Tag: valletta2018

Dwar Jon u Mario Philip

Għadni kif segwejt il-poddata ta’ Jon Mallia mal-ex kollega Mario Philip Azzopardi (MPA). Diskursata oħra nteressanti li ħarġet veritajiet varji dwar karattru li b’mod ġenerali jiġġenera rabja lil ħafna nies, iktar minn kemm iġġenera Baggio nhar is-17 ta’ Lulju 1994. Nemmen li kif qal Jon, ħafna minn din ir-rabja ġejja mill-famuż intervent li flimkien ma’ oħrajn MPA għamel fis-silta tal-kampanja tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-2013 u li eventwalment urietna li kienet farsa.

Ma’ MPA ħdimt madwar sentejn u nofs fil-Fondazzjoni Valletta 2018 u kien fil-mumenti fejn iddiskutejt u rraġunajt miegħu dwar ħidmietna li ammirajt il-passjoni tħeġġeġ fih – kemm meta sħajjiltu l-Vesuvju fl-isplużjoni li jmissu, kif ukoll meta stħajjiltu teddy bear imdaqqas lest biex jitrassas. Forsi għax kif jgħidu l-kollegi tiegħi illum, jien twajjeb, nadatta ruħi ma’ kulħadd, ndum ma’ nirrabja u xi snin ilu insejt l-ego tiegħi x’imkien u qatt ma mort niġbru lura? Minjaf! Filfatt it-taħdita ma’ Mallia kienet tkun iktar interessanti li kieku MPA irrakkonta l-esperjenza tiegħu meta kien inħatar Direttur Artistiku tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Jaf kont inġedded xi memorji, insolvi xi misteri u nikkonferma xi fatti.

Issa li smajt lil MPA jiddeskrivi l-iskript tal-produzzjoni “ix-Xiħa”, nista’ ngħid li fformulajt opinjoni dwar il-każ li fih it-Teatru Manuel ikkanċellalu din il-produzzjoni. Bil-premessa li jien ma qrajtx l-iskript, naqbel ma’ MPA li kemm-il darba tinkiteb storja li fiha jkun hemm karattru ta’ blogger li tinqatel, ma jfissirx li dik hija essenzjalment personifikazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess jekk nirreferi għal karattru ta’ raġel imsallab ma’ salib – ma jfissirx li qed nitkellem dwar Kristu u jekk nirreferi għal Prim Ministru korrot mhux nalludi għal… fhimtni. Minn naħa l-oħra kull awtur intelliġenti jaf li jekk ser jagħmel dawn it-tip ta’ riferenzi, f’mumenti fejn is-soċjetà għadha ġġor ħasda, feriti u rabja dwar qtil makabru u kodard, ir-riferenzi implikati jiġu kemmxejn ovvji, le? Dan speċjalment ma’ poplu li mhux imdorri jomgħod qabel jibla’. Nemmen ukoll li awtur kontemporanju, intelliġenti u kreattiv jista’ jagħmel dawn ir-riferenzi b’mod kreattiv sabiex jinstiga dubju u allura aktar interess madwar kitbietu.

Poster ta’ “ix-Xiħa”.

Naqbel ukoll ma’ Chris Gatt li saħaq li din il-bidla fil-ħsieb fl-aħħar minuti turi li d-direzzjoni tat-Teatru Manoel ma kinetx kapaċi tirreżisti il-pressjoni pubblika, jekk mhux politika wkoll. Jiena nżid nistaqsi kif ladarba ħadd fost l-atturi ma xamm xi riskju jinten meta l-iskript ġie mgħoddi lilhom, dawn ħarbu mil-produzzjoni hekk kif qamet il-kritika!

MPA sejjaħ “traġedja” il-fatt li l-ebda artist ma’ tqanqal sabiex jissapportja l-kawża tiegħu favur il-produzzjoni “ix-Xiħa”. Naħseb Mario jaf biżżejjed kif fil-kamp artistiku Malti, mhux biss dak teatrali, is-sapport u l-kollaborazzjoni fuq livell politiku-soċjali ma’ jeżistux. It-traġedja hija magħmula minn artisti li jibżgħu jikkritikaw is-soċjetà attwali; uħud sabiex jevitaw li jiġu ttimbrati “negattivi” filwaqt li oħrajn jinteressahom biss li jkunu fil-klikka irrispettata sabiex l’opportunitatjiet mal-Gvern ma jitnaqqsulhomx u jkunu jistgħu jdoqqu t-trombi hekk kif jinawguraw il-proġett li jmiss. Issib ukoll dawk li għalkemm fil-privat jikkritikaw lill-Gvern, jisktu fid-dominju pubbliku sabiex jibqgħu jidhru sbieħ quddiem xi Ministru u entitajiet li jroxxu l-flus. Fl-aħħar mill-aħħar qed ngħixu f’pajjiż b’kultura msejsa fuq il-flus!

Rigward il-klikek elitisti li jirrenjaw fis-soċjetà artistika, ma nistax ma naqbilx ma’ MPA. Fil-kamp tal-arti viżiva din ir-realtà iltqajt magħha taħt il-bandiera tal-lingwi, tal-klikek u tal-appartenenzi kulturali. Meta stajt, pruvajt niġġieled ħafna dan il-klassiżmu; mostru moqżież li sfortunatament għadu madwarna.

