Tag: ministru

Mhux veru, Onorevoli!

Aktar kmieni llum il-Ministru Michael Farrugia għoġbu jagħti stqarrija lil Times of Malta fejn fiha giddeb dak li rrimarkajt jien f’artiklu tal-21 ta’ Marzu, miktub mill-ġurnalist bravu Mark Laurence Zammit.

Fil-kummenti tiegħi lil Zammit, ġbidt l-attenzjoni dwar kif jidher li ommi, anzjana residenta f’San Vinċenz sa mill-2018, ġiet kostretta tixħet il-vot tagħha għall-Elezzjoni Ġenerali 2022 anki jekk din tilfet il-fakultajiet mentali sabiex tagħmel kull forma ta’ għażla.

Lill-ommi ħakmitha l-marda kiefra tad-dimensja f’età relattivament żgħira madwar għaxar snin ilu. Għaliha kien martirju kiefer hekk kif bdiet tinduna x’inhu jiġrilha bla ma kellha ebda mod kif twaqqaf dan il-proċess li bil-mod il-mod gerrem kull kapaċità fakultattiva tagħha. Kien u għadu proċess iebes u ta’ maturazzjoni kbira għalina l-familjari tagħha wkoll.

Fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, il-mama kif ukoll il-pazjenti fl-istess kamra tagħha laqqtu l-virus tal-COVID-19 u hekk kif titlob il-proċedura tal-post, dawn ġew trasferiti mis-sala tagħhom għal oħra ddedikata speċifikament għal anzjani pożittivi għall-COVID-19. Aħna l-familjari ġejna nfurmati li għaldaqstant ma stajniex immorru nżuru lil qariba tagħna; xi ħaġa li konna nagħmlu ta kuljum.

Meta għaddew xi jiem, saqsejna meta konna ser inkunu nistgħu nżuru lill-mama u ġejna nfurmati li dan kien ser ikun possibbli nhar il-Ħadd 20 ta’ Marzu. Qalulna iżda li fid-19 ta’ Marzu kellhom imorru rappreżentanti mill-Kumissjoni Elettorali sabiex il-mama tixħet il-vot tagħha. Hawnhekk fejn aħna stagħġibna. Mhux talli ma konniex infurmati li ommi kien ħarġilha l-vot, mhux talli qatt ma konna gwidati dwar kif stajna nwaqqfu lill-mama milli tivvota, iżda meta tlabna biex ma tivvutax, qalulna li ma stajniex nintervjenu għax il-vot kien laħaq ħareġ. Ġejna miċħuda wkoll iċ-ċans li nkunu preżenti waqt il-proċess biex naraw kif ommna kien ser jirnexxielha tivvota waħedha jew, jekk le, tiġi sfurzata b’mod fiżiku.

Staqsejna kif ġara dan kollu u persuna inkarigata qaltilna li ma kinetx responsabbiltà tagħha u li “huma (il-Kummissjoni) jafu”. Meta sostnejna li l-mama ma hix fi stat li tagħmel għażla qalulna “ilna 23 sena naħdmu hawn u dejjem hekk sar”. Sirna nafu wkoll li normalment, kif tenna l-Ministru, isir xi tip ta’ eżaminazzjoni minn persuni kwalifikati sabiex persuna tiġi klassifikata skont il-kapaċità tagħha, biss fis-sala fejn kienet ommi, konna nfurmati, li dan il-proċess ma seħħx.

Filwaqt li jidhirli li sar ksur tal-liġijiet dwar il-kwarantini hekk kif rappreżentanti mill-Kummissjoni Elettorali żaru swali ta’ nies pożittivi għall-COVID-19 jew fi kwarantina, ta’ min wieħed isaqsi wkoll kif jiġi effettwat il-vot finali fuq id-distrett ta’ Ħal Luqa li minnu tant anzjani mingħajr wisq fakultajiet jiġu mbuttati jivvutaw. Nistaqsi wkoll kif issir rappreżentanza ġusta għall-partiti l-kbar, dawk iżgħar kif ukoll għall-kandidati indipendenti, ma’ dawn l-każijiet ta’ nies b’nuqqas ta’ abbiltajiet.

Għaldaqstant minn hawn qed nistieden lill-Ministru Farrugia sabiex isostni l-argumenti li semma fl-intervista qasira li saritulu u jippreżentali d-dokument uffiċċjali li jiċċertifika li ommi kienet f’kundizzjoni li tivvota. Infakkru li meta l-mama ġiet aċċettata f’San Vinċenz kienet ikkwalifikat mingħajr l-ebda vot fit-test tad-dimenja. Nisfida lill-onorevoli jagħmel dan sabiex jekk verament ommi ġiet iċċertifikata tajba għall-vot, jiġi jżurha miegħi u jara b’għajnejh f’liema stat hija din il-persuna tant għażiża. Jekk tassew ħareġ ċertifikat li ppermetta li ommi tivvota, allura nistaqsi l-kredenzjali tal-prefessjonisti li ffirmawh u jew tal-awtoritajiet li ppermettewh.

