Tag: politika

Deputati ribelli

Ħsieb ħafif f’ġurnata mimlija mpenji u sorpriżi xejn sbieħ.
Ftit tal-minuti ilu qallibt facebook u nnutajt kif dawk il-ħbieb tiegħi uffiċċjalment mgħammda blu u li ċedew l-libertà li ma jkunux partiġġani, għaddejjin fuq sforz kollettiv sabiex iwasslu messaġġi “sbieħ” dwar il-Partit tagħhom. Biss messaġġi, li, ngħid għalija, iġegħluni nidħak.
 

Ejja ninjoraw il-fatt li qed jixxerjaw materjal ippubblikat mill-paġna uffiċċjali facebook tal-Partit ħa! Biss, dan il-materjal huwa redikolu quddiem is-sitwazzjoni li qegħdin ngħaddu minnha llum.

Filwaqt li deputati fl-istess partit, b’tant irġulija, seffqu wiċċhom sabiex jirrimarkaw fejn il-Partit kien qed jiżbalja u saħansitra, qalgħu ċanfira u l-“ekwivalenti” għal tkeċċija, il-Partit illum qed jiċċelebra fatti bħat-tisbieħ ta’ Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, l-isforz sfieq sabiex tinbena skola kull sena, il-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq f’Għawdex u l-pjan li ser iwassal għall-bini ta’ kampus ġdid għall-MCAST – “biex aktar studenti jkomplu jistudjaw”.

Filwaqt li nirrikonoxxi l-intenzjonijiet tajbin ta’ dawn l-impenji, ma nifhimx l-iskop ta’ dawn il-fanfarunati f’perjodu fejn il-Partit jinsab għarwien ħuta quddiem il-poplu. Kważi, kważi huma dawn it-tattiċi li jġegħluni nitlef ċertu tama lejn dal-partit – tama li żergħu d-“Deputati ribelli” stess.

Dan, apparti ‘l fatt li kull aspett imsemmi għandu uċuh inqas sbieħ x’tirrakkonta dwaru imma li llum ngħażel li ma niffukax fuqhom.

Waħda mix-shares farseski fuq facebook illum!

Id-“Deputati ribelli” issa tkellmu. Wieħed qata’ qalbu u rriżenja mill-grupp politiku. L-ieħor, l-idealist, qed jgħażel li jikkumbatti; għadu jittama li min għażaq, jerfa’ ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jara lill-Partit jitwieled ġdid u nadif, filwaqt li t-tielet wieħed, nistħajjlu daħal ġo fosdqa sakemm terġa titfaċċa rebbiegħa ġdida. Minjaf? Il-ħasra hija li f’pajjiż mifni b’tant kriżi, issib nies li jippreferu li dan kollu ma jiġix diskuss u ssib nies oħrajn li jippreferu li dan kollu jiġi mbajjad, bħal qabar, bi ftit shares ilellxu fuq facebook.

Sadattant il-President missjunarju tagħna stqarr li quddiem dan kollu, mhux l-irwol tiegħu li jintervjeni…

Ħolma ta’ Tifel

Għadni kif irritornajt mill-lezzjoni tas-Soċjoloġija ġewwa l’Università ta’ Malta u llum missejna mal-argumenti ta’ Marx dwar Dialectical Materialism.

Ma rridx intawwal, għax illum il-ħin limitat. Qam l-argument dwar il probabiltà kbira li studenti li jaslu sa livell Universitarju ta’ studju, ġejjin minn familji ta’ klassi medja jew klassi għolja.

Bdejt noqmos. Inħoss li din hija biss impressjoni li nitrawmu fiha u ngħixu biha – aktar milli realtà.

“Sfortunatament hija realtà” qalli l-għalliem.

Dettall minn “i was naive” minn Laura Satoko

Nemmen li kull persuna, hu x’inhu l-kuntest familjari, finanzjarju u soċjali tagħha, għandha jkollha l-opportunitajiet kollha miftuħa. L-ebda stigma ta’ klassi, l-ebda mentalità trapassata minn ġenerazzjonijiet, l-ebda struttura reliġjuża jew politika u wisq anqas l-ebda kuntest finanzjarju.

Kull bniedem għandu dritt sħiħ li joħlom, li jaspira u anki jekk is-soċjetà, speċjalment dik tal-Punent taf tkun ostili għall-ħolm individwali f’ġieh id-demokraziji, dan id-dritt jibqa intatt.

