Tag: poeżija

Taħt Santa Luċija

Ġejt bla mistenni
fis-serqa ta’ filgħaxija,
imneżża’ mir-rieda
taħt Santa Luċija.

Bis-swaba tmelles xagħri,
itterraq tikmix idejja.
Riħatek balzmu.
Anġlu t’inkejja.

Isqini nbid minn sidrek,
bħall-ħalib li sqietni ommi.
Għerriqni fi ġmiel ħarstek,
xufftejk serraħ fuq fommi.

Wellidni bħal f’bikja,
ċesarja telf id-demm.
Waħħadni ma’ ruħek,
sakkarni hemm.

Ġlekk u qmis

Il-ġlekk u l-qmis għalxejn:
ninżahom, niftahom gozz fuq soddti.
Kemm nixtieqha hawn fid-dlam.
Kemm nixtieqha hawn fil-mużika.
Kemm nixtieqha hawn f’silenzju.
Biex nisma nifisha jfewwaħ.
Biex naqta’ ġuħ ta’ mġewwaħ
u nsaqsi mitt mistoqsija
għal risposta waħda.
Bħalma mija huma l-kwiekeb,
iżda waħda l-eżistenza.
Kemm nixtieqha.

Isma l-mużika hawn

Qatt

Qatt ħadd kitiblek ittra ta’ mħabba, poeżija?
Forsi għadek ma rċevejtiex. Qatt sibt ruħek quddiem dak li r-ruħ ma tafx tispjega u li ġie tradott għall-qalb u miktub mill-moħħ f’mument sagru, bi kliem sempliċi, probabilment medjokri?

Qatt qbadt waħda minn dawk l-ittri, forsi waħda minn dawk li llum sfaru u ħallejtha tkellem lil ruħek? Qatt missejt mal-eternità f’dak il-ġest? Qatt twaħħadt magħha, imqar għal sekonda jew tnejn? Qatt għoddejt ismek u qabbiltu mat-taħbit tal-qalb li xtaqet tkun tiegħek; għal dejjem miegħek? Qatt ħarist lejn il-wisa’ u t-tul ta’ dik il-karta musfara u qbiżt fil-fond ta’ bejniethom bħal f’baħar blu u frisk li jitħabbeb ma’ ġismek lixx u skur? Qatt iġġilidt ma’ dik il-linka sabiex ma tħallihiex tisraqlek nifsek? Qatt aċċettajt it-telfa?

Qatt ħadd kitiblek ittra ta’ mħabba?

Qatt għoddejt id-dbabar tad-dmugħ li nixfu fuqha?

Dalam

“Dalam…”

Hekk bdejtha l-poeżija nkwetanti tal-bieraħ. Poeżija li frankament ħadd mhu ser jinteressah jaqra.
Għax x’jinteressah il-bniedem minn bniedem ieħor meta dinjietu hija biżżejjed miżgħuda stejjer u rakkonti.

Hawn biss dlam…

Fost tbissim irreċtat bla ħadd jissuspetta l-bikja wiesgħa taħtu, kulħadd kuntent, kulħadd ferħan.
Fost rutina marida li tistħajjilha bħal kankru kiefer, tirkeb fuq fjur kull uman, u tnaqqru bla ma jinduna.
Fost ideat sfurzati, konsum ta’ flus.
Fuq drone ninnota s-sajf miġnun, mgħobbi kondoms użati u nisa attrajenti, nofshom diġà tqal. Minjaf x’inhu l-aħjar?

Kantanta tistona, tfajla tinża, tmiss lilha nfisha, u jien inpenġi jew nikteb il-ħolma fis-siegħa u għoxrin ta’ filgħodu. Infittex sens, jew ġenn. Infittex xi ħaġa ċara.

Kesħa

Ilbes għax tiksaħ
jew tibla xi riħ.
Mhux żmien li tinkixef,
tiġġerra fil-ksieħ.

X’qed tagħmel hawn barra?
Ingħalaq fis-skiet.
Taf sew li dan moħħi,
ma jrid l-ebda nkwiet.

Fuq ġewwa l-kuluri!
X’ħriġt tagħmel fid-dlam?
Int tad-demm u l-laħam,
jew qalb tal-injam?