Il-vuċi tal-imgħallem

Meta fl-ewwel jiem tal-1981 ommi iġġieldet għal ħajti għax “kont għaxar minuti bogħod milli nifga mal-kurdun”, ftit li xejn kienet taf li fl-istess sena ġenju Taljan kien qed jagħti l-ħajja lit-tielet album mużikali tiegħu – kapulavur ieħor qalb oħrajn varji li influwenzaw lil binha tul ħajtu kollha.

Lil ommi llum sibtha b’qoxra fuq xufftejha, kważi tokrob għal tazza ilma. L-ilma wasal u bħal qisha ħadet ir-ruħ. Il-ħajja kiefra mat-twajjeb u f’kull episodju tfakkarni li ma hemmx mod kif tfehma jew tiddireġiha. Illum dak il-ġenju temm il-għatx tiegħu mal-ħajja materjali f’din id-Dinja u qabad il-linja vertikali lejn eżistenza ġdida, forsi aktar spiritwali li tant fittex u xtarr dwarha. Parti kruċjali mit-Trasformazioni dell’io kif kien sejħilha fis-silta Passacaglia.

Illum id-Dinja tilfet bniedem li kien jaf ikun ta’ tieqa lejn l-ispirtu u allura liberu li jikkrea, jitkellem u jiġġenera ħsieb. Illum tlifna bniedem li għallimna nistaqsu, nikkrejaw u ma nisktux; kemm-il darba nużaw widnejna. Franco Battiato, maħbub ta’ art twelidu Sqallija, eċċentriku, mgħallem inventiv, provokatur niggieżi u dirett.

Il-parteċipazzjoni tiegħu b’sorpriża waqt il-kunċert ta’ Carmen Consoli f’Taormina kien l-uniku mument li qattajt qrib tiegħu, għaxar snin ilu, mhux wisq bogħod minn daru. Niftakarni niġi kkuntattjat sabiex inwasslu anki f’pajjiżna bil-proġett DIWAN – biss ma stajtx nerfa responsabbiltà finanzjarja waħdi – u f’dan il-pajjiż diffiċli ssib sapport ġenwin meta tkun trid tinvesti biex ġenju jersaq ‘l hawn. Fit-Teatru Manoel ma kienx hemm spazju għal Battiato għax kien hemm kalendarju mimli. Quddiem l-idea li jkun protagonist fil-programm kulturali tal-kapitali fl-2018 kien hemm nuqqas ta’ interess kbir. Tentattivi oħra li nispira xi ħadd li kellu s-saħħa jagħmel dan, kollha fallew għal raġunijiet li qatt mhu ser insir naf eżatt.

Il-bniedem ħalla din id-Dinja imma l-ġenju jibqa’ fil-ħolqien provokatorji tiegħu. Fil-mużika u anki fil-films u dokumentarji. F’pajjiż bħal tiegħi fejn iċ-ċentru ta’ gravità permanenti ma jeżistix, taħrabli demgħa għal dan il-bniedem li ħalla marka bl-eżistenza tiegħu u niddedika kliemu mis-silta Inneres Auge (Inner Eye) lil pajjiżi – illejla mitluf isegwi medjokrità kulturali li qatlitna tassew.

Che cosa possono le leggi
Dove regna soltanto il denaro?
La giustizia non è altro che una pubblica merce
Di cosa vivrebbero
Ciarlatani e truffatori
Se non avessero moneta sonante da gettare come ami fra la gente.
La linea orizzontale
Ci spinge verso la materia,
Quella verticale verso lo spirito
Inneres auge, das innere auge

Ma quando ritorno in me,
Sulla mia via, a leggere e studiare,
Ascoltando i grandi del passato
Mi basta una sonata di Corelli,
Perché mi meravigli del creato!

Strieħ fis-sliem l-imgħallem. Il-ġenju tiegħek jibqa’ jisfida din id-Dinja orribbli u joffri ħajja f’din l-eżistenza mortali, kuljum.

We will never die. We were never born.