L-ebda “baruni”, l-ebda kapitalista mill-klassi għolja ma jista jċaħħad lil tifel ta’ 8 snin fi skola tal-gvern – b’żarbun miekul mit-trabijiet, li jiskarta xi lezzjoni biex jilgħab il-ballun fix-xita ma’ sħabu u li jilgħab b’ballun magħmul mill-karti – milli joħlom, kull ħin u kull mument.

Franco u l-“Yes Men”

L-iktar mument li ċaqlaqni fl-aħħar ġimgħa, le, ma kienx il-goal ta’ Tim Howard, lanqas l-irwiefen tal-Ġimgħa u wisq iktar il-lecture ikkanċellat bla mistenni fit-8am.

Kienu ftit kelmiet li qaltli persuna mhux Maltija, mħarrġa u ta’ ntellet għoli ħafna li spjegatli kif hawn Malta, l-ulied Maltin jitrawwmu f’sistema edukattiva u kulturali li tiprogrammak sabiex tifhem, tobdi u tieħu post dak ix-xwejjaħ li jirtira filwaqt li ma tgħatikx iċ-ċans tqum kontriha. Kultura tal-“IVA” u tal-“Yes Sir!” fejn min jgħid “LE” isir periklu nazzjonali. Kultura servili li nġorru bħala persuni u fl-opinjoni tiegħi anki bħala pajjiż, meta nitkellmu fuq termini ewropej.

Interessanti l-punt li jsostni dan l-argument; kumbinazzjoni punt għal qalbi wkoll… it-tneħħija tal-monument tas-Sette Giugno minn quddiem il-Parlament. “L-uniċi Maltin li qamu u mietu għad-drittijiet tal-poplu twarrbu mill-iktar pjazza mportanti tagħkom” – qaltli din l-istess persuna.

Tassew! Tgħid huwa minnu li s-sistema tipprova twarrab kull persuna jew tifkira li tista tfakkar id-dritt tal-protesta u/jew id-dritt tal-poplu li jmexxi pajjiżu?

Bis-sitwazzjoni fix-xenarju politiku ta’ bħalissa, ma nsibx risposta oħra ħlief “iva” ċara u tonda! Dan narah ċar bil-metodi xejn eleganti li bih qed jiġi ndirizzat id-deputat Franco Debono fuq il-midja u netwerks soċjali. Nibdew bil-Professur Henry Frendo li ndirizzah bħala “a no-quantity back-bencher”, u nkomplu bil-proġett mitiku fuq facebook fejn qed tiġi mitluba r-riżenja ta’ Debono. Kien hemm min qallu li jħobb jiekol waħdu mill-platt u biex tkompli, bħalissa qed tinġabar petizzjoni minn xi kunsill sabiex jirriżenja. Dan kollu filwaqt li issues jaħarqu li nvolvew parlamentari oħra ġew injorati – kważi kważi b’nifs qawwi ‘l barra!

Tassew sitwazzjoni tad-daħk, fejn għal darba oħra, ż-żewġ timijiet (li jaqblu biss waqt xi attività ta’ ġbir ta’ fondi fejn ikun hemm bżonn ħafna qargħa ħamra), qegħdin jużaw lill-Onerevoli Debono biex jiddefendu x-xibka qaddisa tagħhom.

Tal-PL, bdew jixgħelu x-xemgħat quddiem figuri ta’ Franco Debono, jużaw b’ċertu entużjażmu, it-termini li ħareġ bihom hu bħal “oligarkija”, “klikka” u “evil” u jibbettjaw fuq iċ-ċans li l-pożizzjoni tiegħu twassal lil Lawrence Gonzi jsejjaħ elezzjoni. Dan kollu biex jaħarqu lil kowċis, plejers u partitarji tat-tim il-blu.

Tal-PN, minn naħa l-oħra, ipenġu lil Debono (wieħed minnhom) bħala traditur, ikantaw l'”Hallelujah” lil Gonzi, u jiddeskrivu lil min jappoġġja atteġġjament bħal ta’ Debono bħala megalomaniaċi. Kważi kważi nħoss li hemm min minnhom diġa lesta masġar u ħabel għal dan il-Ġuda! Saħansitra hemm min qal li kien hemm il-qniepen fil-kurva sud! Sforz kollettiv sabiex ma jħallux ħjiel ta’ tort fuq il-gowler ta’ jdejh sodi u biex ma jpaxxux lill-avversarji tal-flokkijiet u peduni ħomor.

