Beltin qumu!

“Lil tal-Belt ħadd ma jista’ għalina” inħobbu nkantaw bi kburija aħna l-Beltin. Fl-aħħar siegħat qed inkomplu ngħixu sinjali ovvji ta’ kif Beltna ġiet maħkuma minn ħalq uliedha. Il-mexxejja li ma jafux il-valur sħiħ ta’ din il-Belt ġawrha u qed jiddettaw sfeġju wara ieħor, issa “f’idejhom iċ-ċintorin”. Fl-aħħar ħin, kellna sinjal ieħor t’arroganza meta l-Prim Ministru indika li mhux lest jibdel il-ħsieb dwar id-daqq tal-mużika fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu anki wara li r-residenti esprimew xewqa li jkunu ikkonsultati.

Ilbieraħ, numru ta’ Beltin irħewlha lejn dik li kienet Pjazza Ħelsien fil-Belt Valletta sabiex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom dwar l-Avviż Legali maħruġ mill-Gvern u li permezz tiegħu ser ikun permess li stabbilimenti tal-ikel u d-divertiment f’numru ta’ toroq tal-Kapitali, jibqgħu jdoqqu l-mużika sas-1:00 ta’ filgħodu minflok sal-11:00 ta’ filgħaxija.

L-aħbar ta’ dan l-avviż legali waslet b’sorpriża għand il-Beltin, dan għaliex huma qatt ma kienu kkonsultati f’din id-deċiżjoni. Fl-aħħar jiem sirna nafu wkoll li lanqas il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma kien ikkonsultat. Għaldaqstant, il-grupp Facebook Residenti Beltin – Elezzjoni Kunsill Belt Valletta immexxi miż-żagħżugħ Belti Billy Elton McBee, għamel sejħa sabiex il-Beltin jew Vallettani jekk trid, jibdew isemmgħu leħinhom b’risq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Belt Kapitali ta’ Malta u Għawdex.

F’dawn il-kelmtejn ma nixtieqx nidħol fuq il-merti tal-Avviż Legali nnifsu iżda nixtieq nħarbex ftit ħsibijiet dwar ir-reazzjonijiet li kien hemm wara l-pubblikazzjoni tiegħu u wara d-dimostrazzjoni ta’ lbieraħ. Għal kuntrarju ta’ uħud li qalu li kienet serata li ma laħqet l-ebda skop minħabba attendenza fqira, nemmen li d-dimostrazzjoni organizzata minn McBee kienet suċċess. Ta’ lbieraħ kienet inizjattiva minn grupp relattivament ġdid xprunat minn żgħażugħ Belti f’waħda mill-ewwel espożizzjonijiet politiċi tiegħu. Il-bidla qatt ma ssir f’ħakka t’għajn u għaldaqstant min pretenda li lbieraħ isib quddiemu folol ta’ nies, kien sejjer żmerċ. Fl-ispazju llum okkupat b’mistħija minn bollards stil sovjetiku, attendew nies minn kull spettru tas-soċjetà Beltija; fosthom periti, saċerdoti, mużiċisti, nutara, professuri, sidien ta’ boutique hotels, artisti, uffiċjali li jaħdmu mal-Gvern, kapijiet ta’ kumpaniji kummerċjali, maniġers, nisa u rġiel tad-dar, tfal, żgħażagħ, anzjani, laburisti, nazzjonalisti, nies bi ħsieb indipendenti, Maltin u anki uħud li twieldu ‘l barra minn xtutna iżda għażlu li jixħtu l-ankri fl-isbaħ belt. Kien sabiħ ukoll li magħna ingħaqdu kunsilliera kif ukoll deputati parlamentari tal-ewwel distrett elettorali.

Minn aħbarijiet li tfaċċaw matul l-aħħar jiem, sirna nafu li meta mitluba għall-opinjoni personali tagħhom dwar is-sitwazzjoni, id-Deputati Parlamentari tal-Partit Laburista fuq l-ewwel distrett elettorali, iddeċidew li ma jirrispondux għal mistoqsijiet dwar dan l-Avviż Legali. Minflok, il-Partit irrisponda għalihom. Filwaqt li membri tal-oppożizzjoni u anki rappreżentanti tal-PN fil-Kunsill Lokali wettqu dak li kien possibbli sabiex jissapportjaw din il-karba tal-Beltin, ir-rappreżentanti tagħna fuq in-naħa tal-Gvern, għażlu li jisktu.

