Tag: ċelebrazzjoni

Il-Kultura taċ-Ċelebrazzjoni – Tislima lill-Belti Godwin Scerri

Godwin. Jew kif qal Fr Michael, Alla jirbaħ.
Godwin Scerri. Jew kif sejjaħlu Fr Michael, Godwin Festa.
Ċelebrazzjoni.

Godwin Scerri – Valletta. R.I.P.

Ma kontx ili nafu wisq lil Godwin. Naħseb ftit iktar minn sentejn.
L-ewwel darba li nnutajtu kien fil-ħidma tiegħi ġewwa d-Dijuballi. U kif stajt ma ninnutahx? B’erba’ kelmiet qawwija kien qed jiġbor madwar 50 tifel u tifla sabiex, qalb id-diffikultajiet kollha, jieqfu mill-ġiri fit-toroq u jinżlu flimkien miegħu sa Sant Iermu, fejn hemm kien joffrilhom għexieren ta’ modi kif jitgħallmu xi sengħa marbuta mal-Karnival.

Ilbieraħ l-istess tfal, kienu hemm, għall-funeral, bla ħadd ma kellu għalfejn isejjħilhom. Fosthom rajt uħud jolfqu fid-dmugħ u ġabuli qalbi tikka. L-istess ġrali kif ilmaħt lil Pawlu l-Pampalun jolfoq. Għax meta tintmiss il-qalb, joħorġu d-dmugħ bħal f’barka. Bħal ħasla purifikatorja għar-ruħ.

F’sentejn Godwin għallimni bi ftit kliem. Għallimni b’ħafna u ħafna fatti. Għallimni mingħajr ma tani lezzjonijiet. Għallimni billi stmani ta’ xi ħadd bħalu. Mhux iktar u xejn inqas.

Għallimni li mexxej huwa dak li minn fuq siġġu (fil-każ tiegħu, tar-roti) jispira u jidderieġi. Mexxej huwa dak li jagħraf lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom, iġiżżhom meta hemm bżonn u jirgħahom sabiex minnhom joħroġ l-aħjar.

Għallimni li tislima ma tqumx flus. Rari kienu d-drabi li minħabba l-problemi li kien għaddej minnhom ma sejjaħlix hu. Mill-bqija, eżatt bħalma ġara s-Sibt li għadda, jilmaħni għaddej mifluġ ħsibijiet u jsejjaħli b’ismi “Pawlu” u jsaqsini “kif int sabiħ?”.

Għallimni li mexxej tajjeb jiġbed lejn il-familja tiegħu b’imħabba. Mhux l-ewwel darba li talabni xi għajnuna sabiex il-familja tal-Karnival tad-Dijuballi ssib post denju fejn tmidd rasha. Mhux l-ewwel darba li talabni sabiex inwassal il-messaġġ ‘l fuq. Mhux l-ewwel darba li talabni… dejjem għal xi raġuni li kienet tqanqlu. Kliemu dwar il-komunità tad-Dijuballi ma kien xejn frivolu. Mimli passjoni.

Għallimni li mexxej tajjeb jirrispetta oħrajn. Kien Godwin li wara li sar jafni u nnota l-passjoni tiegħi lejn San Pawl, bgħat lill-ibnu iġibli xi ħaġa li kien żamm apposta għalija. Qalli “bħal dan mhux ser issib”. Kien kalendarju fuq il-qasab li jirraffigura lil San Pawl fl-istatwa tant għal qalb ħafna Beltin – dik tal-Gafà.

3 ta’ Marzu 2017 – Godwin għoġbu jwarrabli u jirregalali dan il-kalendarju

Għallimni ninnota s-sbuħija f’ħarsa jew f’kostum. Għallimni li mexxej tajjeb, jaf li huwa mexxej u allura jmexxi. Juża leħnu. Jgħolli l-volum tal-vuċi skond il-bżonn u jara li kulħadd jisma’ u jifhem.

Naħseb l-akbar memorja ta’ Godwin kienet dik li rrealiżżajt illum fi kliem Fr Michael. Godwin dejjem ried jiċċelebra. Għax dak huwa l-Belti vera. Bix-xalla tal-Palestina ma’ għonqu, Godwin ried jiċċelebra lit-tfal tad-Dijuballi, mimlija talenti u b’karattri mimlija esperjenza. Lill-għażiża ommu u lill-familja tiegħu. Lill-familja Beltija meta tkun rebbieħa fil-ballun. Il-kultura Beltija.

11 ta’ Marzu 2018 – Godwin ġewwa Ta’ Qali – lest sabiex niċċelebraw!

Ried li nieqfu nitbikkmu, nipparteċipaw u mmiddu jdejna. Ried li permezz t’hekk, min imexxi jemmen fit-talba tiegħu għal-aktar rispett lejn il-Beltin. Ħasra li l-biżà tiegħu li Sant Iermu ser jittieħed lill-Beltin u mill-Karnival, qed titħawwar f’realtà li ser tifga l-ħolm ta’ dan ir-raġel kemm f’ħajtu u kemm wara mewtu.

Godwin ried li anki jekk mifluġin bil-mard, nafdaw f’Alla dejjem u noħorġu nifirħu b’dak li għandna u niċċelebrawh flimkien. Ried li fid-diffikultà u bid-difetti kolla tiegħu, ikun b’xi mod influwenza pożittiva lil ta’ madwaru.

Naħseb int li qrajt s’hawn, taqbel miegħi jekk ngħid li rnexxielu mija fil-mija!

Grazzi l-Iljun! Ħu ħsiebna – kif tlabtek is-Sibt li għadda. Narak!