Iż-żarbun u l-kalzetti

Hawn residenta f’San Vinċenz li ħadd ma jżurha. Ilna nafuha erba’ snin issa. Hija tal-1926. Id-demenzja tagħha twassalha tirrepeti frażijiet għal ħafna drabi. Ma kienx biżżejjed li tilfet id-dawl ta’ għajnejha. Snin ilu niftakarha fuq siġġu fil-kuritur, taqbad tgħid it-talba tar-Rużarju daqs li kieku hemm sala nies quddiemha: hi tgħid is-sliema u tħalli silenzju għall-qaddisa; li meta flejtu, indunajt li kien perfett appuntu għall-qaddisa. Aktar ‘l quddiem sirt naf li f’żgħożitha kienet tassew tgħid ir-Rużarju f’xi ċentru Marjan.

Illum erġajt kont hemm, kemmxejn bogħod minnha wara li żewġ infermiera dendluha minn fuq is-siġġu tar-roti għal fuq is-sodda. F’ħin minnhom irrealiżżajt li r-ripetizzjonijiet tagħha illum kellhom forma ta’ rakkont imkisser li sewwidli qalbi:

“Jiena xebba.
Ħuti ħallewni waħdi.
Ma jiġux jarawni.
Ħija miet żgħir.
Qabditu infection.
Agħmluli tè.
Libbsuni ż-żarbun ħa mmur id-dar.
Issa jiġi ħija jlibbisni ż-żarbun.
Il-kalzetti ma żaqqi qegħdin.
Ma lbisthomx il-kalzetti.
Issa inti trid tlibbisomli.
Jien bil-kalzetti kont.
Il-ġimgħa l-oħra wkoll hekk għamiltli.
Iż-żarbun.
Bil-kalzetti.
Trid tilbsu.
Biex takkwista l-kalzetti trid tixtrihom.”

Lebbtu ħfief das-sagħtejn u issa siktet mifnija tqaħqiegħ. Bħal donna ser torqod. Is-solitudni hawn hija kbira mmens, daqs il-karba ta’ lupu mnikket u mġewwaħ. Tobba u infermiera jistinkaw imma l-vojt tas-solitudni l-ebda mediċina jew ikel sħun ma timlieħ!

Tgħid xi darba xi ħadd għad jisma’ l-karba ta’ dawn l-anzjani? Ta’ Karmena mgħawwġa ganċ b’rasha mal-ħadid kiesaħ bla ħadd ma jinduna. Ta’ Giovanna li kultant twerżaq fit-tama li xi ħadd jibqa’ ħdejha fit-tul. Ta’ Marija bil-pupa quddiemha, tipprova tifhem fejn tinsab jew imqar li tkun kapaċi tlissen kelma.

Għaddew is-sagħtejn. Ħadd ma tfaċċa hawn ħlief is-solitudni tiżfen il-waltz. U fl-isfond, smajt biss iċ-ċapċipa ripetuta b’ritmu mkisser ta’ Franġiska, hemm fil-kantuniera, wiċċha lejn il-ħajt. Forsi qed tilmaħ dehra ta’ żminijiet passati jew futuri li fihom ruħha qed tiċċelebra.


Nota: Dan il-ħsieb qasir miktub illejla f’sala f’San Vinċenz inkiteb b’tislima lir-residenti kollha f’din ir-residenza tal-anzjani u lit-tobba u l-infermiera li għalkemm jagħmlu minn kollox għall-ġid tar-resident, jaħdmu f’sistema li tfalli fejn jidħol l-akkumpanjar psikoloġiku u emozzjonali tal-marid.