Tag: teatru

Dwar Jon u Mario Philip

Għadni kif segwejt il-poddata ta’ Jon Mallia mal-ex kollega Mario Philip Azzopardi (MPA). Diskursata oħra nteressanti li ħarġet veritajiet varji dwar karattru li b’mod ġenerali jiġġenera rabja lil ħafna nies, iktar minn kemm iġġenera Baggio nhar is-17 ta’ Lulju 1994. Nemmen li kif qal Jon, ħafna minn din ir-rabja ġejja mill-famuż intervent li flimkien ma’ oħrajn MPA għamel fis-silta tal-kampanja tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-2013 u li eventwalment urietna li kienet farsa.

Ma’ MPA ħdimt madwar sentejn u nofs fil-Fondazzjoni Valletta 2018 u kien fil-mumenti fejn iddiskutejt u rraġunajt miegħu dwar ħidmietna li ammirajt il-passjoni tħeġġeġ fih – kemm meta sħajjiltu l-Vesuvju fl-isplużjoni li jmissu, kif ukoll meta stħajjiltu teddy bear imdaqqas lest biex jitrassas. Forsi għax kif jgħidu l-kollegi tiegħi illum, jien twajjeb, nadatta ruħi ma’ kulħadd, ndum ma’ nirrabja u xi snin ilu insejt l-ego tiegħi x’imkien u qatt ma mort niġbru lura? Minjaf! Filfatt it-taħdita ma’ Mallia kienet tkun iktar interessanti li kieku MPA irrakkonta l-esperjenza tiegħu meta kien inħatar Direttur Artistiku tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Jaf kont inġedded xi memorji, insolvi xi misteri u nikkonferma xi fatti.

Issa li smajt lil MPA jiddeskrivi l-iskript tal-produzzjoni “ix-Xiħa”, nista’ ngħid li fformulajt opinjoni dwar il-każ li fih it-Teatru Manuel ikkanċellalu din il-produzzjoni. Bil-premessa li jien ma qrajtx l-iskript, naqbel ma’ MPA li kemm-il darba tinkiteb storja li fiha jkun hemm karattru ta’ blogger li tinqatel, ma jfissirx li dik hija essenzjalment personifikazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess jekk nirreferi għal karattru ta’ raġel imsallab ma’ salib – ma jfissirx li qed nitkellem dwar Kristu u jekk nirreferi għal Prim Ministru korrot mhux nalludi għal… fhimtni. Minn naħa l-oħra kull awtur intelliġenti jaf li jekk ser jagħmel dawn it-tip ta’ riferenzi, f’mumenti fejn is-soċjetà għadha ġġor ħasda, feriti u rabja dwar qtil makabru u kodard, ir-riferenzi implikati jiġu kemmxejn ovvji, le? Dan speċjalment ma’ poplu li mhux imdorri jomgħod qabel jibla’. Nemmen ukoll li awtur kontemporanju, intelliġenti u kreattiv jista’ jagħmel dawn ir-riferenzi b’mod kreattiv sabiex jinstiga dubju u allura aktar interess madwar kitbietu.

Poster ta’ “ix-Xiħa”.

Naqbel ukoll ma’ Chris Gatt li saħaq li din il-bidla fil-ħsieb fl-aħħar minuti turi li d-direzzjoni tat-Teatru Manoel ma kinetx kapaċi tirreżisti il-pressjoni pubblika, jekk mhux politika wkoll. Jiena nżid nistaqsi kif ladarba ħadd fost l-atturi ma xamm xi riskju jinten meta l-iskript ġie mgħoddi lilhom, dawn ħarbu mil-produzzjoni hekk kif qamet il-kritika!