Innutajt li ftit jifhmu eżatt is-sens li hemm x’toħroġ mill-atteġġjament ta’ Debono f’dan il-mument. Hu x’inhu l-karattru ta’ Debono, huma l-pożizzjonijiet li ħa f’dal mument li naħseb ta’ min wieħed jirrikonoxxi. J’Alla li għal kuntrarju tas-Sur Engerer ma’ jaqsamx il-pitch u għal kuntrarju ta’ JPO ma jibqax fejn hu, kontra qalbu! Naħseb wasal iż-żmien li bħalu nisħqu li hemm bżonn tinbidel il-mentalità fejn il-Partiti jiġu qabel l-iStat. Fejn hemm bżonn ma naċċettawx aktar sistemi fejn il-klikek igawdu.

U jekk jifdallek dubju kemm dan huwa minnu, tidħol facebook u ssib diskursati hekk minn partitarji nazzjonalisti:

Issib ukoll diskussjonijiet simili minn partitarji laburisti li filwaqt li jittamaw f’elezzjoni minn fuq l-għoġol sagrifikat, jiddiskutu kif fil-futur, persunaġġi “perikolużi” bħalu ma għandhomx jitħallielhom ċans li jkunu fil-Parlament! Li ma jmurx jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi fit-tmexxija u jtellfuhom mill-poter:

X’nikkonkludi minn dan kollu? Nikkonkludi li l-aqwa deskrizzjoni li qatt ingħatat tal-akbar 2 partiti Maltin irnexxielu jgħatiha biss is-Sur Norman Lowell. Nikkonkludi li l-Prim ħa erbgħa snin sabiex jgħati każ ideat validissimi ta’ wieħed mill-MPs eletti, li ġenwinament jidher entużjast u lest li jaħdem. Nikkonkludi li min illum qed jitmejjel b’rappreżentant tiegħu/tagħha għax ftaħar bir-riżultati tal-iskola filwaqt li jinsa li dan tkellem ukoll dwar realtajiet li kienu qed jintefgħu taħt it-tapit, ma jafx jiżen is-serjetà tal-politika! Nikkonkludi li dak huwa autogol u li dawn il-Yes Men huma il-vera Skarjota. Dak li xeħet dawl fuqu Franco Debono huwa iktar importanti mill-persunaġġ u m’għandux jiġi njorat, huwa x’inhuwa s-sors!

Minn 1 sa 5; il-kriżi u r-ristoranti mimlijin

Triq ir-Repubblika miżgħuda bin-nies. Il-ħwienet mimlijin sa ruħ ommhom u bħalissa lanqas noħlom nibbukkja ikla, imqar waħdi. Allura fejn hi l-kriżi? Fejn huma l-Maltin imbikkma għal żieda fil-paga jew għax għola l-fuel? Fejn huma l-koppji żgħar li qed jippjanaw sabiex fil-Milied tal-2060 jiccelebraw il-ħlas tas-self li ħadu mill-Bank dinji li ser jgħalaq xi ħames friegħi lokali?

minn Malta Today

Ittih tort lil Prim jistaqsi dan kollu u jiftaħar li l-ekonomija Maltija sejra ħażin minħabba x-xenarju dinji biss? Ittih tort lil Prim jindika li l-mod kif investejna s’issa għandu jibqa’ jsir? Allura bir-raġun li għandna biex niftaħru għar-riżultati li ġibna din is-sena u għal dan il-ġid li qed jiccirkondana.

minn Times of Malta

Stqarrejt b’mod car l-ammirazzjoni kbira tiegħi lejn il-komiku Taljan, Maurizio Crozza. Artist ntelliġentissimu, li jaf dak li qed jitħadded dwaru. Artist li b’ironija u stil liema bħalhom, jikxef id-difetti fix-xenarju politiku Taljan. Ħasra li din il-ġimgħa ser naraw l-aħħar edizzjoni tal-prestazzjjonijiet tiegħu ta’ 90minuta f’ITALIALAND.

