisa li jiġu f’moħħi li dejjem kienu jispirawni bil-preżenza tagħhom fil-komunità. Kont se ninsa lil Mario Bonello li llum saħansitra spiċċa f’intervista dwar il-festa fuq it-TV! U hemm ħafna nies oħra tafux!

Allura kif nista’ ngħid li l-festa ma saritx din is-sena? Kif qal Kieth Carabott ilbieraħ waqt il-programm, l-ikbar festa hija meta nżommu lil San Pawl f’qalbna u nippruvaw nixbħuħ. Illejla pruvajt niftakar f’tant qlub li żammew il-festa ħajja anki din is-sena meta l-pandemija waqqfet lilna wkoll, mingħaliha!

Nemmen li l-entużjażmu li għal darb’oħra qasam missieri sabiex ilbieraħ żanżan pavaljun ċkejken mal-gallarija jibqa’ eżempju ħaj li din il-festa xorta waħda nista’ niċċelebraha bil-kbir anki sakemm nistenna t-tgħanniqa ma’ ommi. Grazzi Pa. Grazzi Ma. Grazzi ħbieb!

Il-festa t-tajba Maltin!