Kif insterqu il-Beltin

Fl-aħħar ġranet qamet polemika qawwija dwar l-aħħar serqa li laqqtu l-Beltin b’intervent goff, ikrah u pastaż ta’ imprenditur li spiss jirrepeti li jħobb lill-Belt Valletta iżda li jidher ċar li ma jħobbx lil niesha – anki jekk spiss ixerred xi naqra flus qalb il-parroċċi.

Minn qalbi nixtieq ngħid grazzi lil dan l-imprenditur għax bis-saħħa tal-arroganza tiegħu ħafna Beltin irrealiżżaw kemm ġew mogħtija bis-sieq mill-awtoritajiet fl-aħħar snin. Ir-rampa li tħalliet tintrama fi Strada Merkanti mhux talli tixhed l-injoranza (xi ħadd li jinjora) tal-imprenditur imma tixkef il-ħażen tal-awtoritajiet li japprovaw proposti ta’ dan it-tip bla ma jagħmlu riċerka xierqa u jirrealiżżaw l-impatt soċjali tagħhom. Mhux talli hekk, talli b’arroganza jargumentaw li ladarba ħadd ma oġġezzjona għall-biċċa karta u jkunu waħħlu f’xi kantuniera, il-proġett kellu l-barka ta’ kulħadd u bħal Pilatu jaħslu idejhom minn kull responsabbiltà u għal ftit ma jibqgħux “awtorità”!

Le, l-istruttura fi Triq Merkanti mhix preċedent. Il-preċedenti ilhom ġejjin. Ilhom ġejjin snin twal iżda sfortunatament l-għorrief ġurnalisti jqumu biss meta jkun hemm ftit storbju fuq il-meżżi soċjali. Ir-renju tal-imwejjed u s-siġġijiet ilu li keċċa lill-kavallieri u daħal jisraq il-ġid kollu ta’ din il-Belt. Huwa renju b’saħħtu li jilbes eleganti u li wassal lill-Beltin jemmnu li l-progress ser jirriġeneralhom darhom. X’ġara imma?

L-istruttura fi Strada Merkanti qabel inksiet bl-injam sabiex takkomoda aktar imwejjed u siġġijiet. Ritratt ta’ Daniel Cilia.

Kif nafu, hekk kif il-kapitali daħlet fil-proċess sabiex tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, l-investitur baqa’ jħawwel ġidu u jiekol dak li seta’ minn dak li sab u aktar. Il-legat ekonomiku ta’ dan il-proċess kien goff u kien grazzi għall-pandemija li t-tqaħħib ta’ Beltna ħa kemmxejn ta’ pass lura fis-snin ta’ wara. Kif ħareġ minn riċerka tal-Fondazzjoni Valletta 2018 stess, fl-istrateġija għall-kapitali rajna biss sa mneħirna. Dawk li kienu diġà okkupaw spazji pubbliċi u għamluhom tagħhom, sabu fejn jimirħu għax fejn investitur seta’ jaqla’ lira żejda, dan sab sapport minn kull fazzjoni, inkluż il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

L-okkupazzjoni ta’ spazji pubbliċi mill-investitur privat saret b’mod sfaċċat. Sa mill-2013 kien hemm rapporti varji għaddejjin fil-meżżi soċjali. Il-monument/talba lill-Alla quddiem il-kappella ta’ Liesse ittieħed postu għal gabbana kummerċjali fejn is-siġġijiet baqgħu jispuntaw sa ftit xhur ilu u saħansitra serqu nofs il-bankina. Snin qabel, l-istess triq inbidlet minn żewġ karreġġjati għal waħda sabiex takkomoda lil xi ħadd li sa llum baqa’ mistur. Ftit iktar ‘l fuq kulħadd jaf bl-imprendituri li kabbru ġidhom billi investew fi spazji ċkejkna mmens iżda kattru s-siġġijiet, imwejjed u mħaded matul it-turġien pubbliċi. Minn hemm l-eżempju baqa’ jkaxkar. Ladarba wieħed tħalla jibni imperu, ħaddieħor ried l-imperu tiegħu.