F’mumenti nisma lil Crozza u nistħajlu qed jirreferi għal Malta. Ninduna kemm iż-żewġ xenarji politici huma f’sitwazzjoni ‘komika’ simili, b’Ministri li tista xxebbaħhom ma’ persunaġġi tal-films animati ta’ Walt Disney. Joħroġli d-dmugħ meta nisimgħu jistaqsi dwar Ministru li ma jifhimx x’iġifieri jnaqqas il-paga tiegħu ta’ €31.000 fix-xahar… u  niftakar kif anki f’Malta, numru mdaqqas ta’ Ministri ma ħasbuhiex darbtejn li jieħdu żieda ta’ €500 fil-ġimgħa!

Bħalissa ftit ikollok cans taqra u allura ser ngħażel li nieqaf hawn. Ngħalaq bil-kumment ta’ l-istess Crozza li filwaqt li kien qed jitħadded dwar Berlusconi, kważi kważi ħsibtu qed jikkwota lil Prim jew xi Ministru prominenti Malti. Filwaqt li għadd minn 1 sa 5, wassal messaġġ inkonfondibbli lil dawk li jridu jisimgħu.

Insellimlek u nawguralek Milied hieni.

Jiddependi – minn fejn tħares

Lou Bondì – probabbli wieħed mill-aqwa ġurnalisti televiżivi Maltin ngħiduha kif inhi – specjalment jekk tqis is-success li kellha kull trasmissjoni li dderieġa. Insegwi u nammira l-metodi assertivi u mill-ifjen kif jipprova jixref jisposta minn fuq ilsien il-mistieden, kważi priża, tiegħu, imma nispicca rritat u rrabjat quddiem il-mod kif kull argument jispicca b’xi mod jinterpretah minn perspettiva li tixħet dawl sabiħ fuq il-Partit Nazzjonalista u persunaġġi relatati – specjalment f’daż-żmien prekarju.

Eżempju car illejla: id-diskussjoni titratta l-vot ta’ fiducja li l-Prim Ministru talab lil Parlament. Bondì jibqa jiddeskrivi l-vot tal-PL bħala vot sabiex jaqa’ l-Gvern minflok vot kontra din il-mozzjoni tal-Prim! Il-perspettiva li tixħet dell fuq l-oppożizzjoni terġa tirrenja. U nistaqsi għalfejn ġaladarba jidhirli li Bondì huwa ġurnalist indipendenti.

Wara ftit – Bondì jqajjem argument off the cough sabiex il-mistieden Anġlu Farrugia, jfiehem għalfejn il-PL m’għandux fiducja fil-Prim. X’ikun l-argument off the cough? – lanqas temmen, il-Libja! L-uniku xenarju politiku fejn iż-żewġ partiti qablu u fejn il-PL ħadmu id f’id mal-Gvern. L-uniku xenarju fejn Anġlu Farrugia ma setgħax jikkritika lil Prim. Lanqas fis-Super 5 ma taħqrek hekk ix-xorti għażiż Sur Farrugia!

Interessanti l-pressjoni sabiex ikun jaf il-pjanijiet li għandu l-PL jekk dan ifettillu jkun fil-Gvern imma fl-istess ħin juri filmat fejn il-Prim illejla fil-Parlament iccelebra l-fatt li l-protesta tal-Ġimgħa li għaddiet, ma kinetx ta’ pensjonanti li mhux ilaħħqu mal-ħajja, ta’ familji bil-ġuħ jew ta’ studenti li m’għandhomx access għall-edukazzjoni, imma ta’ nies li sabu li r-riformi fit-trasport pubbliku ma ffunzjonawx! Tibqa’ bla kliem – imma wara kollox huwa l-airtime tiegħu, ngħiduha kif inhi! U allura ħa nħallih bi kwietu issa.

Qed ngħixu politika fejn minflok nammettu żbalji ħoxnin li qed isiru fl-amministrazzjoni bħalissa, nippuntaw subajna u kważi nwaħħlu f’min jixtieq u jaspira li jmexxi fis-snin li ġejjin! Il-Prim, minflok jirrealiżża li għandu l-poter, u allura c-cans li jtejjeb il-pajjiż, jibqa jistaqsi għaliex il-kap tal-oppożizzjoni mhux jgħati proposti u ideat!

Minflok nirrealiżżaw il-ħxuna (le mhux tar-ritratt streccjat ta’ Franco Debono waqt Bondi+) ta’ deciżjonijiet irresponsabbli li setgħu saru, nibqgħu niccelebraw lill-Prim li waqt xi diskussjoni tenna li “filwaqt li f’Malta qed nargumentaw fuq it-Trasport Pubbliku, fil-Grecja qed jiddiskutu l-kriżijiet tal-Ewropa”.

