Wayne Marshall ġie maħtur bħala Direttur artistiku għall-proġett tal-Valletta 2018. Filwaqt li sieħbi l-iSpanjol ikkritika l-għażla burokratika, jien nawgura lis-Sur Marshall sabiex fi żmien qasir jifhem is-sistemi Maltin li spiss jikkuntradixxu lil xulxin.
Xhur ilu identifikajt propjetà ġewwa Belti li kienet f’kundizzjoni tajba u tħajjart ninvesti fiha. Tkixxift u skoprejt li hija propjetà li kienet tinkera mill-Gvern. Komplejt ir-riċerka u tal-Lands Department għamlu l-parti tagħhom. F’ġieh ir-riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea, qaluli li “propjetà tal-Gvern f’kundizzjoni tajba ġewwa l-kapitali taqa’ awtomatikament għal skemi ta’ ‘social housing’.” Tefgħawli wkoll naqra melħ, minn dak l-aħrax tal-Qbajjar fuq il-ferita meta qaluli “identifika propjetà dilapidata u hemm inkunu nistgħu ngħinuk”
Kellimt ukoll lill-Ministru li ftit qabel kien għadu kif qata’ żigarella fuq proġett ta’ inċentivi għal propjetà mitluqa ġewwa l-Belt. Nammetti li kien ġentili u rrispondieni minnufih. Bil-kliem “Jekk taqa’ taħt il Housing bilfors trid tiġi allokata fuq bażi soċjali sakemm ma tiġix rilaxxata mill-istess Housing Authority” ħawwadni ftit aktar u ħallieni nistaqsi jekk jien, ħaddiem u student ta’ 31 sena inix ikkunsidrat fuq l-istess “bażi soċjali”.
Tlabt aktar dettalji u uffiċjal mill-istess Ministeru ċemplitli biex tikkjarifika, biss, reġgħat tennietli l-istess kliem li kienu qaluli mid-Dipartiment tal-Lands. Kif jgħidu l-Ingliżi – dawk li diġa’ inqalgħu mill-Euro 2012 – “back to square 1”. U llum nidħak naqra dan l-artiklu.
Bl-ingliż ukoll ngħid “Welcome Mr Marshall”.
L-onorevoli José Herrera u Austin Gatt – xi ħadd darba ddeskrivhomli bħala “il-feriti tal-Belt”. U bir-raġun. Belt ġojjell mifnija burokrazija. Mifnija blu u aħmar – fejn persunaġġi ta’ rieda tajba wkoll jiċċapsu ma’ aġenda partiġġjana u allura jgħażlu li jikkompetu, minflok jikkollaboraw.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn filwaqt li l-Beltin jistaqsu fejn telqu l-bandli tat-tfal fil-Mandraġġ, il-Prim Ministru jirċievi l-applaws kommoss (jew le?) waqt l-inawgurazzjoni.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn l-iskola Primarja tibqa’ ġġorr stigma u hija meqjusa bħala ‘tat-tielet klassi’ fil-pajjiż.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn dak li jiġi minn barra biex idabbar lira jsib bibien miftuħa beraħ filwaqt li min rawwem ruħu b’demm l-iljun, qajla jinstema.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn meta jisparixxu (jinsterqu?) dettalji storiċi minn Sada Stretta, tispikka l-bruda.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn sa sena ilu konna nospitaw kultura kulurita ta’ Karnival – iżda li ġiet misruqa lilna bi proġett li jesalta lill-ġojjell partiġġjani – le mhux saffir u rubin.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident huwa mimli passjoni.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident jaf jgħatik qalbu jekk tirrispettah, iżda jiksirlek tiegħek jekk le.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn il-kultura hija fid-demm ta’ min tassew ħabbha u mhux fil-kummerċjant li jixtieq jorqod lejl magħha.
- Merħba Sur Marshall f’Belt fejn resident sieket jaf jitkellem aktar mill-aqwa preżentatur li qatt ser jissuġġerulek fil-kumitati.
Merħba Sur Marshall f’Belt li, sa minn meta nibtet il-ħolma f’moħħ il-Parisot, dejjem kienet belt Kapitali Ewropea – bit-titlu u mingħajru!