Għal dan ir-Randan xtaqt li nikteb ħsieb qasir kuljum; nimita ftit lil sħabi Edward u Alex u nikkontempla ħajti u lil hinn minnha. Biss l-impenji varji li ħajti mżewwqa bihom mhux dejjem jippermettuli l-lussu li nieqaf nifformula ħsieb fi kliem. Illum tfaċċa l-ewwel mument xieraq u xtaqt nibda b’riflessjoni dwar il-ħajja u tmiemha.
Bħal llum ġimgħa stenbaħna bl-aħbar kerha li Stella, in-nanna tal-mara, ħallietna. Għaddew bħal leħħa ta’ berqa s-siegħat u l-ġranet u fi ftit jiem iċċelebrajna ħajjet din il-mara maħbuba fil-knisja, il-ġmiel tagħha, ta’ San Girgor fir-raħal sbejjaħ taż-Żejtun.
Matul dawn il-ġranet kien hemm mumenti li fihom ftakart fil-pitturi tal-mewt it-tajba u l-mewt il-ħażina li ommi spiss kienet tirreferi għalihom fi tfuliti u li kienu jitqassmu lit-tfal li kienu jattendu l-MUSEUM. Lil hinn mill-ħsieb ta’ kemm ġid jew ħsara psikoloġika għamlu dawn il-pitturi lit-tfal, nemmen li l-mewt ta’ ruħ twajba tista’ tmissha b’idejk. Dan għaliex il-ħajja tat-tajjeb ma tintemmx imma toktor f’dawk li jkollhom ix-xorti jmissu magħha u l-ambjent ta’ madwarha.
Lil Stella ma kellix ix-xorti ngħixha fit-tul. Iltqajt magħha mhux aktar minn tlett darbiet iżda smajt ħafna dwarha mingħand uliedha, qrabatha u fuq kollox mingħand marti. Dakinhar li ltqajt magħha l-ewwel darba, niftakar li nisslet fija ħafna tbissim u ferħ speċjalment permezz tal-kummenti spontanji tagħha – u botti dwar il-Beltin. Għalkemm ikkundizzjonata minn marda kronika, Stella kellha karattru b’saħħtu, rett u ċajtier. Ħadd ma kien ser jgħaddi ż-żmien biha iżda fl-istess ħin kellha qalbha lesta biex troddha għal ħaddieħor u umoriżmu san li jħallilek tgħoma tajba. Sabiħa ferm is-sempliċità u l-enerġija ta’ persuna li l-ħajja għexitha fl-għożża tal-valuri.
Fl-aħħar snin u anki permezz ta’ Stella stajt nifhem aħjar kif ġisimna m’hu xejn ħlief għodda biex ir-ruħ twettaq dak li hu tajjeb u ġaladarba l-ġisem jgħejja, ir-ruħ tinħall sodisfatta u premjata b’dak li jkun twettaq u l-frott li jkattar tul iż-żminijiet. Iva, il-mewt tar-ruħ it-tajba jistħoqqilha ċelebrazzjoni u mhux niket.
Strieħ fis-sliem Stella!