Il-futur huwa sabiħ, Ġaħan!

Il-jum tat-tribù Maltin wasal. Il-jum meta il-folla fuq din il-“ġungla tal-konkos” demokratika jkollha l-unika opportunità li ssemma leħinha, wasal. It-traġitt lejn dan il-jum kien kemmxejn paċifiku din id-darba. Ikolli ngħid kien vjaġġ monotonu. Forsi għax il-modgħija u anki d-destinazzjoni kienu magħrufa minn kmieni – fatt magħruf, għalkemm ironiku.

Hemm min tenna li l-għażla ta’ llum hija bejn il-passat u l-futur. Le mhix. L-għażla li ser inwettqu llum hija għażla ta’ valuri li kull wieħed u waħda minnha ser twettaq fi sfida mal-kuxjenza. Fl-aħħar snin ġiet ipperpetwata l-kultura fejn kollox huwa suġġettiv u l-kritika hija meqjusa bħala ċajt u allura injorata sa ma tintesa. Laqat il-likk sieħbi Jon Mallia meta fil-poddata tiegħu ma’ Fredu Sant spjega kif anki quddiem kummenti serji li għadda huwa stess, il-Pulizija ma kellha l-ebda reazzjoni. Indikazzjoni ċara ta’ kif il-Gvern jinjora l-verità sabiex jevita kull forma ta’ ġuri. Il-biża tal-Prim Ministru li jattendi intervisti varji, fosthom ma’ Mallia u Times of Malta, hija xhieda oħra ta’ dan l-atteġġjament beżgħan mill-verità.

Filwaqt li ħafna waqgħu għal din il-perverżjoni tal-intelliġenza, il-kuxjenza tibqa’ tissielet, għalkemm fgata minn aljenazzjonijiet varji. Hemm ġew fil-kaxxa, bħal f’qabrek, tkun waħdek, forsi quddiem Alla, u kull darba li b’vot titnejjek bil-kuxjenza tiegħek, issammar musmar ieħor, li ma jinqala’ qatt, f’sidrek stess. U meta tħabbat fuq sidrek “ħtija tiegħi” waqt xi quddiesa, id-demm tħossu jċarċar u jċappas.

Fl-aħħar snin għexna żmien fejn l-illegali huwa permess, l-abbuż mill-awtorità sar norma u l-flus saru riga li biha tkejjel il-ġid. Bil-lingwa tal-flus twettqet strateġija li nisġet lil Ġaħan f’għoqda ta’ lealtà li ddardar lejn il-Gvern. Għax bil-flus tgħannaq u tbus. Bil-flus issalva lil Barabba qabel l-Għid. Bil-flus toffri xogħol tajjeb lil min ma jistħoqqlux u dan isir suldat tiegħek għal dejjem, u theddida għal min jażżarda jikkummenta dwarek.

L-aħħar ħames snin kienu snin li fihom ġiet ikkultivata u mxerrda biża li wasslet lill-poplu sabiex jiskot quddiem il-ħażen jew saħansitra jinterpreta l-istess ħażen bħala verità. Din il-biża twasslet ukoll f’forma ta’ obbligazzjoni, sabiex ħafna nies jivvutaw lill-Gvern “għax dan jgħaddilna ħafna xogħol”. Fost l-akbar vittma insibu l-artisti Maltin, siekta quddiem tant inġustizzji li ma jmurx jitilfu xi fondi tal-Gvern jew jitilfu r-rispett ta’ xi gallerista popolari! X’mistħija! Din l-omertà twassal lil Ġaħan jemmen li kollox huwa sew u li l-mewġ jinsab biss fil-baħar.

“Kabbarna l-ekonomija”, “Irridu nkabbru l-ekonomija” – inkabbru, inkabbru, inkabbru fuq gżira li ma tikbirx. Inkabbru u nifgaw. Inkabbru u neqirdu. Inkabbru u mmutu. Inkabbru, niġu abbużati u ndaħħku lill-Ewropej bina – kif ġara ma’ Maurizio Crozza fi Frar li għadda. Gvern li jrid jibqa’ jkabbar l-ekonomija u mhux itejjeb dik preżenti huwa gvern b’riċetta għall-mewt ta’ pajjiżna.

“Il-futur huwa sabiħ” jgħid il-billboard konklussiv. Dan forsi b’riferenza għax-xirjiet, televiżjonijiet, apparat u rigali varji li tqassmu b’xejn ma’ ċertu nies fl-aħħar ġranet, sabiex jinxtara s-sapport fl-aħħar ħiniijiet. Sabiex Kristu jinbiegħ. Fl-2013 fdajna, jien l-ewwel wieħed, lil min iddieħak bina. Fl-2018 ma fdajt lil ħadd. L-aqwa żmien kien farsa u minflok, fl-aħħar ħames snin waqqajna lil Malta f’medjokrità aktar profonda minn qatt qabel. Issa għażliet m’għandix.

Teħilx hawn taqra! Sarlek il-ħin! Qum u mur ivvota. U kif toħroġ iġbed il-bieb warajk. Isa!