Tag: tfal

Il-Kultura taċ-Ċelebrazzjoni – Tislima lill-Belti Godwin Scerri

Godwin. Jew kif qal Fr Michael, Alla jirbaħ.
Godwin Scerri. Jew kif sejjaħlu Fr Michael, Godwin Festa.
Ċelebrazzjoni.

Godwin Scerri – Valletta. R.I.P.

Ma kontx ili nafu wisq lil Godwin. Naħseb ftit iktar minn sentejn.
L-ewwel darba li nnutajtu kien fil-ħidma tiegħi ġewwa d-Dijuballi. U kif stajt ma ninnutahx? B’erba’ kelmiet qawwija kien qed jiġbor madwar 50 tifel u tifla sabiex, qalb id-diffikultajiet kollha, jieqfu mill-ġiri fit-toroq u jinżlu flimkien miegħu sa Sant Iermu, fejn hemm kien joffrilhom għexieren ta’ modi kif jitgħallmu xi sengħa marbuta mal-Karnival.

Ilbieraħ l-istess tfal, kienu hemm, għall-funeral, bla ħadd ma kellu għalfejn isejjħilhom. Fosthom rajt uħud jolfqu fid-dmugħ u ġabuli qalbi tikka. L-istess ġrali kif ilmaħt lil Pawlu l-Pampalun jolfoq. Għax meta tintmiss il-qalb, joħorġu d-dmugħ bħal f’barka. Bħal ħasla purifikatorja għar-ruħ.

F’sentejn Godwin għallimni bi ftit kliem. Għallimni b’ħafna u ħafna fatti. Għallimni mingħajr ma tani lezzjonijiet. Għallimni billi stmani ta’ xi ħadd bħalu. Mhux iktar u xejn inqas.

Għallimni li mexxej huwa dak li minn fuq siġġu (fil-każ tiegħu, tar-roti) jispira u jidderieġi. Mexxej huwa dak li jagħraf lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom, iġiżżhom meta hemm bżonn u jirgħahom sabiex minnhom joħroġ l-aħjar.

Għallimni li tislima ma tqumx flus. Rari kienu d-drabi li minħabba l-problemi li kien għaddej minnhom ma sejjaħlix hu. Mill-bqija, eżatt bħalma ġara s-Sibt li għadda, jilmaħni għaddej mifluġ ħsibijiet u jsejjaħli b’ismi “Pawlu” u jsaqsini “kif int sabiħ?”.

Għallimni li mexxej tajjeb jiġbed lejn il-familja tiegħu b’imħabba. Mhux l-ewwel darba li talabni xi għajnuna sabiex il-familja tal-Karnival tad-Dijuballi ssib post denju fejn tmidd rasha. Mhux l-ewwel darba li talabni sabiex inwassal il-messaġġ ‘l fuq. Mhux l-ewwel darba li talabni… dejjem għal xi raġuni li kienet tqanqlu. Kliemu dwar il-komunità tad-Dijuballi ma kien xejn frivolu. Mimli passjoni.

Għallimni li mexxej tajjeb jirrispetta oħrajn. Kien Godwin li wara li sar jafni u nnota l-passjoni tiegħi lejn San Pawl, bgħat lill-ibnu iġibli xi ħaġa li kien żamm apposta għalija. Qalli “bħal dan mhux ser issib”. Kien kalendarju fuq il-qasab li jirraffigura lil San Pawl fl-istatwa tant għal qalb ħafna Beltin – dik tal-Gafà.

3 ta’ Marzu 2017 – Godwin għoġbu jwarrabli u jirregalali dan il-kalendarju

Għallimni ninnota s-sbuħija f’ħarsa jew f’kostum. Għallimni li mexxej tajjeb, jaf li huwa mexxej u allura jmexxi. Juża leħnu. Jgħolli l-volum tal-vuċi skond il-bżonn u jara li kulħadd jisma’ u jifhem.

Naħseb l-akbar memorja ta’ Godwin kienet dik li rrealiżżajt illum fi kliem Fr Michael. Godwin dejjem ried jiċċelebra. Għax dak huwa l-Belti vera. Bix-xalla tal-Palestina ma’ għonqu, Godwin ried jiċċelebra lit-tfal tad-Dijuballi, mimlija talenti u b’karattri mimlija esperjenza. Lill-għażiża ommu u lill-familja tiegħu. Lill-familja Beltija meta tkun rebbieħa fil-ballun. Il-kultura Beltija.

11 ta’ Marzu 2018 – Godwin ġewwa Ta’ Qali – lest sabiex niċċelebraw!

Ried li nieqfu nitbikkmu, nipparteċipaw u mmiddu jdejna. Ried li permezz t’hekk, min imexxi jemmen fit-talba tiegħu għal-aktar rispett lejn il-Beltin. Ħasra li l-biżà tiegħu li Sant Iermu ser jittieħed lill-Beltin u mill-Karnival, qed titħawwar f’realtà li ser tifga l-ħolm ta’ dan ir-raġel kemm f’ħajtu u kemm wara mewtu.

Godwin ried li anki jekk mifluġin bil-mard, nafdaw f’Alla dejjem u noħorġu nifirħu b’dak li għandna u niċċelebrawh flimkien. Ried li fid-diffikultà u bid-difetti kolla tiegħu, ikun b’xi mod influwenza pożittiva lil ta’ madwaru.

Naħseb int li qrajt s’hawn, taqbel miegħi jekk ngħid li rnexxielu mija fil-mija!

Grazzi l-Iljun! Ħu ħsiebna – kif tlabtek is-Sibt li għadda. Narak!

Ħolma ta’ Tifel

Għadni kif irritornajt mill-lezzjoni tas-Soċjoloġija ġewwa l’Università ta’ Malta u llum missejna mal-argumenti ta’ Marx dwar Dialectical Materialism.

Ma rridx intawwal, għax illum il-ħin limitat. Qam l-argument dwar il probabiltà kbira li studenti li jaslu sa livell Universitarju ta’ studju, ġejjin minn familji ta’ klassi medja jew klassi għolja.

Bdejt noqmos. Inħoss li din hija biss impressjoni li nitrawmu fiha u ngħixu biha – aktar milli realtà.

“Sfortunatament hija realtà” qalli l-għalliem.

Dettall minn “i was naive” minn Laura Satoko

Nemmen li kull persuna, hu x’inhu l-kuntest familjari, finanzjarju u soċjali tagħha, għandha jkollha l-opportunitajiet kollha miftuħa. L-ebda stigma ta’ klassi, l-ebda mentalità trapassata minn ġenerazzjonijiet, l-ebda struttura reliġjuża jew politika u wisq anqas l-ebda kuntest finanzjarju.

Kull bniedem għandu dritt sħiħ li joħlom, li jaspira u anki jekk is-soċjetà, speċjalment dik tal-Punent taf tkun ostili għall-ħolm individwali f’ġieh id-demokraziji, dan id-dritt jibqa intatt.

L-ebda “baruni”, l-ebda kapitalista mill-klassi għolja ma jista jċaħħad lil tifel ta’ 8 snin fi skola tal-gvern – b’żarbun miekul mit-trabijiet, li jiskarta xi lezzjoni biex jilgħab il-ballun fix-xita ma’ sħabu u li jilgħab b’ballun magħmul mill-karti – milli joħlom, kull ħin u kull mument.