Aktar kmieni llum il-Ministru Michael Farrugia għoġbu jagħti stqarrija lil Times of Malta fejn fiha giddeb dak li rrimarkajt jien f’artiklu tal-21 ta’ Marzu, miktub mill-ġurnalist bravu Mark Laurence Zammit.
Fil-kummenti tiegħi lil Zammit, ġbidt l-attenzjoni dwar kif jidher li ommi, anzjana residenta f’San Vinċenz sa mill-2018, ġiet kostretta tixħet il-vot tagħha għall-Elezzjoni Ġenerali 2022 anki jekk din tilfet il-fakultajiet mentali sabiex tagħmel kull forma ta’ għażla.
Lill-ommi ħakmitha l-marda kiefra tad-dimensja f’età relattivament żgħira madwar għaxar snin ilu. Għaliha kien martirju kiefer hekk kif bdiet tinduna x’inhu jiġrilha bla ma kellha ebda mod kif twaqqaf dan il-proċess li bil-mod il-mod gerrem kull kapaċità fakultattiva tagħha. Kien u għadu proċess iebes u ta’ maturazzjoni kbira għalina l-familjari tagħha wkoll.
Fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, il-mama kif ukoll il-pazjenti fl-istess kamra tagħha laqqtu l-virus tal-COVID-19 u hekk kif titlob il-proċedura tal-post, dawn ġew trasferiti mis-sala tagħhom għal oħra ddedikata speċifikament għal anzjani pożittivi għall-COVID-19. Aħna l-familjari ġejna nfurmati li għaldaqstant ma stajniex immorru nżuru lil qariba tagħna; xi ħaġa li konna nagħmlu ta kuljum.
Meta għaddew xi jiem, saqsejna meta konna ser inkunu nistgħu nżuru lill-mama u ġejna nfurmati li dan kien ser ikun possibbli nhar il-Ħadd 20 ta’ Marzu. Qalulna iżda li fid-19 ta’ Marzu kellhom imorru rappreżentanti mill-Kumissjoni Elettorali sabiex il-mama tixħet il-vot tagħha. Hawnhekk fejn aħna stagħġibna. Mhux talli ma konniex infurmati li ommi kien ħarġilha l-vot, mhux talli qatt ma konna gwidati dwar kif stajna nwaqqfu lill-mama milli tivvota, iżda meta tlabna biex ma tivvutax, qalulna li ma stajniex nintervjenu għax il-vot kien laħaq ħareġ. Ġejna miċħuda wkoll iċ-ċans li nkunu preżenti waqt il-proċess biex naraw kif ommna kien ser jirnexxielha tivvota waħedha jew, jekk le, tiġi sfurzata b’mod fiżiku.
Staqsejna kif ġara dan kollu u persuna inkarigata qaltilna li ma kinetx responsabbiltà tagħha u li “huma (il-Kummissjoni) jafu”. Meta sostnejna li l-mama ma hix fi stat li tagħmel għażla qalulna “ilna 23 sena naħdmu hawn u dejjem hekk sar”. Sirna nafu wkoll li normalment, kif tenna l-Ministru, isir xi tip ta’ eżaminazzjoni minn persuni kwalifikati sabiex persuna tiġi klassifikata skont il-kapaċità tagħha, biss fis-sala fejn kienet ommi, konna nfurmati, li dan il-proċess ma seħħx.
Filwaqt li jidhirli li sar ksur tal-liġijiet dwar il-kwarantini hekk kif rappreżentanti mill-Kummissjoni Elettorali żaru swali ta’ nies pożittivi għall-COVID-19 jew fi kwarantina, ta’ min wieħed isaqsi wkoll kif jiġi effettwat il-vot finali fuq id-distrett ta’ Ħal Luqa li minnu tant anzjani mingħajr wisq fakultajiet jiġu mbuttati jivvutaw. Nistaqsi wkoll kif issir rappreżentanza ġusta għall-partiti l-kbar, dawk iżgħar kif ukoll għall-kandidati indipendenti, ma’ dawn l-każijiet ta’ nies b’nuqqas ta’ abbiltajiet.
Għaldaqstant minn hawn qed nistieden lill-Ministru Farrugia sabiex isostni l-argumenti li semma fl-intervista qasira li saritulu u jippreżentali d-dokument uffiċċjali li jiċċertifika li ommi kienet f’kundizzjoni li tivvota. Infakkru li meta l-mama ġiet aċċettata f’San Vinċenz kienet ikkwalifikat mingħajr l-ebda vot fit-test tad-dimenja. Nisfida lill-onorevoli jagħmel dan sabiex jekk verament ommi ġiet iċċertifikata tajba għall-vot, jiġi jżurha miegħi u jara b’għajnejh f’liema stat hija din il-persuna tant għażiża. Jekk tassew ħareġ ċertifikat li ppermetta li ommi tivvota, allura nistaqsi l-kredenzjali tal-prefessjonisti li ffirmawh u jew tal-awtoritajiet li ppermettewh.
Fl-aħħarnett, nissuġġerixxi lill-Ministru sabiex qabel jagħmel kummenti uffiċċjali fil-midja, jirriċerka l-fatti biex jevita li jnaqqas mis-serjetà tal-argument tiegħi kif ukoll jevita li jaqa’ għaż-żufjett quddiem numru ta’ familji li raw lill-għeżież tagħhom jiġu “użati”, b’mod mill-inqas onorevoli, sabiex itteħdilhom vot. Inħeġġu jikkuntattjani ħalli jiġi jisma u jara b’għajnejh il-veritajiet li milli jidher huwa stess ma jafx!