MPA sejjaħ “traġedja” il-fatt li l-ebda artist ma’ tqanqal sabiex jissapportja l-kawża tiegħu favur il-produzzjoni “ix-Xiħa”. Naħseb Mario jaf biżżejjed kif fil-kamp artistiku Malti, mhux biss dak teatrali, is-sapport u l-kollaborazzjoni fuq livell politiku-soċjali ma’ jeżistux. It-traġedja hija magħmula minn artisti li jibżgħu jikkritikaw is-soċjetà attwali; uħud sabiex jevitaw li jiġu ttimbrati “negattivi” filwaqt li oħrajn jinteressahom biss li jkunu fil-klikka irrispettata sabiex l’opportunitatjiet mal-Gvern ma jitnaqqsulhomx u jkunu jistgħu jdoqqu t-trombi hekk kif jinawguraw il-proġett li jmiss. Issib ukoll dawk li għalkemm fil-privat jikkritikaw lill-Gvern, jisktu fid-dominju pubbliku sabiex jibqgħu jidhru sbieħ quddiem xi Ministru u entitajiet li jroxxu l-flus. Fl-aħħar mill-aħħar qed ngħixu f’pajjiż b’kultura msejsa fuq il-flus!

Rigward il-klikek elitisti li jirrenjaw fis-soċjetà artistika, ma nistax ma naqbilx ma’ MPA. Fil-kamp tal-arti viżiva din ir-realtà iltqajt magħha taħt il-bandiera tal-lingwi, tal-klikek u tal-appartenenzi kulturali. Meta stajt, pruvajt niġġieled ħafna dan il-klassiżmu; mostru moqżież li sfortunatament għadu madwarna.

Nammira l-mod ġenwin kif MPA spjega kif ippreżenta l-idea tal-iStaġun Teatru Malti lill-Gvern sabiex jingħata grant. Anki jekk ma taqbilx miegħu, tisimgħu jitkellem u tħoss qalbu tħabbat. Niskanta kif il-Gvern temm is-sistema ta’ one-to-one deal fuq grants billi waqqaf awtorità bħall-Kunsill tal-Arti, iżda xorta ippermetta dan it-tip ta’ pitching kemmxejn old school. Ma jkunx ġust li filwaqt li min hu b’saħħtu jħawwel, numru ta’ artisti validi ikollhom jgħaddu mill-martirju tedjanti tal-proċess tal-applikazzjoni għal dan l-istess dritt li jwettqu l-ħolm kreattiv tagħhom. Filwaqt li l-metodu ta’ MPA huwa iktar prattiku, is-sistema adottata llum hija intenzjonata li tkun iktar ġusta fil-prinċipju u għaldaqstant għandha tkun applikata b’diliġenza fuq kulħadd, f’ġieħ is-sewwa.

Nagħlaq billi nsellem lil MPA u nħeġġu sabiex jinfatam minn teatru partikolari wieħed, anzi jipprova jirriġenera oħrajn bħall-Orpheum u r-Rialto, ironikament propjetà tal-Partit Laburista, jekk m’inix sejjer żball. Inħeġġu wkoll jerħi r-rabja u dipressjoni (kif indika hu fl-aħħar kummenti ta’ din il-poddata) sabiex iqarreb aktar lejn il-poplu matur billi jistqarr b’saħħa li l-valuri soċjalisti li seffaq wiċċu għalihom fl-2013 illum m’għadekx issibhom fil-Partit Laburista, daqs kemm baqa’ ma nstabx dak il-ballun ta’ Baggio.

Ġewwa jew barra?

Fis-26 ta’ Awwissu li għadda r-residenti tal-Belt Valletta ingħaqdu flimkien sabiex jirrakkuntaw il-ħajja kontemporanja tagħhom lill-bqija tal-poplu. Il-konkorrenza kienet il-ġmiel tagħha għalkemm qajla sar reklamar. Saħansitra għadd ġmielu ta’ posters inqalgħu matul il-lejl ta’ qabel mit-toroq tal-Belt Valletta. L-udjenza ġiet minn madwar il-Belt Valletta kollha iżda wkoll minn bliet u rħula oħrajn fosthom Brussell! Il-Barrakka ta’ Fuq kienet ippakkjata bin-nies kurjuża sabiex jaraw fiex kienet tikkonsisti l-Ħasla!

