Tag: jesmond mugliett

Deputati ribelli

Ħsieb ħafif f’ġurnata mimlija mpenji u sorpriżi xejn sbieħ.
Ftit tal-minuti ilu qallibt facebook u nnutajt kif dawk il-ħbieb tiegħi uffiċċjalment mgħammda blu u li ċedew l-libertà li ma jkunux partiġġani, għaddejjin fuq sforz kollettiv sabiex iwasslu messaġġi “sbieħ” dwar il-Partit tagħhom. Biss messaġġi, li, ngħid għalija, iġegħluni nidħak.
 

Ejja ninjoraw il-fatt li qed jixxerjaw materjal ippubblikat mill-paġna uffiċċjali facebook tal-Partit ħa! Biss, dan il-materjal huwa redikolu quddiem is-sitwazzjoni li qegħdin ngħaddu minnha llum.

Filwaqt li deputati fl-istess partit, b’tant irġulija, seffqu wiċċhom sabiex jirrimarkaw fejn il-Partit kien qed jiżbalja u saħansitra, qalgħu ċanfira u l-“ekwivalenti” għal tkeċċija, il-Partit illum qed jiċċelebra fatti bħat-tisbieħ ta’ Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, l-isforz sfieq sabiex tinbena skola kull sena, il-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq f’Għawdex u l-pjan li ser iwassal għall-bini ta’ kampus ġdid għall-MCAST – “biex aktar studenti jkomplu jistudjaw”.

Filwaqt li nirrikonoxxi l-intenzjonijiet tajbin ta’ dawn l-impenji, ma nifhimx l-iskop ta’ dawn il-fanfarunati f’perjodu fejn il-Partit jinsab għarwien ħuta quddiem il-poplu. Kważi, kważi huma dawn it-tattiċi li jġegħluni nitlef ċertu tama lejn dal-partit – tama li żergħu d-“Deputati ribelli” stess.

Dan, apparti ‘l fatt li kull aspett imsemmi għandu uċuh inqas sbieħ x’tirrakkonta dwaru imma li llum ngħażel li ma niffukax fuqhom.

Waħda mix-shares farseski fuq facebook illum!

Id-“Deputati ribelli” issa tkellmu. Wieħed qata’ qalbu u rriżenja mill-grupp politiku. L-ieħor, l-idealist, qed jgħażel li jikkumbatti; għadu jittama li min għażaq, jerfa’ ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jara lill-Partit jitwieled ġdid u nadif, filwaqt li t-tielet wieħed, nistħajjlu daħal ġo fosdqa sakemm terġa titfaċċa rebbiegħa ġdida. Minjaf? Il-ħasra hija li f’pajjiż mifni b’tant kriżi, issib nies li jippreferu li dan kollu ma jiġix diskuss u ssib nies oħrajn li jippreferu li dan kollu jiġi mbajjad, bħal qabar, bi ftit shares ilellxu fuq facebook.

Sadattant il-President missjunarju tagħna stqarr li quddiem dan kollu, mhux l-irwol tiegħu li jintervjeni…