Dak iż-żmien xi kunsilliera b’rieda tajba, stinkaw sabiex jinċentivaw ftit ħajja matul it-toroq rieqda tal-Belt Valletta. Iżda kienu qtates għaġġelija, akkomodaw u allura l-kapitalist rikibhom u stagħna filwaqt li kompla jnaqqar territorju pubbliku. Sadattant dan l-effett kabbar il-valur tal-propjetà fil-Kapitali, ir-resident beda jirtira bil-mod il-mod sabiex forsi anki hu jdawwar lira u postu beda jieħdu imprenditur ġdid – dak tal-Boutique Hotels. U għal wieħed kien hawn xi 40 tafux! Li ma jmurx turist jorqod tliet kilometri bogħod mill-isbaħ Belt fid-Dinja. Illum dawn l-istrutturi jheddu d-drawwiet tal-komunitajiet Beltin – eżempju ċar fir-rapporti li daħħal hotel partikolari fuq is-Sur ta’ Santa Barbara kontra maħżen ta’ festa lokali!

Ma nistax ma nsemmix l-ikbar żewġ serqiet ta’ spazji pubbliċi li saru sa issa. Bla dubju dawn huma s-serq tal-pjazza tas-Suq u ta’ Pjazza Ħelsien. Filwaqt li tal-ewwel insterqet totalment bil-barka tat-titlu tal-Kapitali tal-Kultura u illum anki minn Google Maps sparixxiet, it-tieni waħda ġiet imbarrata bil-ħadid ftit xhur wara, sabiex l-ebda persuna f’dan il-pajjiż pseudo-demokratiku ma tażżarda tqarreb lejn l-ispazju fejn Maltin bħalha suppost jirrappreżentawha. Il-Fondazzjoni imqabbda tippromwovi l-Kultura fil-Belt kapitali kienet skuża wkoll sabiex investimenti oħra jħawwlu d-dnub umbagħad iħalluh jinbet u jkattar ladarba l-2018 tintemm. Fost dawn insibu gallarija/palk fi Strada Stretta li suppost kellha titneħħa iżda ovvjament baqgħet hemm, kif ukoll sensiela ta’ qsari tal-injam fi Pjazza Ħelsien. U xi ngħidu għall kwantità ta’ siġġijiet u mwejjed li lejl u nhar jitħallew fl-istess Strada Stretta! U bilħaqq! Xi ngħidu għall-istruttura fi Triq Santa Luċija bejn Strada San Paolo u Strada Merkanti u l-ammonti kbar ta’ siġġijiet u mwejjed fi Strada Rjali? Aktar serq goff u sfaċċat!

Sakemm ma jkunx hawn mexxejja u amministraturi li kapaċi ma jkunux popolari, dan is-serq ser ikompli jitrawwem u joktor fil-kultura kummerċjali ta’ dan il-pajjiż marid.

Pawlu Mizzi

Nistgħu nagħmlu passiġġata virtwali madwar il-Belt Valletta u nibqgħu nsibu spazji misruqa mingħand il-Pubbliku. Filwaqt li l-Belt Valletta ma għandiex titħalla tkun bla ħajja, żgur li l-ħajja ma tiġix meta r-resident iħossu fgat minn din l-okkupazzjoni kattiva. Sakemm ma jkunx hawn mexxejja u amministraturi li kapaċi ma jkunux popolari, dan is-serq ser ikompli jitrawwem u joktor fil-kultura kummerċjali ta’ dan il-pajjiż marid. Lura fis-snin, ex Sindku kien qalli “kif tista’ twaqqfu xi ħadd hekk?” għal miljunarju li bena sular fuq is-Sur ta’ Santa Barbara u farrak is-sens ta’ taraġ estetiku li l-Kavallieri ta’ San Ġwann tant saħqu fuqhom għall-belt il-ġdida. Bil-biża mis-sinjur nistgħu narmu l-valuri tagħna fil-baħar!

U int, li ssejjaħ lilek innifsek Belti jew Beltija x’qed tagħmel? Meta ser tqum u tipprotesta? Meta ser tirrealiżża li l-mexxejja li għażilt tnejjku bik għax jafu biss jgħidu iva lill-Partit u lil min għandu l-flus!? Ser tħallihom ikomplu jnaqqrulek l-identità tiegħek? Ser taċċetta li l-kultura tiegħek tiġi mormija? Qum mir-raqda, ingħaqad ma min irid iwassal messaġġ u semma leħnek ja ljun bla bajd u xejn aktar!

U bilħaqq, issa uffiċċjali li intom imiss Marsin!