Il-ġisem u ċ-ċensura

Lura minn Bari u mill-Karnival ġewwa l-villaġġ ta’ Putignano. Karru ta’ qisien ġiganteski, jirrapreżenta l-jum u l-lejl, permezz ta’ żewġ figuri umani, parzjalment għarwenin. Kuntest satiriku u grottesk fejn il-ġisem mhux ċensurat, fejn forsi t-tbissima li jitrasmettu jgħelbu t-taboos li numru ta’ kulturi sa minn dejjem kienu jafu jimponu.

Niġi għall-punt.

Nibqa’ nistgħaġeb kif fid-dinja tal-llum, il-media, iżda wkoll il-mentalità ġenerali tibqa’ tagħżel li tiċċensura l-ġisem tal-bniedem anki meta dan ikun espost f’kuntest naturali, eleganti jew/u artistiku.

Dan il-fatt jiffrustrani minnu nnifsu iżda l-frustrazzjoni tikber meta niftakar li minn naħa l-oħra ftit li xejn niddejqu nitrasmettu jew nirrappurtaw xeni vjolenti; kemm dawk fiżiċi u dawk psikoloġiċi.

Jinqala’ dibattitu sħiħ jekk titfaċċa żejża fuq riklam. Ironikament, l-istess nies li jitkażaw quddiem xena hekk, ikunu dawk li probabilment jaffaxxinaw ruħhom (jew għall-inqas, hekk jgħatu mpressjoni) quddiem biċċa arti rinaxximentali.

Mhux ta’ b’xejn li bqajt skantat kif imbagħad ma ntqal xejn meta riklam ta’ ditta popolari tal-ġugarelli tat-tfal, f’xena ta’ żona residenzjali minn tagħha, inkludiet pupu qed jixxabbat mill-“convertible” b’pistola f’idu! Dan kien riklam prominenti fuq bus stop fix-xatt ta’ Tas-Sliema!

Qed niftakar f’mument ieħor, ġewwa Għawdex. Tifel ta’ xi sentejn jispara b’pistola lejn arcade video game akkumpanjat b’tant “injoranza” minn missieru.

Allura ngħid jien fejn hu l-periklu? Certu films u ċertu drama maltija, mhux iktar perikolużi minn ġisem espost ta’ mara jew raġel?