Kienet sa mill-bidu nett ix-xewqa tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li jsir proġett li jinvolvi lill-komunità Beltija. Proġett kbir li jwassal lill-Beltin sabiex jitħaddtu dwar ir-riġenerazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali tal-art tant għażiża għalihom. Ġewwa Barra, kellu jkun pjattaforma unika għall-Beltin.

Għalissa ser inħalli f’ġenb l-element artistiku tal-proġett. Ġewwa Barra, hekk kien tlaqqam il-proġett,  kien l-ewwel u qabel kollox vjaġġ speċjali għall-komunità. Dan għaliex filwaqt li ħafna proġetti jafu jirriżultaw fi vjaġġ simili, dan kien il-vjaġġ ta’ dawk li għall-dawn l-aħħar snin seffqu wiċċhom direttament mat-tajjeb u l-ħażin li t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġab miegħu għal Belt Valletta bħalma jiġri f’kull belt oħra mbierka jew misħuta b’dan ix-xettru.

Għal dan il-proġett kien hemm bżonn xi ħadd li kapaċi jifhem il-passjoni u ruħ tal-komunità Beltija. Xi ħadd li kapaċi jrażżan dak li jaħseb hu, u minflok, jagħti widen u jinterpreta b’talent, dak kollu li xtaqu jirrakkuntaw ir-residenti Beltin. Hekk ġara permezz ta’ Victor Jacono. Tul il-workshops li sawru l-ewwel parti tal-proġett tfaċċaw numru ta’ Beltin. Uħud ġew u telqu ‘l barra. Oħrajn ġew, baqgħu u llum qed jiddiskutu kif ser jibqgħu ġewwa. Victor żera’, kkultiva u ħasad ħafna frott li mhux kulħadd għaraf japrezza.

Kelli x-xorti ngħix dan il-proġett mit-twelid sat-tmiem u kelli xorti akbar ngħixu minn perspettivi differenti. Il-ħajja tal-komunità hija l-kultura; il-mod kif ngħixu flimkien u kif dawn il-modi jagħtuna identità distinta minn oħrajn. Il-kultura mhix arti u viċe versa. U għalkemm it-tnejn spiss jitwaħħdu, id-distinzjoni hija inekwivokabbli. Huwa hawn fejn l-arti teatrali f'”Il-Ħasla” ma kienet xejn ħlief vetrina tal-kultura. Hawn fejn l-arti teatrali saret eżerċizzju ta’ trawwim ta’ kunfidenza sabiex ir-residenti Beltin: tfal, żgħażagħ u xjuħ, jesprimu d-drawwiet u l-fehmiet sinċiera tagħhom – bla ma dawn ikunu mittiefsa.

Huwa għalhekk fejn l-iskript ta’ “il-Ħasla” huwa ġojjell kulturali u li fil-kuntest storiku u kontemporanju ta’ pajjiżna u Beltna jagħmel sens kbir. “Il-Ħasla” hija rakkont ta’ Beltin li qed ikunu sfurzati jabbandunaw beltom għal spazji iktar sinjuri u komdi. Rakkont ta’ Beltin anzjani li ta’ kuljum jippruvaw iwasslu valuri lil uliedhom. Rakkont ta’ tfal Beltin li għadhom jgħixu flimkien f’komunità tat-triq. Rakkont ta’ żgħażagħ li joħolmu dar, xogħol u familja fl-istess Belt. Rakkont ta’ Beltin li qed jibżgħu li ser jintilef il-pjaċir tal-Festa, taċ-ċelebrazzjonijiet tal-futbol u tal-imħażen u ż-żfin tal-karnival. “Il-Ħasla” hija wkoll rakkont ta’ Beltin li jħossu li l-progress huwa aħjar minn nostalġija tal-passat. Residenti li jħossu li trid iċċedi xi ħaġa biex ma tkunx minsi.