Nammira l-mod ġenwin kif MPA spjega kif ippreżenta l-idea tal-iStaġun Teatru Malti lill-Gvern sabiex jingħata grant. Anki jekk ma taqbilx miegħu, tisimgħu jitkellem u tħoss qalbu tħabbat. Niskanta kif il-Gvern temm is-sistema ta’ one-to-one deal fuq grants billi waqqaf awtorità bħall-Kunsill tal-Arti, iżda xorta ippermetta dan it-tip ta’ pitching kemmxejn old school. Ma jkunx ġust li filwaqt li min hu b’saħħtu jħawwel, numru ta’ artisti validi ikollhom jgħaddu mill-martirju tedjanti tal-proċess tal-applikazzjoni għal dan l-istess dritt li jwettqu l-ħolm kreattiv tagħhom. Filwaqt li l-metodu ta’ MPA huwa iktar prattiku, is-sistema adottata llum hija intenzjonata li tkun iktar ġusta fil-prinċipju u għaldaqstant għandha tkun applikata b’diliġenza fuq kulħadd, f’ġieħ is-sewwa.

Nagħlaq billi nsellem lil MPA u nħeġġu sabiex jinfatam minn teatru partikolari wieħed, anzi jipprova jirriġenera oħrajn bħall-Orpheum u r-Rialto, ironikament propjetà tal-Partit Laburista, jekk m’inix sejjer żball. Inħeġġu wkoll jerħi r-rabja u dipressjoni (kif indika hu fl-aħħar kummenti ta’ din il-poddata) sabiex iqarreb aktar lejn il-poplu matur billi jistqarr b’saħħa li l-valuri soċjalisti li seffaq wiċċu għalihom fl-2013 illum m’għadekx issibhom fil-Partit Laburista, daqs kemm baqa’ ma nstabx dak il-ballun ta’ Baggio.

Ġewwa jew barra?

Fis-26 ta’ Awwissu li għadda r-residenti tal-Belt Valletta ingħaqdu flimkien sabiex jirrakkuntaw il-ħajja kontemporanja tagħhom lill-bqija tal-poplu. Il-konkorrenza kienet il-ġmiel tagħha għalkemm qajla sar reklamar. Saħansitra għadd ġmielu ta’ posters inqalgħu matul il-lejl ta’ qabel mit-toroq tal-Belt Valletta. L-udjenza ġiet minn madwar il-Belt Valletta kollha iżda wkoll minn bliet u rħula oħrajn fosthom Brussell! Il-Barrakka ta’ Fuq kienet ippakkjata bin-nies kurjuża sabiex jaraw fiex kienet tikkonsisti l-Ħasla!

Kienet sa mill-bidu nett ix-xewqa tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li jsir proġett li jinvolvi lill-komunità Beltija. Proġett kbir li jwassal lill-Beltin sabiex jitħaddtu dwar ir-riġenerazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali tal-art tant għażiża għalihom. Ġewwa Barra, kellu jkun pjattaforma unika għall-Beltin.

Għalissa ser inħalli f’ġenb l-element artistiku tal-proġett. Ġewwa Barra, hekk kien tlaqqam il-proġett,  kien l-ewwel u qabel kollox vjaġġ speċjali għall-komunità. Dan għaliex filwaqt li ħafna proġetti jafu jirriżultaw fi vjaġġ simili, dan kien il-vjaġġ ta’ dawk li għall-dawn l-aħħar snin seffqu wiċċhom direttament mat-tajjeb u l-ħażin li t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġab miegħu għal Belt Valletta bħalma jiġri f’kull belt oħra mbierka jew misħuta b’dan ix-xettru.

Għal dan il-proġett kien hemm bżonn xi ħadd li kapaċi jifhem il-passjoni u ruħ tal-komunità Beltija. Xi ħadd li kapaċi jrażżan dak li jaħseb hu, u minflok, jagħti widen u jinterpreta b’talent, dak kollu li xtaqu jirrakkuntaw ir-residenti Beltin. Hekk ġara permezz ta’ Victor Jacono. Tul il-workshops li sawru l-ewwel parti tal-proġett tfaċċaw numru ta’ Beltin. Uħud ġew u telqu ‘l barra. Oħrajn ġew, baqgħu u llum qed jiddiskutu kif ser jibqgħu ġewwa. Victor żera’, kkultiva u ħasad ħafna frott li mhux kulħadd għaraf japrezza.

Kelli x-xorti ngħix dan il-proġett mit-twelid sat-tmiem u kelli xorti akbar ngħixu minn perspettivi differenti. Il-ħajja tal-komunità hija l-kultura; il-mod kif ngħixu flimkien u kif dawn il-modi jagħtuna identità distinta minn oħrajn. Il-kultura mhix arti u viċe versa. U għalkemm it-tnejn spiss jitwaħħdu, id-distinzjoni hija inekwivokabbli. Huwa hawn fejn l-arti teatrali f'”Il-Ħasla” ma kienet xejn ħlief vetrina tal-kultura. Hawn fejn l-arti teatrali saret eżerċizzju ta’ trawwim ta’ kunfidenza sabiex ir-residenti Beltin: tfal, żgħażagħ u xjuħ, jesprimu d-drawwiet u l-fehmiet sinċiera tagħhom – bla ma dawn ikunu mittiefsa.