Ta’ min infakkar li dawk li jirrappreżentawna fil-Kunsill Lokali jew fil-Parlament, huma l-ewwel u qabel kollox, rappreżentanti tal-poplu għall-Gvern u mhux rappreżentanti tal-Gvern għall-poplu. Lanqas ma huma rappreżentanti għall-Partit ta’ kulur jew ieħor. Il-punt kardinali tal-ħidma tagħhom huwa li jkunu ta’ leħen għall-poplu li jirrappreżentaw sabiex isir il-ġid u dan jitgawda b’mod ekwu. Nippretendi wkoll li b’irġulija, ma jċedux il-libertà tagħhom bl-iskuża ta’ lealtà jew ubbidjenza għall-Partit, kif uħud ġew ikkwotati li qalu, u allura jitkellmu favur il-ġid tal-komunità Beltija. Nippretendi li inti li għandek il-fiduċja ta’ Partit kbir warajk sabiex tirrappreżenta lil niesek, għandu jkollok iktar saħħa sabiex titkellem u mhux tkun marbut li tiskot. Kull rappreżentant tal-poplu għandu jgħix il-libertà professjonali u personali tiegħu sabiex jesprimi kull ħsieb matur u indipendenti. Ejja nitbegħdu mill-botta u risposta bejn il-Kunsilliera fuq Facebook u ejja nżommu s-silenzju għal meta s-silenzju jkun f’waqtu. Meta r-resident jibki, ikun il-mument li r-rappreżentant tiegħu iwerżaq, mhux jiskot.

U hawn nasal għall-punt li nistaqsi fejn huma l-Beltin li tassew ibaqbqu għall-Kapitali. Inkunu tassew Beltin mhux meta nitilgħu l-grawnd niċċelebraw xi rebħa, mhux meta niksu sidirna b’tattoos tan-nanniet jew b’xi arma tal-iljun, iżda meta nkunu tassew lesti sabiex insalvaw l-identità tagħna u dak li kien u għadu ta’ valur intrinsiku għalina, bħal per eżemempju, drawwietna u l-ispazji fejn ngħixu.

Fl-aħħar snin tlifna suritna. Ħafna minna ġejna sfurzati mmorru ngħixu lil hinn mill-Belt Valletta u l-famuża “warbbulna ħalli ngħaddu mit-toroq ewlenin” illum qed inkantawha lill-imwejjed u siġġijiet li assedjaw Beltna aktar mill-aktar furbani ħorox. Fl-aħħar snin insterqulna spazji pubbliċi li kienu tal-Beltin, fosthom il-Pjazza tas-Suq. Fl-aħħar snin rajna entitajiet tal-Beltin jittalbu għall-għajnuna u oħrajn mhux Beltin jingħataw spazji mill-aqwa tista’ tgħid b’xejn. Allura nistaqsi, fejn huma “It-tfal tal-Palestina”? Fejn huma dawk li jħabbtu fuq sidirhom u jgħidu li lesti jissieltu għall-Belt u niesha? Wisq nibża li ħafna sfaw ‘mixtrija’ minn xi favur ta’ xi Onorevoli – u lil dawn nitħassarhom. Huwa fatt li hekk kif xi Ministru joffrilek pjaċir, ikun qed jeħodlok lura l-libertà tal-espressjoni sforz lealtà marida u s-“sindromu tal-Manipulazzjoni Politika tal-Kuxjenzi.” (Montebello, 2010)

Iżda ejja ngħidu kollox. Fadal xi ftit Beltin ta’ sinsla u li mhux jaraw biss il-but jew il-karriera iżda l-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali għal min jgħoġbu jgħix jew irabbi familja fil-Kapitali. Lil dawn insibuhom miġbura fi gruppi fuq Facebook fosthom il-Valletta Residents Revival u appuntu r-Residenti Beltin. It-tama tiegħi hija li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, ningħaqdu sabiex insemmgħu leħinna quddiem inġustizzji li qed iseħħu. Importanti li nkunu vuċi waħda u mhux separati sabiex ma nħallux lil min jirrapreżentana jkompli jiżbalja. Beltin qumu! Qabel isikktuna darba għal dejjem. Tħallu lil ħadd jixtri l-libertà tagħkom u imħabbitkom lejn il-Belt Valletta! U jekk hemm xi ħadd mhux Belti jaqra dan, infakkru li l-problemi tal-Beltin huma prekursuri għall-problemi fil-belt jew raħal tiegħu ukoll.

Inħeġġeġ lil kull Belti ta’ vera sabiex ikun preżenti għall-attività li qed jorganiżża l-grupp Valletta Residents Revival quddiem il-bini tal-Kunsill Lokali, għada l-Erbgħa għall-ħabta tat-15:30, eżattament qabel tibda l-laqgħa tal-Kunsill Lokali. Kuraġġ Arċipierku, Dijuballi u Mandraġġ!


Riferenza
Il-Fidwa tal-Anarkiżmu, Mark Montebello, 2010.