Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt

M’hemmx xi tgħid. Kull darba li nisma u nara diskursata ta’ Lawrence Gonzi ninżalu l-kappell għal faċilità mpressjonanti li għandu sabiex jikkomunika. Mingħajr l-ebda ħjiel ta’ paniku jew tferfir, jlissen kelma wara kelma, frażi wara oħra u juża teknika ta’ persważjoni vokali li ġġib il-għira anki lil David Ogilvy. F’mumenti hekk inkompli nifhem għalfejn Gonzi kien u għadu l-aqwa frontman għal band tal-Partit Nazzjonalista. Saħansitra anki f’tour batut, huwa jirnexxielu jiġbor ġieħ u jneħħi l-geddum lill-partitarji.

ritratt: www.facebook.com/partitnazzjonalista

Nistħajjel lil Gonzi, bħall-aqwa oratur, konxju li l-folla quddiemu, (l-istess bħal dik quddiem Joseph), hija komposta għall-maġġoranza tagħha minn nagħaġ fidili mhedija jinjoraw lid-dinja u lebsin ta’ studenti universitarji, anzjani msadda b’memorji antiki u adulti bil-mażżra ta’ familthom ma’ għonqhom. Il-bqija: taħlitha ta’ nies intelliġenti li kielu u xebgħu minn fuq l-amministrazzjoni u jitwerwru jaħsbu fuq għada differenti. Bi kliem bħal tinsewx li aħna qegħdin fil-politika biex inservu.” u intom afdajtu lill-pajjiż f’idejn il-PN biex imexxi. Se ntuhulkom aħjar milli tajtuhulna”, jaf li anki l-eħrex qalb jaf taqbżilha demgħa!

ritratt: www.simonbusuttil.eu

Xmun ma kienx ħiereġ għall-elezzjoni, imma issa ħiereġ. Ma tridx tkun għaref fil-matematika biex tifhem kif tilgħab iċ-ċess. Ilbieraħ Xmun spjega għaliex din l-għażla tiegħu u spjegalna kif fil-familja tiegħu dejjem qies lill-Laburisti bħala familjari aktar milli avversarji. Fl-istess kitba t’opinjoni fuq il-ġurnal Times of Malta huwa stqarr ukoll:

“I do not believe in divisiveness but in unity. I do not believe in stubbornness but in compromise. No one is always right or always wrong.”

Għal darb’oħra, kliem imħallat mal-għasel. Tistħajlek qed tgħum għarwien fid-duwa tal-Maddalena. Fl-istess kitba, Xmun tenna wkoll:

“Change is good, but only when it is for the better. Not for the worse.”

u f’diskors dwar l-Unjoni Ewropea:

“… we cannot exploit these opportunities if we are led by a party that has been, at best, sceptical about them.”

U hawn jiġri l-bużillis. Nitfixkel. Niddubita lil għajnejja. Nerġa naqra. Imma le, sewwa qrajt. Filli karikatura ta’ persunaġġ kważi kważi qaddis li jippriedka l-għaqda u l-kompromess, filli ġurdien xiħ li b’reqqa makakka u messaġġ subliminali, jwissi lill-qarrej sabiex jagħraf lill-‘avversarju’ li huwa eħżen billi jiddeskrivih hekk kif kien xi snin ilu u mhux kif inhu llum! Politika tas-superstizzjoni.

Imma iva, il-popolin fidil jibqa’ jiġġudika l-wiċċ grazzjuż, il-vuċi sottili jew is-sentenza mirquma. Il-popolin jiġġudika l-kliem meqjus anki jekk mhux neċessarjament veru – bħali li kultant, bl-għaġġla, ngħażel nixtri l-pakkett għaġin skont is-sbuħija fid-disinn tal-pakkett u mhux fil-ġenwinità tal-prodott.

Qed toqrob il-‘gwerra’. U fil-pajjiż qed ngħixu xenarju fejn iż-żewġ partiti qed jillustraw l-arsenal, b’hekk imsejjħa warm up meetings, fori u diskussjonijiet. Partiti li qed jiftħu l-bieb għal kulħadd, basta jiġbru vot ta’ simpatija. Kważi kważi qed nistenna xi partit jikkandida lil xi kantant tal-Jurovixin jew xi preżentatur tat-telexopping. Lanqas naħsibha ma’ rrid!

L-ironija hi li min għażel li jiġġieled kontra l-attitudni giddieba tal-partiti, għadu qed jingħata bis-sieq.

Min kien diżgużtanti lejn il-pajjiż u lejn ċertu persunaġġi, jinsab f’żiffa ħelwa jsoff xi koxxa ħaruf.

Huma ftit dawk li urew l-appoġġ lejn min joħlom li jkisser dak li hu mmuffat biex jerġa jibni mill-ġdid b’saħħa ġdida. Huma ftit dawk li fehmu u emmnu li Gvern ma huwiex ekwivalenti għal partit iżda, rappreżentanza tal-poplu. Ftit huma n-nagħaġ fidili, jew l-intelliġenti mdardra, li kapaċi jiċħdu lill-Partit tagħhom għal ġid tal-pajjiż. Il-kredu tal-maġġoranza lejn il-Partit, jibqa’ wieħed: “Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt” f’ċapċipa kommossa u ftit dmugħ sħun.

Xmun rikeb il-vapur – Ngħid għalija, mira waħda. Hekk kif qiegħed ngħix f’Malta maqbuda f’xibka mxebilka, lanqas is-Sur Ogilvy ma jasal jikkonvinċini li xi partit lokali għandu ħila biżżejjed li jappoġġja l-verità u mhux jikkrea verżjoni partiġġjana tal-verità. Qed toqrob l-elezzjoni. Is-sinagogi bdew jixirfu l-aqwa fost l-aħjar oraturi u n-nagħaġ bdew ħerġin jirgħu bi ħġarhom anki f’deżert jifleġ.

Filwaqt li nistenna b’kurżità marida, l-istrateġiji ħorox ta’ persważjoni merfugħa b’tant għożża għall-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni, nitlob tagħmel xita qliel li tnaddfilhom għajnejhom u jaraw il-verità tlellex li tgħammixhom. Nitlob li kliem Gonzi Il-poplu Malti hu ntelliġenti biżżejjed biex jagħżel dak li hu sewwa u dak li m’huwiex” iseħħ tassew u xi darba jispiċċa darba għal dejjem il-kunċett ta’ żewġ partiti politiċi li qerdu l-intelliġenza tal-poplu Malti.