Huwa għalhekk fejn l-iskript ta’ “il-Ħasla” huwa ġojjell kulturali u li fil-kuntest storiku u kontemporanju ta’ pajjiżna u Beltna jagħmel sens kbir. “Il-Ħasla” hija rakkont ta’ Beltin li qed ikunu sfurzati jabbandunaw beltom għal spazji iktar sinjuri u komdi. Rakkont ta’ Beltin anzjani li ta’ kuljum jippruvaw iwasslu valuri lil uliedhom. Rakkont ta’ tfal Beltin li għadhom jgħixu flimkien f’komunità tat-triq. Rakkont ta’ żgħażagħ li joħolmu dar, xogħol u familja fl-istess Belt. Rakkont ta’ Beltin li qed jibżgħu li ser jintilef il-pjaċir tal-Festa, taċ-ċelebrazzjonijiet tal-futbol u tal-imħażen u ż-żfin tal-karnival. “Il-Ħasla” hija wkoll rakkont ta’ Beltin li jħossu li l-progress huwa aħjar minn nostalġija tal-passat. Residenti li jħossu li trid iċċedi xi ħaġa biex ma tkunx minsi.

“Il-Ħasla” kienet tassew rakkont sinċier. Iżewwaq dan kollu kien il-mod sempliċi iżda ġenjali li bih inkiteb ir-rakkont. Filwaqt li uża stejjer u ġografiji vera biex madwarhom jibni xenarju, Jacono welled il-metafora tal-ħasla li permezz tagħha t-tfal kienu jikkomunikaw messaġġi minn bejt għal ieħor, b’xebħ mal-mod kif jikkomunikaw il-bastimenti li kien iħobb isegwi n-Nannu Ninu fil-Port il-Kbir. Din il-metafora kienet il-bażi għall-narrativa kontemporanja. Apparti minn din, wieħed seta’ japprezza l-użu adekwat u ntelliġenti tal-metafora, ir-riċerka fir-rakkont, il-battuti ħelwin kif ukoll il-libertà li sa ċertu punt kull karattru kellu sabiex ikun huwa nnifsu.

“Il-Ħasla” provdiet spazju fejn ir-residenti Beltin skoprew talenti moħbija. Kienet opportunità fejn huma taw ħasla lil min jaħseb li jaf ħafna u aktar minnhom. Lis-sinjurun li jinvesti bla ma jikkunsidrahom. Taw ħasla lil min riedhom ikunu protagonisti ta’ din is-sena, iżda bħall-granċ, gidimhom, u ma sabx ħin għalihom. Taw ħasla lilhom infushom li kultant ma jafux jirrispettaw lil beltom u nesew kif jingħaqdu biex jiġġieldu għal dak li jridu u jwettqu dak li joħolmu.

“Il-Ħasla” fuq kollox tat ċans sabiex għall-aħħar darba isemma leħnu l-għażiż u mibki Godwin Scerri sabiex juri kif verament ikun Belti: bniedem mimli passjoni, mħabba lejn dak li jgħamlu hu u mħabba bla tarf għall-familja, niesu u l-komunità u l-kultura ġenwina tiegħu. Godwin kien appuntu bniedem li karab iżda ma nstemax, iżda baqa’ jittama li f’għajnejn it-tfal li rawwem, tibqa’ tgħix il-kultura ta’ kull Belti… dik li ngħixu flimkien bħal aħwa u niċċelebraw ma’ kull ċans li jkollna s-sabiħ ta’ din il-ħajja qasira li għandna. L-identità unika tagħna.

Kif qalli xi ħadd akkademiku fl-aħħar tas-serata, jidher li dan il-vjaġġ tal-Beltin spiċċa jitqies bħala wieħed mill-aqwa proġetti li f’din is-sena tassew mess mar-ruħ ta’ dawk li verament huma kapital ta’ din il-belt; missirijiet, maħbubin u ulied il-kultura. Int ġewwa jew barra?

Il-Kultura taċ-Ċelebrazzjoni – Tislima lill-Belti Godwin Scerri

Godwin. Jew kif qal Fr Michael, Alla jirbaħ.
Godwin Scerri. Jew kif sejjaħlu Fr Michael, Godwin Festa.
Ċelebrazzjoni.

Godwin Scerri – Valletta. R.I.P.

Ma kontx ili nafu wisq lil Godwin. Naħseb ftit iktar minn sentejn.
L-ewwel darba li nnutajtu kien fil-ħidma tiegħi ġewwa d-Dijuballi. U kif stajt ma ninnutahx? B’erba’ kelmiet qawwija kien qed jiġbor madwar 50 tifel u tifla sabiex, qalb id-diffikultajiet kollha, jieqfu mill-ġiri fit-toroq u jinżlu flimkien miegħu sa Sant Iermu, fejn hemm kien joffrilhom għexieren ta’ modi kif jitgħallmu xi sengħa marbuta mal-Karnival.