Kif jgħid seħibna Jarabe de Palo fil-kanzunetta singolari tiegħu “Depende”, huwa krucjali l-punt minn fejn tħares lejn id-dinja sabiex tinterpreta dawn is-sitwazzjonijiet. Jiddependi iva; jekk tħarisx minn nuccali b’lentijiet blu jew lentijiet ħomor. Jiddependi iva; jekk intix intelliġenti biżżejjed li ma tilbisx nuccali u tara l-kuluri vera tar-realtà.

Għaddiet serata oħra fejn il-Parlament grottesk Malti (li għalieh Renzo Piano ikkomprometta r-reputazzjoni tiegħu mal-Maltin) reġgħa vvota 34/35. Vot li jħalli lil Partit fil-Gvern jiccelebra l-gażaża li għandu f’ħalqu filwaqt li għandu l-ħarqa mimlija residwi jintnu. Vot li jħalli lill-oppożizzjoni tibki għall-istess gażaża li taf li ma għandiex cans għaliha! Vot li probabbli ser jiżdied fl-istorja u jintesa għax il-poplu tant hu aljenat li xorta waħda għadu jlibbes in-nuccalijiet lill-uliedu sa mit-twelid; hekk kif għadha trawwmu l-media ġeneralment immatura maltija.

Diżgustanti!

Prattici politici alternattivi

Bħal fuq mejda fejn fuq naħa ssib ħlewwiet liema bħalhom u fuq oħra ssib ikel imżewwaq b’kaloriji numerużi, ix-xenarju politiku Malti. Għaldaqstant, tiġi xewqa naturali li tfittex platti ġodda.

Michael Briguglio waqt dawn is-sbatax -il minuta fl-istudjo ta’ Lou Bondì, ħallieli togħma tajba. Nammetti li l-karriera mużikali mżewwqa ta’ Briguglio teffettwani filli nħares lejh bħala bniedem li ma jgħix fuq pedistalli għaldaqstant mhux sorpriż bid-deskrizzjonijiet u l-kritika tiegħu lejn iż-żewġ partiti l-kbar.

Sfortunatament hemm principji tal-AD li xorta waħda ma naqbilx magħhom, specjalment l-ecitament li jesprimu lejn l-Unjoni Ewropea, biss, nistqarr li hija issue minuri meta nqabbilha mal-opportunità li dan il-pajjiż jista sa fl-aħħar ikollu rappreżentant minn partit ieħor fil-Parlament.

Uħud isostnu li dak ikun xenarju perikoluż. Iżda kemm hu aktar perikoluż ix-xenarju ta’ vot ta’ fiducja dwar Ministru, li jiġi konkluż b’vot retoriku ta’ Speaker li m’għandux għażla ħlief li jissapportja l-idea tal-gvern? Nippreferi vot maħsub ta’ kandidat “liberu” miż-żewġ partiti l-kbar milli vot indeskrivibilment patetiku fl-għola struttura politika ta’ dan il-pajjiż “suppost” avvanzat!

Nittama biss li specjalment quddiem il-vot ta’ fiducja għall-gvern li ser jittieħed nhar it-Tlieta, l-AD jirrealiżżaw l-imminenza ta’ elezzjoni. Nittama li għaddiet minn rashom l-idea li jattiraw fosthom parlamentari li għandhom opinjoni bħal Jeffrey Pullicino Orlando, Cyrus Engerer u Franco Debono. Nidħak meta naħseb kif dawn it-tlieta għadhom jimmilitaw f’partiti, li għandhom rashom fir-ramel tal-istatuti. Il-każ ta’ Engerer huwa iktar inkoncepibbli meta tqis li dan niżel minn fuq Ostrich biex jirkeb oħra!

Persunaġġ ieħor li nara fix-xenarju politiku mhux partiġġan huwa żgur ix-xjentist, kandidat għal premju Nobel, Marco Cremona. Nispera fil-ħanin Alla li persunaġġ tant validu ġie kkonsultat u/jew ikkunsidrat minn Briguglio!

Issa naraw. Forsi l-magni kummercjali tal-AD huma żgħar jew saħansitra ineżistenti imma żgur li hemm meżżi u modi kif tasal iktar u tasal aħjar. Illum hemm faxxa ikbar ta’ poplu li qamet mill-aljenazzjoni politika u hija din il-faxxa fejn l-AD għandha tibbaża l-ħidma tagħha.