Omm l’injoranza dejjem tqila

Niskanta kif għad hawn min jistaqsi “jaqaw fil-Libja qed jiġri xi ħaġa?”. Kultant tgħejjini l-injoranza tal-Maltin.

Il-kelma njoranza nħobb nifhimha mhux kif dejjem għallmuni imma kif iħobb jispjegaha tajjeb Marco Castoldi, meta jgħid li l-injoranza hija effett ta’ xi ħadd li jinjora.

Kif tista’ tinjora dak li qed jiġri ftit kilometri bogħod minn pajjiżek u taljena bil-eurovision? Kif tista’ tħossok parti mid-dinja jekk lanqas taf li pajjiżek qiegħed jieħu parti fi Storja ta’ pajjiż ieħor?
Is-Sibt li għadda kelli x-xorti nattendi Xbihat ta’ xi wħud li huma Kattolici. Rakkont imżewwaq dwar Maltin li lura fis-sittinijiet iġġieldu u tlewmu għad-drittijiet tagħhom. Poplu li għal darba, tnejn qam kontra dawk li kienu jrejjquh liġijiet u twemmin marid. Sibt interess fl-analoġija bejn il-poplu Malti u dak Nord Afrikan li għalkemm f’perjodi differenti, stenbħu sabiex ifittxu l-libertà.
Ironikament iżda ninnota kif il-poplu Malti llum kważi kważi jgħix f’estrem ieħor fejn kollox huwa ovvju, fejn li tqum għad-drittijiet tiegħek lanqas jgħaddi mill-moħħ, fejn ir-rivoluzzjoni hija meqjusa bħala attakk, fejn id-demokrazija hija nterpretata f’dittatorjat sottili, armat b’karti, firem, formuli, multi u avukati.

Ħasra mbagħad kif persunaġġi magħrufa jeħduha kontra min joħroġ jipprotesta fil-pubbliku b’mod pacifist u jakkużawh li jrid “jidher”. Dan meta huma stess jipprotestaw bħalu. Ngħid jien; fejn hi l-libertà? Min hu d-dittatur tas-socjetà tagħna llum? Min hu li qed jinjora?

Minn qalbi nawgura lil ħutna Nord Afrikani li filwaqt li jfittxu l-libertà għalihom u għal pajjiżhom, ma jgħamlux l-istess żbalji tagħna li rrassenjajna ruħna għall-opinjoni ta’ min fdajna u dik tat-televiżjoni u ninsew li anki aħna għandna waħda!