Ilbieraħ l-istess tfal, kienu hemm, għall-funeral, bla ħadd ma kellu għalfejn isejjħilhom. Fosthom rajt uħud jolfqu fid-dmugħ u ġabuli qalbi tikka. L-istess ġrali kif ilmaħt lil Pawlu l-Pampalun jolfoq. Għax meta tintmiss il-qalb, joħorġu d-dmugħ bħal f’barka. Bħal ħasla purifikatorja għar-ruħ.

F’sentejn Godwin għallimni bi ftit kliem. Għallimni b’ħafna u ħafna fatti. Għallimni mingħajr ma tani lezzjonijiet. Għallimni billi stmani ta’ xi ħadd bħalu. Mhux iktar u xejn inqas.

Għallimni li mexxej huwa dak li minn fuq siġġu (fil-każ tiegħu, tar-roti) jispira u jidderieġi. Mexxej huwa dak li jagħraf lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom, iġiżżhom meta hemm bżonn u jirgħahom sabiex minnhom joħroġ l-aħjar.

Għallimni li tislima ma tqumx flus. Rari kienu d-drabi li minħabba l-problemi li kien għaddej minnhom ma sejjaħlix hu. Mill-bqija, eżatt bħalma ġara s-Sibt li għadda, jilmaħni għaddej mifluġ ħsibijiet u jsejjaħli b’ismi “Pawlu” u jsaqsini “kif int sabiħ?”.

Għallimni li mexxej tajjeb jiġbed lejn il-familja tiegħu b’imħabba. Mhux l-ewwel darba li talabni xi għajnuna sabiex il-familja tal-Karnival tad-Dijuballi ssib post denju fejn tmidd rasha. Mhux l-ewwel darba li talabni sabiex inwassal il-messaġġ ‘l fuq. Mhux l-ewwel darba li talabni… dejjem għal xi raġuni li kienet tqanqlu. Kliemu dwar il-komunità tad-Dijuballi ma kien xejn frivolu. Mimli passjoni.

Għallimni li mexxej tajjeb jirrispetta oħrajn. Kien Godwin li wara li sar jafni u nnota l-passjoni tiegħi lejn San Pawl, bgħat lill-ibnu iġibli xi ħaġa li kien żamm apposta għalija. Qalli “bħal dan mhux ser issib”. Kien kalendarju fuq il-qasab li jirraffigura lil San Pawl fl-istatwa tant għal qalb ħafna Beltin – dik tal-Gafà.

3 ta’ Marzu 2017 – Godwin għoġbu jwarrabli u jirregalali dan il-kalendarju

Għallimni ninnota s-sbuħija f’ħarsa jew f’kostum. Għallimni li mexxej tajjeb, jaf li huwa mexxej u allura jmexxi. Juża leħnu. Jgħolli l-volum tal-vuċi skond il-bżonn u jara li kulħadd jisma’ u jifhem.

Naħseb l-akbar memorja ta’ Godwin kienet dik li rrealiżżajt illum fi kliem Fr Michael. Godwin dejjem ried jiċċelebra. Għax dak huwa l-Belti vera. Bix-xalla tal-Palestina ma’ għonqu, Godwin ried jiċċelebra lit-tfal tad-Dijuballi, mimlija talenti u b’karattri mimlija esperjenza. Lill-għażiża ommu u lill-familja tiegħu. Lill-familja Beltija meta tkun rebbieħa fil-ballun. Il-kultura Beltija.

11 ta’ Marzu 2018 – Godwin ġewwa Ta’ Qali – lest sabiex niċċelebraw!

Ried li nieqfu nitbikkmu, nipparteċipaw u mmiddu jdejna. Ried li permezz t’hekk, min imexxi jemmen fit-talba tiegħu għal-aktar rispett lejn il-Beltin. Ħasra li l-biżà tiegħu li Sant Iermu ser jittieħed lill-Beltin u mill-Karnival, qed titħawwar f’realtà li ser tifga l-ħolm ta’ dan ir-raġel kemm f’ħajtu u kemm wara mewtu.

Godwin ried li anki jekk mifluġin bil-mard, nafdaw f’Alla dejjem u noħorġu nifirħu b’dak li għandna u niċċelebrawh flimkien. Ried li fid-diffikultà u bid-difetti kolla tiegħu, ikun b’xi mod influwenza pożittiva lil ta’ madwaru.

Naħseb int li qrajt s’hawn, taqbel miegħi jekk ngħid li rnexxielu mija fil-mija!

Grazzi l-Iljun! Ħu ħsiebna – kif tlabtek is-Sibt li għadda. Narak!

“Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek.”

“Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek. Kont ilek teqred għaliha din!”

Hekk qabbiżni mid-dar ilbieraħt lura missieri Ċensu meta għall-ħabta tal-16:45 sellimtlu biex immur lejn Pjazza San Ġorġ sabiex flimkien ma’ sħabi, nikkordinaw l-aħħar tentufiet dwar il-Festa l-Kbira. Kienet tislima li ferrħitni għax apprezzajt li fis-silenzju tiegħu missieri kien wieħed mill-ftit li urewni li jafu x’fissret għalija l-ħidma b’risq dan l-avveniment u dik il-ġurnata. Kienet ukoll tislima li ħasditni għax erġajt ftakart li minħabba sitwazzjonijiet personali ma kienx ser ikun jista’ jgawdi, ta’ Belti li hu, dak li tul is-snin rawwem f’ibnu.

