Minn Parisot sa Montesin

Hawn hi l-ħarsa lura lejn l-kollezzjoni mużikali ta’ Brikkuni bl-isem ta’ “Kuntra Banda”. Filwaqt li nħarsu ‘l quddiem għat tnedija tat-tieni kollezzjoni ntitolata “Trabokk”, nhar is-Sibt 11 ta’ Frar li ġej, ikun sewwa wisq jekk nġeddu l-memorja tat-tjubija ta’ din l-ewwel ħarġa tal-brikkuni l-bravi. Huwa għalhekk li erġajt fittixt il-kliem li kont ħarbixt nhar it-Tnejn 17 ta’ Novembru 2008 u qed nippubblikah hawn:

X’taqbad tghid f’mumenti hekk?

Kif immaginajt sa minn żmien ilu, kien mument minn dawk li tibqa tiftakar u li tittama li jkollok ċans tirrakkonta lil neputik fi xjuħitek:

“Il-Brikkuni – kien grupp kompost u magħqud li jitrasmetti ħafna enerġija. Il-Brikkuni – kien proġett għal qalb ċertu Mario Vella. Kien ukoll il-mera ta’ Mario.”

Għadni kif erġajt tpaxxejt nisma l-album waqt xogħoli u issa waqt il-ħin liberu. Ikolli nammetti li f’mumenti qabadni l bard u f’oħrajn saħansitra nħoss għajnejja jaħarqu. Huma varji l-mumenti meta nħoss li l-kelma użata f’din il-kollezzjoni tilħaq livell qawwi fuq varji aspetti.

Għal min għandu qalb, għal min hu kburi u ma jarax bħal barrin hawn huwa “Kuntra Banda”.

Inħoss il-frosta tal-artist li jsawwat lil ħutu Maltin, aljenati fl-apatija, kważi kważi bħal bhejjem bla direzzjoni, isegwu biss kulur jew karta tal-vot… waqt li jżebilhu lir-refuġjat kburi.

Inħoss il-bikja tal-artist imbikkem quddiem poplu mnezza mill-kburija li għaliha kien dejjem jiddistingwi ruħu. Jibki lil ħuh, Malti, li b’xiber sogħba jaf x’qed iħalli warajh… dak li kien għal missierijietu Maltin! Dak li ħolom Parisot! Dan huwa l-innu lil Malta jew aħjar l-Innu Malti! – misħun bl-għasel!

Inħoss inkejja lejn dawk kburin li jmorru l-quddies u li f’aspetti jilgħabuha totalment bla konexxenza tal-verità!

Inħoss l-ironija tal-artist li jesponi mera quddiem il-poplu f’xewqa li dan jintebah b’min hu u minn fejn hu ġej. Kważi kważi jwerżaq fid-disprament li dan mhux iseħħ għalkemm ix-xewqa u l-isforz! U jistaqsi fejnu kulhadd?… jew ahjar “where’s everybody?”

Inħoss id-djufija tal-artist li jitħabbeb ma’ nostalġija ta’ mħabba, mhux fuq sodda iżda f’dak il-qiegħ mimli ħlewwa. Mument tat-tkexkix kbir dan… u nerġa nisimgħu. “fil-qiegħ kien hemm ħlewwa”.

Inħoss l-artist li jasal jtella lil persunaġġ sempliċi, rasu iebsa u “baxx” fuq pedestall… filwaqt li jniżżel lil bqija mitlufin fi kliemhom fiegħrah. Bikja lejn soċjetà mimlija xemgħa, lipstick u uffiċċji jleqqu – imma bla qalb li tħabbat.

Proġett immensament kontemporanju li jistaqsi fejn sejra Malta… fejn sejrin aħna bħala ndividwi bl-għerf kollu li jiddistingwina x’ħin ninstabtu hemm madwar il mejda tal-Jubilee.

U ngħalaq billi ngħid li kburi għax fhimt li l-artist jibki waqt li jgħajjat l-aħħar kelmiet fl-eletti… qed jasal jgħalaq ħalqu għax waħdu… għax hemm min għandu fejn jistemgħa iktar, għax hekk titolbok il-liġi, in-nutar. U issa f’idejk, f’idejja… li ma nħallux ix-xaħam jikber u jekk hemm bżonn, iva, nifilġu l-melodija u nkantaw mal-artist, ma’ Marju, mal-Brikkuni!!

Aħna nistennewh reġa ġej, goff u selvaġġ jekk hemm bzonn! U jien ukoll nista’ nieqaf hawn.

Grazzi Brikkuni.