Fl-aħħarnett, nissuġġerixxi lill-Ministru sabiex qabel jagħmel kummenti uffiċċjali fil-midja, jirriċerka l-fatti biex jevita li jnaqqas mis-serjetà tal-argument tiegħi kif ukoll jevita li jaqa’ għaż-żufjett quddiem numru ta’ familji li raw lill-għeżież tagħhom jiġu “użati”, b’mod mill-inqas onorevoli, sabiex itteħdilhom vot. Inħeġġu jikkuntattjani ħalli jiġi jisma u jara b’għajnejh il-veritajiet li milli jidher huwa stess ma jafx!

Valletta 2018 – Belt Kapitali tal-Kultura

Wayne Marshall ġie maħtur bħala Direttur artistiku għall-proġett tal-Valletta 2018. Filwaqt li sieħbi l-iSpanjol ikkritika l-għażla burokratika, jien nawgura lis-Sur Marshall sabiex fi żmien qasir jifhem is-sistemi Maltin li spiss jikkuntradixxu lil xulxin.

Xhur ilu identifikajt propjetà ġewwa Belti li kienet f’kundizzjoni tajba u tħajjart ninvesti fiha. Tkixxift u skoprejt li hija propjetà li kienet tinkera mill-Gvern. Komplejt ir-riċerka u tal-Lands Department għamlu l-parti tagħhom. F’ġieh ir-riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea, qaluli li “propjetà tal-Gvern f’kundizzjoni tajba ġewwa l-kapitali taqa’ awtomatikament għal skemi ta’ ‘social housing’.” Tefgħawli wkoll naqra melħ, minn dak l-aħrax tal-Qbajjar fuq il-ferita meta qaluli “identifika propjetà dilapidata u hemm inkunu nistgħu ngħinuk”

Kellimt ukoll lill-Ministru li ftit qabel kien għadu kif qata’ żigarella fuq proġett ta’ inċentivi għal propjetà mitluqa ġewwa l-Belt. Nammetti li kien ġentili u rrispondieni minnufih. Bil-kliem “Jekk taqa’ taħt il Housing bilfors trid tiġi allokata fuq bażi soċjali sakemm ma tiġix rilaxxata mill-istess Housing Authority” ħawwadni ftit aktar u ħallieni nistaqsi jekk jien, ħaddiem u student ta’ 31 sena inix ikkunsidrat fuq l-istess “bażi soċjali”.

Tlabt aktar dettalji u uffiċjal mill-istess Ministeru ċemplitli biex tikkjarifika, biss, reġgħat tennietli l-istess kliem li kienu qaluli mid-Dipartiment tal-Lands. Kif jgħidu l-Ingliżi – dawk li diġa’ inqalgħu mill-Euro 2012 – “back to square 1”. U llum nidħak naqra dan l-artiklu.

Bl-ingliż ukoll ngħid “Welcome Mr Marshall”.

L-onorevoli José Herrera u Austin Gatt – xi ħadd darba ddeskrivhomli bħala “il-feriti tal-Belt”. U bir-raġun. Belt ġojjell mifnija burokrazija. Mifnija blu u aħmar – fejn persunaġġi ta’ rieda tajba wkoll jiċċapsu ma’ aġenda partiġġjana u allura jgħażlu li jikkompetu, minflok jikkollaboraw.

  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn filwaqt li l-Beltin jistaqsu fejn telqu l-bandli tat-tfal fil-Mandraġġ, il-Prim Ministru jirċievi l-applaws kommoss (jew le?) waqt l-inawgurazzjoni.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn l-iskola Primarja tibqa’ ġġorr stigma u hija meqjusa bħala ‘tat-tielet klassi’ fil-pajjiż.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn dak li jiġi minn barra biex idabbar lira jsib bibien miftuħa beraħ filwaqt li min rawwem ruħu b’demm l-iljun, qajla jinstema.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn meta jisparixxu (jinsterqu?) dettalji storiċi minn Sada Stretta, tispikka l-bruda.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn sa sena ilu konna nospitaw kultura kulurita ta’ Karnival – iżda li ġiet misruqa lilna bi proġett li jesalta lill-ġojjell partiġġjani – le mhux saffir u rubin.

  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident huwa mimli passjoni.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident jaf jgħatik qalbu jekk tirrispettah, iżda jiksirlek tiegħek jekk le.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn il-kultura hija fid-demm ta’ min tassew ħabbha u mhux fil-kummerċjant li jixtieq jorqod lejl magħha.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn resident sieket jaf jitkellem aktar mill-aqwa preżentatur li qatt ser jissuġġerulek fil-kumitati.

Merħba Sur Marshall f’Belt li, sa minn meta nibtet il-ħolma f’moħħ il-Parisot, dejjem kienet belt Kapitali Ewropea – bit-titlu u mingħajru!