Sa minn San Stiefnu, Missieri kien iżarma l-ornamenti tal-Milied u jibda jipprepara sabiex jarma lil San Pawl fid-dar. Sa mis-26 ta’ Diċembru, il-marċi ta’ La Valette kienu jkunu akkumpanjament kontinwu speċjalment nhar ta’ Sibt u Ħadd meta ma kienx ikun xogħol. Kuljum praċett, il-casettes sofor jew ħomor li ġemma sa mill-1984 kienu jkunu hemm, lesti għal taħt idejh. Il-vuċi ta’ Charles Coleiro kienet issaħħarni bħal qisha tistiednek idduq kull silta mużikali daqs li kieku kienet tazza nbid, sal-aħħar qatra. Il-Marċi ta’ La Valette kienu jakkumpanjawna b’mod impekkabli sal-10 ta’ Frar. L-għada, il-Funebri tal-istess banda kienu jagħmlu l-istess sal-Ġimgħa l-Kbira. Sadattant Elvis, Cash, il-Beatles, Celentano, il-Creedance Clearwater Revival, il-Fleetwood Mac u s-selezzjonijiet ta’ Mario Laus kienu jibqgħu jittamaw li jqarreb is-sajf!

IL-FESTA L-KBIRA – Ritratt mill-isbaħ ta’ sieħbi Joseph Galea

Is-sajf kien jasal u hekk kif joqrob Awwissu, missieri dejjem kien iżerżaq il-casettes, din id-darba blu tal-Banda King’s Own jew l-LP bil-wiċċ stampat kbir tal-Maġġur Anthony Aquilina. Niftakru jispjegali li għalkemm aħna Pawlini, dawn il-marċi tal-Festa ta’ San Duminku huma biċċiet mill-isbaħ u erħilu jirrakkontali dak kollu li kien jaf dwarhom. U kif setà ma jżerżaqlix l-Agrigento, Forza Ċensina jew Balfrendozan!

Iva nista’ ngħid li fija Missieri, ta’ Belti kburi mill-Arċipieku li hu, qatt ma rawwem firda iżda prinċipji. Prinċipji Pawlini ta’ rispett komplut. Rispett u apprezzament lejn dak li huwa tagħna u jagħtina identità iżda anki lejn min mhux tal-istess parroċċa, festa jew każin. Missieri, anki qalb xi tikka nkejja, dejjem spjegali kif kulħadd jiżbalja u li fuq kollox aħna Beltin u familja.

Is-snin gerrbu. Illum jien membru kburi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini u sa mill-2013, impjegat u aktar tard uffiċjal tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Fl-ewwel snin ta’ din l-esperjenza kont naħbat ma nies li kienu jhewdnu bħali: “issa kieku xi darba noħorġu l-erba’ qaddisin flimkien, mhux sabiħa tkun Pawl?”. Jgħidielek wieħed, tnejn, tlieta; kont iddeċidejt li nimbotta din l-idea. Għall-bidu kollox kien għat-telgħa u l-idea ma sabitx art fejn tinbet iżda hekk kif tfaċċat id-Direttriċi Catherine Tabone, kollox inbidel. Is-Sinjorina Tabone mill-ewwel offrietli li tkun spalla sabiex l-idea sseħħ u kelli ndikazzjoni li hekk kif tispiċċa l-ħidma relatata mal-ftuħ tas-sena 2018, nitfgħu rasna hemm sabiex nibnu qafas. U hekk ġara. Niftakar li waqt laqgħa marbuta mal-parteċipazzjoni tal-komunitajiet Beltin ġewwa Fortress Builders kien is-Sur Edward Bonello li ħeġġiġna nagħtu prijorità lil din ix-xewqa tal-Beltin u hemmhekk anki c-chairman Jason Micallef kien wiegħed li t-talba mhux ser taqa’ fuq widnejn torox.

Parti mit-tim. 4 Ġirbin u 3 Beltin.

Kelli l-inkarigu li nkun vuċi għal din il-ħolma tal-Beltin u kont koordinatur tal-proġett. Biss kont fortunat li sibt miegħi Maniġer tal-produzzjoni u ħabib mill-aqwa Christopher Cassar – ġirbi kburi li jħobb lin-nies u li jaf jaqbad il-ħolm u jwettaqhom fil-prattika. Flimkien, fassalna pjan ta’ ħidma b’sensiela ta’ ideat li umbagħad flimkien mal-kollega u ħabib Albert Dimech, ressaqna quddiem rappreżentanti tal-Għaqdiet Beltin li jorganiżżaw il-Festi kif ukoll dawk tal-Baned. Kif qal Luqa meta San Pawl wasal Malta, l-istess aħna dwar l-Għaqdiet. Sibna kollaborazzjoni liema bħalha. Kellna numru ta’ laqgħat li fihom ir-rispett li ntwera għamilni aktar kburi b’dan il-poplu u b’dan il-proġett ħolma.

