Is-sbuħija

Il-Macbook qatt ma reġa’ xegħel minn meta James kien tah l-aħħar nifs. Hemm għadu, mitluq fuq il-mejda ċkejkna li ħadem b’tant galbu n-nannu Ġuż, Alla jaħfirlu. U jien ukoll. Illum bqajt hawn mitluq fuq is-sodda l-antika taħt il-volum jgħajjat tat-televiżjoni; tipiku ta’ għodwa għand missieri li minn dejjem iddelitta bil-films. Fl-aħħar snin Netflix qatel xi ftit mill-monotonija tal-ħajja wara l-mard li ġie jżur darna u serqilna lill-mama.

Bħas-soltu qallibt Facebook ta’ malajr; dejjem bi sforz li nevita argumenti inutli jew argumenti ta’ nies b’ħajja jew atteġġjament inutli. Fuq tumblr serraħt ftit għajnejja f’ritratti mill-isbaħ ta’ forom femminili li jgħinuni nżomm il-metafora tal-ħajja għaddejja u x-xrara tal-arti mixgħula. Proċess ta’ riċerka mhux wisq viżiva iżda emozzjonali, li jakkumpanja l-għatx dejjem jikber għas-sbuħija, għall-sbuħija eterna; għal Alla.

Konxju li twelidt f’pajjiż li tgħallem jistmerr is-sbuħija. Twelidt qalb poplu li mingħalih li s-sbuħija tinsab fil-lussu, fil-possessjonijiet u fil-kumdità. U spiss niftakar f’Vince Briffa li lura fis-snin sfidana bl-argument tas-sbuħija. Vince li forsi b’modi li stajt nifhem aktar minn ta’ Kristu, wassalni nagħraf is-sbuħija fid-dlam u fit-tbatija. U dan ikkonfermajtu snin wara anki fi kliem Battiato.

Bħall-Macbook anki dan il-ġisem għad ma jixgħelx aktar iżda mhux is-sbuħija. Dan nemmnu iktar illum meta nilmaħ l-ipokriti li waqt li illum jiċċelebraw l-Indipendenza ta’ nieshom għadhom qed jixxuttaw id-dmugħ li bkew meta bil-popcorn fuq ħoġorhom segwew il-funeral tar-Reġina Eliżabetta II.