Missier il-Maltin

Għaddiet festa oħra u uħud minn sħabi diġà ġiethom l-ispirazzjoni jiktbu kelmtejn u jiżżu ħajr lil min jistħoqqlu. Jien stenbaħt f’nofs ta’ lejl u intfajt inġedded il-memorji ta’ dawn il-ġranet tal-ġenn, imma ninduna li mpossibbli tlaħħaq: kummenti, ritratti, vidjos, artikli online, tags u varjetà ta’ ħoloq oħrajn. Lili saħansitra kwotawni ta’ LovinMalta bir-ritratt “Ibda għodd”! Għadni mpressjonat bis-sett ritratti ta’ Sebio Aquilina u vera qed nistenna bi ħġari x-xogħol ġdid ta’ sieħbi Carl Farrugia! Ħafna u ħafna materjal ta’ reazzjoni li tassew ifakkarni li dak ix-xogħol kollu ta’ matul is-sena, għandu skop tajjeb u wiesgħa. Skop li anki jekk mhux kulħadd jasal jinterpreta fil-qofol sħiħ tiegħu (għax mhux faċli), xorta waħda għandu effetti kollaterali mill-aktar sinjuri.

Ritratt ta’ Carl Farrugia

Ħadd ma jista’ jiċħad li l-missjoni tagħna l-Pawlini li nfakkru lill-poplu Malti dwar din il-ġrajja li tassew seħħet f’Malta, nisġet u għadha tinseġ l-identità u l-kultura ta’ poplu fuq ħafna livelli fosthom dak reliġjuż, spiritwali, politiku u soċjali. U għalhekk li l-Pawlini jħossu mhux biss pjaċir iżda wkoll responsabbiltà fl-organizzjoni ta’ dan l-avveniment.

Dejjem nieħu pjaċir nara kif nies li jiġu għal din il-festa għall-ewwel darba, ma jieqfux jikkumplimentaw. Kulħadd imur lura b’qalbu tħabbat ftit iktar ikolli ngħid.

U jien? Ilbieraħ bkejt quddiem Pawlu; mhux għax irrid wisq jien! Għall-grazzja t’Alla, il-Mangion biss induna u ta’ ġentlom li hu ġie tani tgħanniqa. Bkejt b’riżultat ta’ rabja u pjaċir li ltaqgħu fl-istess mument. Rabja dwar ħolm li jibqa’ ma jirrealiżżax ruħu, u dwar mistoqsijiet li għadhom u ser jibqgħu għal dejjem mingħajr risposta. Fl-istess waqt il-pjaċir b’festa li ġġib il-ħajja u b’komunità ħelwa li fl-aħħar qed terġa’ toħlom.

Wara dawn il-ħafna posts sbieħ fuq il-mezzi soċjali hemm rakkonti ta’ sfidi kbar. Hemm grupp ta’ nies li jaqdfu kuljum, idaħħlu idejhom fil-but, jiddedikaw ħinhom u jissagrifikaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom. Wara t-tlellix tal-posts fuq Facebook, hemm laqgħat, wara laqgħat, wara laqghat. Hemm diżgwidi, hemm feriti, hemm persuni li jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni, hemm suċċessi kif ukoll diżappunti.

U ħabib tiegħi qalli: “dawn il-festi m’għandekx bżonnhom. San Pawl bik u mingħajrek xorta ġie u telaq”. U hawn il-bużillis. Għax aħna l-Pawlini mhux talli nemmnu li San Pawl wasal fuq din l-art iżda nafu li għadu hawn, magħna, fostna, fina. Kif? Sempliċi.

San Pawl wasal għandi permezz ta’ missieri Vincent (aka Ċensu) li żgur ma jridhiex ta’ qaddis miexi fuq l-art iżda li fis-silenzju, u forsi bla ma jaf, dejjem urieni u għadu jurini li dak il-prinċipju Pawlin ma tgħixux biss billi mis-26 ta’ Diċembru sal-10 ta’ Frar, iddoqq l-marċi tas-Società La Valette fuq volum li jtarrax, imma billi fis-siegħa tal-prova, tkun hemm. U Ċensu dejjem hemm kien u hemm għadu, avolja mbenġel bid-daqqiet ta’ ponn tal-ħajja.

Ritratt ta’ Sebio Aquilina

U jekk wasalt s’hawn u mingħalik li dan it-tip ta’ raġunament nasal għalih jien biss, nassigurak li sejjer żmerċ bil-kbir. Ejja hawn, tkellem man-nies u għodos fil-fond ta’ twemminhom u l-kultura tagħhom, u forsi tibda tifhem li San Pawl m’huwiex biss vara tal-bliegħ għalina l-Beltin. Il-grigal, is-sikka, in-nawfraġju, il-pruwa mwaħħla u l-poppa mfarrka, l-għawma u l-ħelsien mill-għarqa; huma metafori misluta minn rakkont veru. Metafori li jtuna skop u tama f’ħajjitna. U ta’ dan aħna nafu li fortunati.

Grazzi? Hemm wisq. Imma b’mod spontanju jiġuni ftit grazzi li nixtieq niddokumentahom għal dejjem hawn. Żgur mhux forsi, lill-arċipriet Dun David John Cilia li laqagħni, anki fuq livell personali, b’rispett liema bħalu. Grazzi għall-enerġija, serjetà u tbissima li ġibt miegħek. Naħseb irċevejna rigal kbir din is-sena! Grazzi wkoll lill-assistent tiegħu Dun David Torpiano, bniedem kolt u li wassal ċertu serenità bl-istil ta’ ħidma tiegħu. Tassew żewġt irġiel li jispiraw.

It-tieni grazzi tmur għal dawk il-ħabbrieka ta’ wara l-kwinti li rari jaqilgħu “grazzi”. Hemm kwantità imma fuq livell personali nirringrazzja lil Martin Gravina u Louise Fenech li bil-karattri uniċi u kkuluriti tagħhom, huma ta’ ispirazzjoni kontinwa.

It-tielet grazzi tmur lill-Għaqda tal-Pawlini; li dis-sena qed tiċċelebra l-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha; kumitati, fergħat u membri attivi. Għandna wisq ġmiel bejnietna – u dawn ir-riżultati huma xiedha – ejja nibqgħu nibżgħu għalih! Grazzi kbira mmens lis-Segretarju u ħabib Douglas li għalkemm kellu kull raġuni sabiex iwaqqaf jew inaqqas il-kontribut tiegħu fl-aħħar xhur, baqa’ hemm bis-saħħa u kkonferma dak kollu li ktibt jien hawn fuq. Għax anki hu kellu gwida soda li għaddielu valuri li ma jħassarhom ħadd u qatt.

L-aħħar grazzi lil Ċensu, missieri. Dan ir-ritratt miegħu quddiem dak li hu semmieni għalih u laqqani miegħu sa minn meta kelli 15-il jum. Grazzi ta’ kollox pa.

Ritratt grazzi lil Carl Farrugia