Hekk kif bdejna nħabbru li ġiet identifikata data, kien hemm bħal sens ta’ inkredulità. Tassew mhux faċli timmaġina ħolma sabiħa li tkun ilek toħlom fir-realtà. Fi ftit ġimgħat il-Beltin xegħlu; kulħadd jitkellem dwar il-Festa li ġiet imlaqqma “il-Kbira”. Ħdimna flimkien ma’ kollegi bħal Marcia Grima, Giuliana Barbaro-Sant u Victor Jacono anki fuq livell informali sabiex nibnu fuq l-esperjenza tal-ftuħ tas-sena u nkomplu nħeġġu lill-Beltin jersqu lejn il-Fondazzjoni.

Kienet esperjenza tassew unika. U ta’ dan huma xiedha d-dmugħ ta’ ħafna Beltin li ġenwinament bkew meta raw l-erba’ vari titulari li tant jiddefinixxu l-identità tagħna mexjin ħaġa waħda tul l-arterja prinċipali tad-dar tagħna. Xhieda ta’ dan ukoll kienu d-dmugħ tal-għażiż Joe Mizzi ‘Kurun’ li f’Awwissu li għadda, xahar qabel ħalliena, tgħidx kemm dam ifakkarni li mportanti l-għaqda bejn il-Beltin, hu x’inhu l-pinċipju reliġjuż jew il-kulur politiku. Kien ħolmu huwa wkoll is-7 ta’ April 2018.

Titwila lil Pawlu qabel xejn!

Xil-17:00 jiena kont fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl. Għaddejt sellimt lil Pawlu u tlabtu barka u sapport sabiex il-lejla tkun memorabbli u li tħalli l-ġid. Bħal dejjem, semgħani. Għalkemm għall-ewwel darba wara 37 sena ma rajtux ħiereġ mill-Knisja u għalkemm ma stajtx ingawdi l-Festa l-Kbira mal-bqija tal-Beltin, inħossni tassew ixxurtjat li stinkajt sabiex twettaq mument kruċjali tal-istorja ta’ Belti u fuq kollox, niesha.

Ninsab grat lejn kull min ġie qal grazzi. Grat lejn il-ħaddiema l-aktar siekta li kien hemm tul l-attività kollha. Fuq quddiem il-kappillani, arċipriet u pirjol tal-komunitajiet Beltin. Grat lejn it-tim li kellna – lista twila ta’ persuni li ħadmu magħna bħala koordinaturi, hosts jew maniġers ta’ sezzjonijiet varji. Grat lejn dawk tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, ta’ Transport Malta u Malta Public Transport, tal-Ferries u l-barklori u dawk tal-Cleansing Units li fi ftit siegħat naddfu kemm qabel kif ukoll wara l-attivitajiet li kellna. Grat lejn il-Kurja. Grat lejn il-membri tal-Kunsill Lokali li ssapportjawni. Grat lejn il-pubbliku li attenda u mexa mal-istruzzjonijiet b’mod mill-aktar ċivili.

Ritratti ta’ sieħbi Sebio Aquilina

Diġà għaddew jumejn. X’fadal minn dan kollu? Naħseb ħareġ biċ-ċar li l-kultura ma hix xi ħaġa li jfasslu jew jiddettaw xi maniġers, diretturi, diretturi artistiċi, artisti jew xi kritiċi tal-arti. Il-kultura hija sensiela ta’ prattiċi ta’ ħajja, mibnija minn poplu. Prattiċi ordinarji, komuni għall-membri ta’ dak il-poplu u li fihom l-istess membri jsibu xi forma ta’ valur.

Ritratt ta’ sieħbi Carl Farrugia

Il-prattika tal-Festa f’kull belt u raħal f’Malta hija ntrinsika mal-kultura tal-poplu Malti. Prattika ħelwa li tiġbor fiha valuri reliġjużi, artistiċi u edukattivi mwassla minn ġenerazzjoni għall-oħra tul is-snin. Ma kinetx tkun sena kompluta kieku l-Festa ma kinetx fil-qalba tal-programm kulturali li ġie mfassal – u ta’ dan illum inħossni kburi.

Il-kultura tal-Beltin hija kultura ta’ ferħ, mużika, kulur, disinn u kreattività. Ħareġ ċar li l-Beltin konxji mid-dritt li joħolmu u jwettqu. Ħareġ ċar li kif għallimni missieri, il-Beltin jafu li huma iktar b’saħħithom flimkien milli għal rashom. Fuq kollox ħareġ ċar li fejn hemm il-ħolm u l-koordinazzjoni bejn kull saff tas-soċjetà li ngħixu fiha, dan l-istess ħolm, jasal jitwettaq. Minn dejjem kellu raġun missieri…”

Ejjew nibqgħu noħolmu u nkunu protagonisti flimkien, għeżież Beltin!

