Prim Ministru għal ġurnata

Id-diskors illum waqa’ kollu fuq din l-kompetizzjoni meraviljuża li l-Prim Ministru ta’ Malta għoġbu jitfa mill-istruttura ta’ partit politiku partikolari.

Issa li l-President ta’ Malta libes il-maskla ta’ voluntarju fuq il-ġlekk u l-ingravata sabiex imur jifdi lill-Peruvjani, ma nara xejn ħażin li l-Prim jilbes maskla simili u taħt l-isem ta’ partit partiġġan, jitfa kompetizzjoni li tista’ trebbaħ lil xi ħadd b’xortih, iPad u ġurnata labranzetta miegħu.

Qed nistenna bi ħġari ir-risposta qawwija ta’ Joseph Muscat. Forsi jmur jilgħab centre forward minflok Michael Mifsud f’xi logħoba ta’ ħbiberija tat-tim Nazzjonali Malti f’Ta’ Qali. U Michael Briguglio – jista’ jitħajjar imexxi flash mob oħra biż-żifna ta’ Kurt Calleja, b’risq it-terremotati fl-Italja.

Malta għalhekk sabiħa… kif tieħu nifs qawwi ‘l barra għax tħoss li missejt il-qiegħ, jinfetaħ abiss ieħor taħtek u tinduna li l-waqa’ fid-dlamijiet ser ittul aktar.

U jien nistaqsi… min sponsorja dak l-iPad u dak is-sit elettroniku? Il-partitarji Nazzjonalisti fil-kampanja ġbir ta’ fondi? Issa jekk ir-rebbieħ ikun Laburist, kif ser tfehmom?

Jien nitħajjar nipparteċipa fil-kompetizzjoni… imma delli tqil – wisq nibża li jekk nirbaħ, ninzerta xi jum rari fejn ikun hemm xi diskussjoni ta’ strateġija nterna fil-Partit, filwaqt li jien nixtieq ninzerta xi jum speċjali li fih il-Prim jixgħel Triq ir-Repubblika għall-Milied, jew dak il-jum meta f’Kastilja jilqa lil xi kantant li jirrappreżenta lil Malta għall-Eurovision, jew dak il-jum meta jintefa’ d-dar jgħamel online conferencing maż-żgħażagħ Maltin. Issa naraw!

Wara kollox, minn dak li smajt quddiem il-Qorti, fejn il-benna tal-aħbar titwieled, jidher li Austin Gatt, Joseph Muscat u Norman Lowell diġà xeħtu l-applikazzjoni tagħhom. Iġifieri nista nkompli għaddej bil-ħajja sempliċi tiegħi u nibqa nittama li xi darba, għal kuntrarju ta’ Matthew Bellamy f’dan il-video, din il-profondità sewda, tintemm.