Super League tal-ballun

Illum kull min raqad, mhux bħali li bqajt imqajjem insegwi dak li kien qed jiġri fid-dinja tal-ballun u naħdem l-arti, qam maħsud bl-aħbar li tnax fost l-akbar klabbs tal-futbol Ewropew ser jiffurmaw kampjonat għal rashom lil hinn mill-UEFA u l-FIFA.

Ir-reazzjonijiet li smajt u qrajt kienu varjati u kuluriti. Mid-diżgust ta’ Gary Neville fl-Ingilterra, għad-diżappunt ta’ Matteo Salvini fl-Italja, għall-opinjonijiet varji fuq Facebook.

F’dinja fejn il-flus saru jiddettaw, fejn ir-rispett lejn il-poplu huwa mqaħħab anki mill-politiċi li jirrappreżentawhom, din il-mossa ma ssorprendietni xejn. Naħseb it-tbaħrid li ppermetta l-bniedem kull fejn jidħol il-flus iwassal għal qirda tal-valuri inkluż ir-rispett lejn min wasslek fejn int; f’dal-każ, il-partitarji. U appuntu għalhekk, għax il-bniedem ma jafx jgħix il-libertà mingħajr ma jabbużaha, dejjem qbilt li l-ordni u d-dixxiplina huma essenzjali.

Fuq kollox nażżarda ninnota kif il-mudell issuġġerit minn dawn il-klabbs huwa xbiha ta’ dak applikat fit-twaqqif tal-Unjoni Ewropea fil-kamp politiku. Grupp ta’ entitajiet li jaħsbu li huma aħjar minn ħaddieħor frott il-kaxxa finanzjarja tagħhom jingħaqdu biex ifasslu huma stess ir-regoli tas-suq li jaħdmu fih u jiddettaw huma stess min isir membru u min jibqa’ barra.

Ħafna qed jgħidu li t-twaqqif tas-Super League huwa t-tmiem tal-futbol ewropew. Nittama li jekk għad hemm skop li d-dinja sportiva tħaddan il-valuri, il-UEFA tagħraf tinjora b’mod drastiku din l-inizzjattiva u tkompli tħaddem il-mekkaniżmi tagħha mal-klabbs li baqgħu liberi. Jgħaddu s-snin, jinħolqu swieq ġodda, partitarji ġodda u filwaqt li dawn it-tnax jitħallew jimmasturbaw flimkien, il-poplu sportiv jibqa’ jgawdi l-battalji miftuħa bejn klabbs kbar ġodda.

Id-dubji tiegħi jiġu meta niftakar kif anki l-klabbs żgħar bħal Malta għażlu li jsiru membri tas-Super League Politiku/Ekonomiku lura fl-2004 u fetħu t-triq għal aktar libertinaġġ li llum qed ingawdu s-semm tiegħu fil-qirda ta’ art twelidna.