Żieme

Bħal fi Trojja, tfaċċa żiemel f’Belti u ġab miegħu nvażjoni. Bħal fi Trojja, l-installazzjoni “Żieme” inħbiet wara l-idea ta’ monument, biss l-essenza ħarġet inkiss inkiss, infiltrat fid-djar u fl-imħuħ u nażżarda ngħid li anki din id-darba, il-gwerra ntrebħet.

Xi gwerra hi li ntrebħet?

Gwerra hija magħmula minn battalji u appuntu l-lista ta’ battalji li ġew miġġielda kienu numerużi. Battalja kontra l-injoranza. Battalja kontra l-aljenazzjoni. Battalja kontra l-kunċetti estremi Nazzjonalisti u Soċjalisti. Battalja kontra l-għażż. Battalja kontra s-soffokazzjoni artistika u kulturali. Battalja kontra l-formalità politika. Battalja kontra l-ipokrezija reliġjuża. Battalja kontra l-ġaħan. Battalja kontra l-aristokratiku kollu pompa.

B’Żieme, l-artist u ħabib tiegħi, Austin Camilleri, irnexxielu jaħsadna u jekk lis-suġġett tiegħu ħallieh fuq tlett saqajn, żgur li lilna qabadna fuq sieq waħda. Kemm l-iktar mistoqsija sempliċi iżda anki dik l-aktar akkademika, tistħarreġ is-saħħa u l-istabbiltà ta’ dik il-kreatura familjari, mhux aktar rikonoxxuta, u b’identità maħsuda sforz nuqqas evidenti u forsi makabru.

miktuba lura għal ġranet tal-inawgurazzjoni

Kultura, żraben u patata

Żraben u Patata. Għajjejt. Infittex, ma nsibx. Google, Facebook, għalxejn. Fejn nista’ nsib profil dettaljat taċ-ċermen il-ġdid tal-Valletta 2018? Jidher li ser tkun xi ħaġa diffiċli… Mir-reazzjonijiet li smajt, rajt u qrajt ilbieraħ f’ambiti varji, fosthom dawk kulturali, ħadt l-impressjoni li dawk li għandhom għal qalbhom il-Kultura ma tantx ħadu gost b’din il-ħatra għalkemm uħud għażlu li jkunu kawti u jgħatu ċans lis-Sur Micallef qabel jieħdu pożizzjoni. Hemm iżda min beda petizzjoni sabiex il-Prim Ministru jaħsibha darbtejn u hemm min ħareġ b’teoriji tal-fantaxjenza!

Ejja ninjoraw il-persunaġġ. X’kien il-bżonn ta’ ċermen ġdid? Fuq livell prattiku, wisq nibża’ li sforz dawn l-għażliet, ċertu proċessi jkollhom jerġgħu jibdew mill-ġdid. Kull diskussjoni u kull idea ikollhom jerġgħu jiġu deskritti u mfassla, għal darb’ oħra, bħalma kellu jsir minħabba l-bidla tal-Ministru. Nittama li s-sena vantaġġ li għandna fil-proċess tal-kandidatura V18 ma titnaqqarx ftit ftit minħabba dan kollu.

Nistaqsi kif, wara li l-Gvern ċaħad xniehat li Micallef kien ser ikun maħtur għal din il-kariga, illum dawn ħarġu veritiera. Kien tant diffiċli li l-Gvern jaċċetta li x-xniehat kienu minnhom? Biex tkompli tfattarha, skond il-MaltaToday, wara li dalgħdu José Herrera ħabbar din il-ħatra, l-Uffiċju tal-Prim Ministru stqarr li ma kien jaf b’xejn!

Mill-istess artiklu ta’ sieħbi, il-bravu ġurnalist Teodor Reljic, apprezzajt il-kumment ta’ Mario de Marco –  li nittama li fi żmien qasir ikun il-kap tal-Partit Nazzjonalista – fejn, fil-kuntest tal-arkitett David Felice, identifika punti validissimi li bihom tirrikonoxxi persuna denja ta’ kariga mportanti fil-Kultura:

“When I wrote a letter of appointment for David Felice, I took into consideration his experience within the cultural sector, his love for our capital city and his professional competence…”

Filwaqt li nirrikonoxxi li kull figura f’kariga hekk diffiċli tkun simpatika ma’ kulħadd, nemmen li din il-ħatra tant sensittiva għandha dejjem tkun imfassla fuq il-kriterji msemmija mis-Sur De Marco – persuna li huwa stess, b’sempliċità u umiltà, dejjem wera rispett u riverenza lejn il-Kultura nġenerali. Filwaqt li nittama li Micallef ser jistinka sabiex jaqdi dawn il-kriterji, nammetti li kont narah iktar adatt għal ambjenti medjatiċi, fejn rawwem l-esperjenza vasta tiegħu u fejn anki l-Prim Ministru kien jirrikonoxxih. Nemmen ukoll li ċertu kummenti li Micallef ġieli għadda fuq facebook ma humiex mistennija minn persuna ta’ kariga mportanti – biss konvint li quddiem kariga nazzjonali, mhux partiġġjana, ikun hemm rieda tajba. Nistenna bi ħġari wkoll li nisma dak li għandu xi jgħid dwar din il-ħatra. Jien bħala Belti li għandi dan it-titlu u l-kultura tant għal qalbi, nittama wkoll li jkolli ċ-ċans li inkellmu wiċċ imb’wiċċ sabiex niddiskutu flimkien bħalma għamilt ma’ persuni oħra nvoluti.

