Riflessi tal-“injoranza” tal-midja

Tlajna fuq il-qamar, sibna vaċċin għall-pandemija u saħansitra mara minn fostna laħqet President tal-Parlament Ewropew! Passi ta’ ġgant għamel il-bniedem. L-ilsna li żżerżqu fuq Roberta Metsola fl-aħħar ġranet xebbaħthom mall-bebbux li wara għodwa mxarrba xitwija, tarahom idellku l-ħitan tas-sejjieħ filwaqt li jterrqu b’kalma liema bħalha.

Roberta minn dejjem kienet maħbuba tan-Nawfraġju ta’ San Pawl u forsi f’dawn l-aħħar jiem rat il-kliem miktub f’kapitlu 28 tal-Atti, jerġa’ jseħħ kelma kelma quddiemha:

In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: «Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!» Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.»

Ftit minuti fuq Facebook u ssib gazzetti u profili ta’ Maltin varji josannaw lil din il-persuna fl-istess waqt li oħrajn iwaħħlulha aġġettivi dekorużi bħal “kummidjanta”, “traditura” u “purċinella”. Tal-Pro Life ukoll biddlu fhemtom hekk kif Metsola stqarret li hi ser tieħu l-pożizzjoni tal-maġġoranza fil-Parlament dwar l-abort u appuntu, laqqmuha “disgraceful“. Insomma, kompli qalleb u jekk int fortunat jaf issib filmat jew ritratt tal-Prim Ministru li hekk kif xamm ir-riħ tal-bidla, mar żifen erba’ passi mal-magħżula tal-fazzjoni l-blu li issa qed tħalli l-valuri fuq l-ixkaffa sabiex taqdi l-Unjoni.

Sadattant ħarġet ukoll l-istorja tar-raid fid-dar tal-ex Prim Ministru snin wara li waqgħu suspetti fuqu, u l-kotra qamet. Bħalma spiss jiġri, il-Malti jqum meta l-inqas għandu għalfejn u viċi-versa. Dan il-fatt narah jikkonferma ruħu spiss quddiem stqarrijiet varji li jsiru minn esponenti lokali u li ħadd, jew ejja ngħidu, kważi ħadd, ma jagħti każ – forsi għax l-istqarrija ma tkunx saret fuq il-pjattaforma tiegħu/tagħhom. L-iktar eżempju sfaċċat huma l-istqarrijiet li ħarġu minn Mark Camilleri fuq il-poddati ta’ sieħbi Jon Mallia. Possibbli ma kien hemm ebda reazzjoni mill-Pulizija u mill-midja Nazzjonali wara intervent daqstant qawwi ta’ disa’ siegħat jirrakkonta l-għawwar tal-Partit Laburista u l-Gvern?

B’referenza għall-istess sors ta’ min insemmi s-silenzju tal-midja lokali quddiem l-attitudni inkwetanti ta’ Musumeci. Nibqa’ mistagħġeb kif dak li ħareġ minn dawn il-poddati waqa’ biss fuq il-widnejn tan-nies diġà konvertiti jew diġà konvinti li ma jridux jikkonvertu. Wisq nibża li dan it-traġitt (kelma li flimkien ma’ “nefast” saret sinonima wisq ma’ Mallia) medjatiku tant sabiħ ta’ Mallia qed iservi għal ftit, forsi parti mill-jigsaw puzzle li xi id moħbija ddettat. Wisq ngħoxa nipprova nifhem kif il-midja lokali tagħżel li tinjora l-verità sħiħa għal raġuni jew oħra.

Inutli kulħadd idoqq it-tromba tiegħu waħdu jekk ma ndoqquhiex flimkien. Inutli l-vġieli għal Daphne, il-placards u l-protesti jekk il-poplu ma jieħux azzjoni en-bloc. Inutli l-gazzetti u ġurnalisti li jilabuha ta’ paladini tal-ġustizzja meta jinteressahom biss minn ħmerijiet li jattiraw il-klikks biex is-sit tagħhom iżid il-viżitaturi. Il-plejers li qed jilgħabu l-partita ċess huma iktar makakki minn hekk.

Imma forsi dak huwa l-istil modern ta’ kif jitmexxa pajjiż demokratiku fejn kollox huwa penġut nadif, organizzat, ekwu, etiku u eleganti sabiex inti tħossok tant komdu u moqdi li saħansitra taċċetta kull sfreġju tal-valuri intrinsiċi li għaddewlek missirijietek. Meta wara ħafna “bużullotti” ġodda ikollok stqarrijiet jgħidu li kollox għaddej b’governanza tajba u persuni ‘intelliġenti’ joħorġu jiktbu “Viva Joseph! Ara min imissu!” tirrealiżża li apparti li ilna fil-qiegħ, ilna fin-nassa, inħaffru ħofra iktar profonda ma’ kull klikk.