Xiedha ta’ imħabba

“Hemm Kristu mejjet bħalissa” kienet tgħidli ommi f’dawn is-siegħat. Bejn nofsinhar u t-tlieta ta’ wara nofsinhar kienet tħeġġiġna nsumu jew għallinqas nieħdu ftit ravjul mingħajr tiżjin. Ommi għalmitni li f’dawn is-siegħat nixtarr ftit xi tfisser il-passjoni u l-mewt ta’ ħuna Ġesù.

Illum ommi ma tistax tagħmel wisq għax tinsab mgħobbija bis-salib tagħha. Mhux għax kellha bżonnu tafx. Ommi diġà wettqet il-ħidma tagħha, rebħet it-taqbida t-tajba u ggarantiet ruħha l-kuruna tal-ġustizzja merfugħa għaliha u li biha Ġesù stess għad iħallasha. Fuq hekk m’għandix dubju. Meta nħares lura u niftakar f’kull ġest, imqar l-iżgħar, li wettqet ommi, nifhem eżattament x’iġifieri titlef ħajtek biex tirbaħha. Ma kellix bżonn dottorat biex nifhem u ninsab kuntent li sa minn ċkuniti kont xhieda ta’ espressjoni tanġibbli tal-imħabba – fejn dak miktub isir tassew.

Kellha rasha iebsa, kultant kienet tgħaġġibhom u ma kinetx ser torqod qabel ma tirreaġixxi għal xi argument bil-kitba f’xi gazzetta, b’xi telefonata fuq ir-radju jew xi argument. Nemmen li l-imħabba titlob li fuq kollox, ma nisktux quddiem il-ħażin. Li naħfru lil min iwettqu iżda li ma naċċettawx il-ħażin.

Għal darb’oħra illum erġajt bkejtha lil ommi – mhux għax kif kienet tgħidli hi wara xi argument “għad jiddispjaċini” – imma għax naf li bħalissa tinsab waħedha f’sodda fi sptar, mingħajr iċ-ċans li tgħid kelma ma xi ħadd. Mingħajr iċ-ċans li sserraħ ħsiebha fuq wiċċ familjari u li tista’ tgħarfu qalb il-geġwiġija li ħakmet lil moħħha bil-mard. Bkejtha għax xtaqtha hawn terġa’ tfakkarni fis-sawma b’rispett lejn Kristu mejjet li tant kienet tħobb, waqt li naqsmu belgħa té.

Is-salib tqil. It-tbatija morra. Imma l-imħabba u d-dejn lejn l-imsallab hija ikbar; kemm dik lejn Kristu kif ukoll dik lejn ommi.