“Il-Ħasla” kienet tassew rakkont sinċier. Iżewwaq dan kollu kien il-mod sempliċi iżda ġenjali li bih inkiteb ir-rakkont. Filwaqt li uża stejjer u ġografiji vera biex madwarhom jibni xenarju, Jacono welled il-metafora tal-ħasla li permezz tagħha t-tfal kienu jikkomunikaw messaġġi minn bejt għal ieħor, b’xebħ mal-mod kif jikkomunikaw il-bastimenti li kien iħobb isegwi n-Nannu Ninu fil-Port il-Kbir. Din il-metafora kienet il-bażi għall-narrativa kontemporanja. Apparti minn din, wieħed seta’ japprezza l-użu adekwat u ntelliġenti tal-metafora, ir-riċerka fir-rakkont, il-battuti ħelwin kif ukoll il-libertà li sa ċertu punt kull karattru kellu sabiex ikun huwa nnifsu.

“Il-Ħasla” provdiet spazju fejn ir-residenti Beltin skoprew talenti moħbija. Kienet opportunità fejn huma taw ħasla lil min jaħseb li jaf ħafna u aktar minnhom. Lis-sinjurun li jinvesti bla ma jikkunsidrahom. Taw ħasla lil min riedhom ikunu protagonisti ta’ din is-sena, iżda bħall-granċ, gidimhom, u ma sabx ħin għalihom. Taw ħasla lilhom infushom li kultant ma jafux jirrispettaw lil beltom u nesew kif jingħaqdu biex jiġġieldu għal dak li jridu u jwettqu dak li joħolmu.

“Il-Ħasla” fuq kollox tat ċans sabiex għall-aħħar darba isemma leħnu l-għażiż u mibki Godwin Scerri sabiex juri kif verament ikun Belti: bniedem mimli passjoni, mħabba lejn dak li jgħamlu hu u mħabba bla tarf għall-familja, niesu u l-komunità u l-kultura ġenwina tiegħu. Godwin kien appuntu bniedem li karab iżda ma nstemax, iżda baqa’ jittama li f’għajnejn it-tfal li rawwem, tibqa’ tgħix il-kultura ta’ kull Belti… dik li ngħixu flimkien bħal aħwa u niċċelebraw ma’ kull ċans li jkollna s-sabiħ ta’ din il-ħajja qasira li għandna. L-identità unika tagħna.

Kif qalli xi ħadd akkademiku fl-aħħar tas-serata, jidher li dan il-vjaġġ tal-Beltin spiċċa jitqies bħala wieħed mill-aqwa proġetti li f’din is-sena tassew mess mar-ruħ ta’ dawk li verament huma kapital ta’ din il-belt; missirijiet, maħbubin u ulied il-kultura. Int ġewwa jew barra?

It-teatru

Il-mużika msaħħra ġo qalb ir-raħal għebet. Siket l-applaws. Minjaf forsi Teodor laħaq ħarbex kelmtejn kummentarju u Buhagiar fil-gallarija kien għadu qed jonsob aġġettivi f’lokhom. Minjaf?

L-inbid beda jsejjaħ lill-folla… kważi kważi nstema’ leħnu qalb żaqżieq is-siġġijiet. Żaqżieq iva, simili wisq għall-ħoss tal-bieb ikaxkar sat-tisbita li sakkritu. Waqgħet hemda bħal dik li kultant jinnamra magħha Pawlu. Hemda li sserraħ jew li toffri spazju għal aktar ħsieb; mistoqsijiet. Hemda li tfawwar bħalma tfawwar qalbu bix-xewqa li tingħata. Bħalma tuffieħa mhux ikkunsmata tfawwar b’dud rgħib u moffa.

Raqad it-teatru. Iżda mhux is-seħer li twaħħad miegħu tul iż-żminijiet. Is-seħer tal-poeżija, tal-mużika, kant u dwal. Tal-kostumi, żeffiena, kantawturi u atturi. Ta’ kull ruħ li żaritu.

Mal-ħoss tal-bieb jissakkar, is-seħer stenbaħ u bla ħadd induna, niżel, ikkulurit, bħal f’kull lejl, ikebbes lit-teatru. U aħna hemm konna mgeżwrin f’karta bajda, bis-serqa ngawdu l-maġija. Is-seħer kebbisna, libbisna sal-għabex. U issa li qed inlibbsu lilek, is-seħer nilmħuħ jiżfen ma’ ruħek hekk kif taqa’ l-hemda.

Hemda.