Huwa mportanti li kull min ikun inkarigat minn dan il-proċess sabiħ għal Malta u anki għall-Kapitali, ikun midħla tal-Kultura nġenerali tat-tnejn li huma, ikollu mħabba sinċiera lejn dak kollu li hu Malti u Belti u iva, kompetenza professjonali fis-setturi Kulturali – setturi partikolarment sensittivi li għandhom ikunu l-ewwel fl-aġenda ta’ kull pajjiż modern u ntelliġenti. Fuq kollox importanti li jħalli warajh kull rabta partiġġjana li taf ixxekklu.

F’Kultura ħajja u mhux partiġġjana, insibu l-identità tagħna u għaldaqstant insibu kull sens ta’ direzzjoni. Awguri Sur Micallef. Awguri Valletta 2018.

Valletta 2018 – Belt Kapitali tal-Kultura

Wayne Marshall ġie maħtur bħala Direttur artistiku għall-proġett tal-Valletta 2018. Filwaqt li sieħbi l-iSpanjol ikkritika l-għażla burokratika, jien nawgura lis-Sur Marshall sabiex fi żmien qasir jifhem is-sistemi Maltin li spiss jikkuntradixxu lil xulxin.

Xhur ilu identifikajt propjetà ġewwa Belti li kienet f’kundizzjoni tajba u tħajjart ninvesti fiha. Tkixxift u skoprejt li hija propjetà li kienet tinkera mill-Gvern. Komplejt ir-riċerka u tal-Lands Department għamlu l-parti tagħhom. F’ġieh ir-riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea, qaluli li “propjetà tal-Gvern f’kundizzjoni tajba ġewwa l-kapitali taqa’ awtomatikament għal skemi ta’ ‘social housing’.” Tefgħawli wkoll naqra melħ, minn dak l-aħrax tal-Qbajjar fuq il-ferita meta qaluli “identifika propjetà dilapidata u hemm inkunu nistgħu ngħinuk”

Kellimt ukoll lill-Ministru li ftit qabel kien għadu kif qata’ żigarella fuq proġett ta’ inċentivi għal propjetà mitluqa ġewwa l-Belt. Nammetti li kien ġentili u rrispondieni minnufih. Bil-kliem “Jekk taqa’ taħt il Housing bilfors trid tiġi allokata fuq bażi soċjali sakemm ma tiġix rilaxxata mill-istess Housing Authority” ħawwadni ftit aktar u ħallieni nistaqsi jekk jien, ħaddiem u student ta’ 31 sena inix ikkunsidrat fuq l-istess “bażi soċjali”.

Tlabt aktar dettalji u uffiċjal mill-istess Ministeru ċemplitli biex tikkjarifika, biss, reġgħat tennietli l-istess kliem li kienu qaluli mid-Dipartiment tal-Lands. Kif jgħidu l-Ingliżi – dawk li diġa’ inqalgħu mill-Euro 2012 – “back to square 1”. U llum nidħak naqra dan l-artiklu.

Bl-ingliż ukoll ngħid “Welcome Mr Marshall”.

L-onorevoli José Herrera u Austin Gatt – xi ħadd darba ddeskrivhomli bħala “il-feriti tal-Belt”. U bir-raġun. Belt ġojjell mifnija burokrazija. Mifnija blu u aħmar – fejn persunaġġi ta’ rieda tajba wkoll jiċċapsu ma’ aġenda partiġġjana u allura jgħażlu li jikkompetu, minflok jikkollaboraw.

  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn filwaqt li l-Beltin jistaqsu fejn telqu l-bandli tat-tfal fil-Mandraġġ, il-Prim Ministru jirċievi l-applaws kommoss (jew le?) waqt l-inawgurazzjoni.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn l-iskola Primarja tibqa’ ġġorr stigma u hija meqjusa bħala ‘tat-tielet klassi’ fil-pajjiż.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn dak li jiġi minn barra biex idabbar lira jsib bibien miftuħa beraħ filwaqt li min rawwem ruħu b’demm l-iljun, qajla jinstema.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn meta jisparixxu (jinsterqu?) dettalji storiċi minn Sada Stretta, tispikka l-bruda.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn sa sena ilu konna nospitaw kultura kulurita ta’ Karnival – iżda li ġiet misruqa lilna bi proġett li jesalta lill-ġojjell partiġġjani – le mhux saffir u rubin.

  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident huwa mimli passjoni.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident jaf jgħatik qalbu jekk tirrispettah, iżda jiksirlek tiegħek jekk le.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn il-kultura hija fid-demm ta’ min tassew ħabbha u mhux fil-kummerċjant li jixtieq jorqod lejl magħha.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn resident sieket jaf jitkellem aktar mill-aqwa preżentatur li qatt ser jissuġġerulek fil-kumitati.

Merħba Sur Marshall f’Belt li, sa minn meta nibtet il-ħolma f’moħħ il-Parisot, dejjem kienet belt Kapitali Ewropea – bit-titlu u mingħajru!