Il-ġemel u ħotobtu

“Jekk aħna għandna ħotba, intom għandkom ħotba akbar minna paraparararara!” Hekk nistħajjilhom qed ikantaw l-iXtruppaw hekk kif niddedika ftit ħin naġġorna ruħi bil-politika Maltija.

Għadni kif smajt id-diskors tal-Prim Ministru ta’ Malta llejla fil-Parlament. Ikolli ngħid li l-pinna wara dan id-diskors hija l-istess bħal dik ta preżentatur televiżiv li l’hena tiegħu jrawwem il-partiġġjaniżmu mħawwar bil-ġobon tal-ħakk. Inħoss faqar kbir f’diskors fejn dawk li suppost insejjħulhom onorevoli, huma msejjħa cheap, u ndirizzati bi tbissim u ton inkejjuż u bi kliem bħal “ieqfu parlaw fil-vojt”. Żgur mhux ton ta’ Prim Ministru f’Parlament.

L-istrateġija prinċipali tal-protagonisti tal-Gvern ta’ llum hija li dawk li mhumiex ta’ fehma bħalhom jiġu rridikoliżżati u ttimbrati b’xi titlu dispreġjattiv jew battuta sarkastika li jġibu tbissima f’wiċċ l-għami. B’hekk xejn ma jista’ jiġi interpretat bħala offiża u kollox jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn. Dawk li suppost ikunu ta’ eżempju lejl u nhar illum jinbidlu f’atturi protagonisti li b’għażla jkiddu u jwaddbu lill-kollegi tagħhom fir-redikolu. Stil makakk li diffiċli jiġi meqjus bħala nġurja.

Biss il-ftit melħ li għandi f’moħħi u l-esperjenza jwassluni nirraġuna. Kif tgħallimna meta konna tfal, dawk li jaħbu idejhom ħafna drabi huma dawk li jkunu xeħtu l-ġebla. F’diskors parlamentari fejn l-impenn ikun dak li tgħatti ħotobtok bil-ħotba ta’ ħaddieħor, tkun qed tgħini wisq sabiex ninduna min huwa t-tifel l-imqareb! F’diskorsi kontinwi fejn minflok nindirizzaw il-problemi ħoxnin u anki kriminali li għandna ma’ saqajna tibqa’ tiftaħar bir-riżultati ekonomiċi li int bħala amministratur obbligat tilħaq, tkun qed turini li ma tafx li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix!

“…fejn tara liż-żewġ naħat tal-kamra jakkużaw lil xulxin mingħajr ħadd ma jkollu l-ħila jaqbad il-bajd u f’għafsa waħda jqum u jistqarr dak li jaf/taf…”

Huwa tassew ħasra li ħafna Maltin jitrejjqu ta’ kuljum minn dan is-sajran ta’ mibgħeda frott il-kilba għal poter partiġġjan. Bħallikieku l-Gvern f’idejn skwadra jew oħra mhux l-istess Gvern tal-poplu Malti jkun! Kunċett sempliċi li moħħ wara ieħor baqa’ ma fhemx nonostante is-snin twal jorgażmaw fil-kotba fl-Università. L-istess bħat-twajjeb li jinħakem fil-partita idjota partiġġjana u jintradam f’omertà.

Iċ-ċirklu pervers fil-Parlament Malti fejn tara liż-żewġ naħat tal-kamra jakkużaw lil xulxin mingħajr ħadd ma jkollu l-ħila jaqbad il-bajd u f’għafsa waħda jqum u jistqarr dak li jaf/taf, twassalni nitħassar lil dawn li suppost huma r-rappreżentanti tiegħi – kollha kemm huma. Tibqa’ ħolma li nara lil dawk li b’xi mod naf direttament, fuq iż-żewġ naħat, u li lejhom kelli rispett, iqumu minn dak it-teatrin, jgħidu l-verità li jafu u jitilqu ‘l barra.

Imma forsi dik l-omertà hija ċ-ċavetta ta’ kollox. It-theddida li mal-ewwel nifs, bħal Daphne, isibu xi murtal jistennihom twassalhom jagħżlu li bħal meta konna tfal, joqgħodu jitnejjku bina, jwaħħlu f’min beda l-ewwel u ta’ min hi l-akbar ħotba.

U allura kompli roxx aktar ġelu minn dak ic-cheap għażiż Prim Ministru ħalli nibilawha li għandek dritt ikollok ħotba għax l-oħrajn għandhom oħra. Ħalli nibilawha li kollox huwa sew u li xejn mhu xejn.