Tag: franco debono

Bloggers (mhux) alternattivi

Fost riċerka u xogħol akkademiċi u xi biċċa xogħol b’risq il-ħobżna ta’ kuljum, mawra qasira fuq facebook ma tħallinix bi kwieti. Innutajt kif Carmel Cacopardo fl-aħħar jiem ikkritika b’mod kostruttiv il-ħatra ta’ Franco Debono sabiex jieħu ħsieb il-konvenzjoni Kostituzzjonali. Saħansitra ftit minuti ilu ngħaqad miegħu James Debono tal-MaltaToday li filwaqt li għaraf il-merti ta’ Franco Debono, saħaq, l-istess bħal Cacopardo, u l-Partit Nazzjonalista, li Debono huwa persunaġġ ‘divisiv’. Tali raġunamenti jħalluni lampa stampa u b’geddumi mdendel fuq il-mejda!

Ma naffordjax nikteb fit-tul illum għax diġà erbgħa u għoxrin siegħa ma jservunix, aħseb u ara! Se ngħamel biss osservazzjoni ċkejkna madwar il-blog ta’ Cacopardo u dak ta’ James Debono. Bħal li kieku taqbad karozza u taqlibha rasha l-isfel u targumenta li l-karozza ma tistax timxi, l-istess l-argument tagħhom, f’għajnejja.

Ta’ min niftakru li Franco Debono safa ntitolat “irrelevanti” mill-kap tal-PN u ġie miċħud kull ċans li jerġa jkun kandidat f’isem il-partit li fih kien jimmilita. Issa mill-argument ta’ dawn ħadt l-impressjoni li minħabba li fil-PN hemm min ser jibqa’ ostinat kontra kull ħaġa li toħroġ minn fomm Franco, kien ikun aħjar kieku l-Gvern għażel lil xi ħadd ieħor għal dan l-inkarigu.

Jekk, fi kliem James Debono stess, Franco huwa persuna ferm eliġibbli għal dan l-inkarigu għalfejn, huwa stess u Cacopardo jgħażlu li jċedu l-armi għall-ostinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista? Jaqaw jippreferu li f’pajjiż demokratiku u Ewropew, ngħatu każ dawn it-tattiċi ta’ biżà u ma ninnominawx lill-aktar persuna xierqa għal kariga? Minflok, għalfejn ma jeħduhiex qatta bla ħabel kontra l-injoranza patetika li qed tirrenja f’Partit, jew aħjar, xi klikka minnu li ntenzjonalment tgħażel li tibqa’ ostili quddiem l-enerġija u l-motivazzjoni ta’ Franco!

Ma ngħamlux mod li jekk il-PN ma jibdiex jivvota favur l-emendi tajbin issuġġeriti minn Franco, ikun it-tort ta’ Franco stess jew tal-Gvern li nnominah, hux hekk?

Baqgħu reqdin

Sa mit-tieni nofs tas-sena 2011, inti li qed taqra dan l-artiklu probabbilment kont wieħed minn dawk li kkritikajt qatta bla ħabel lill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono meta dan, b’responsabbiltà kbira ħareġ jikkritika fil-pubbliku dak li skont hu kien sejjer żmerċ taħt it-tinda l-blu. Illum, kif taf, Debono m’għadux membru fil-Parlament. Illum il-Partit li fih kien jimmilita Debono m’għadux fil-Gvern wara telfa elettorali ta’ dimensjonijiet li jaf biss Rocco Siffredi.


Il-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu 2013; it-8:30 u Malta Today ippubblikat storja fejn l-eks Deputat Jean-Pierre Farrugia, b’mod tant assertiv, ħareġ jagħmel stqarrijiet simili għal dawk ta’ Debono. Dan wara li anki d-Deputat Robert Arrigo għamel l-istess ftit ġranet wara l-elezzjoni. Farrugia jisħaq li ma jistax jassoċja ruħu mal-modus operandi tas-sistema preżenti tal-Partit.

– Ġieli smajt l-alarm iwerżaq filgħodu, bqajt titgħażżen, u x’ħin ġejt f’tiegħek irrealiżżajt li tlift dak l-avveniment li tant xtaqt tattendi għalih? Lili ġratli u għadha tiġrili spiss. F’tali mumenti tħossok personifikazzjoni glorifikata tal-inutilità. Kif jgħid il-Malti “min jorqod ma jaqbadx ħut”. L-istess nistħajjel lil dawn il-kandidati li bħalissa qed joħorġu jferfru rixhom kontra l-Partit. –

Imma, ngħid jien, intom taħsbuna boloh? Fejn kontu xahar ilu? Iċapċpu taħt it-tinda jew fuq xi palk ma kull “…għal ġol-ħaaaajt!”? B’irresponsabilità kbira, mhux talli ma urejtux sapport lill-kollega tagħkom Debono meta dan, waħdu u fil-ħin opportun għall-poplu, ħareġ jistqarr il-verità, iżda saħansitra pparteċipajtu f’omertà sabiex dan l-istess grupp politiku li llum qed tikkritikaw, jibqa’ fil-Gvern. Quddiem dan kollu l-poplu Malti wera li ma kienx rieqed; għażel triq ġdida u llum il-Partit tagħkom qed ifittex riġenerazzjoni mportanti. U hawn fejn bħal qisu waqa’ it-trab minn għajnejnkom!

Issa meta “kulħadd huwa bravu”, tajjeb infarfru miżien u naraw min tassew aġixxa fl-interess tal-poplu u min, minn naħa l-oħra, ħaseb biss li ma jħaqqaqhiex mal-Partit. Ħafna nterpretaw il-mod dirett u assertiv ta’ Debono bħala reazzjoni goffa għal nuqqas ta’ gwadann personali li rċieva. Quddiem l-istqarrijiet friski ta’ Arrigo u Farrugia, dawn l-interpretazzjonijiet ġew ridimensjonati jekk mhux imgiddba. Illum ħareġ ċar min kienu dawk li sikktu, irrispettivament mill-bżonn tal-poplu li jkun jaf il-verità.

Fl-aħħar snin, ftit kienu dawk fost il-poplu li għarfu t-tempiżmu u d-dożaġġ fl-interventi ta’ Debono, iżda llum ħafna qed jirrealiżżaw kemm kien aħjar ‘titpastaż’ għal ġid tal-poplu milli tiskot għall-ġid ta’ Partit, jew, kif penġewh, it-tîm tal-futbol. Hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, bdew ifaqqsu ħafna Tumasijiet li rrealiżżaw il-validità ta’ Debono meta raw b’għajnejhom x’qal il-poplu u x’qed jgħidu varji deputati u ex-deputati.

Lil dawn id-Deputati ma nistax nifhimhom. Baqgħu reqdin u filwaqt li l-Partit tagħhom laqqam lil Franco “irrelevanti” għall-Partit, huma nstemgħu jonħru. Baqgħu reqdin; injoraw lil min stqarr minn qabel, dak li issa, anki huma qed jammettu li kien fatt. U allura illum kif ser jiġu ġġudikati dawn il-predikaturi li stenbħu tard? – “irrelevanti” għall-Pajjiż?

L-ewwel anniversarju “Mela jien il-pappagall tiegħek?”

Sal-bidu tas-sena 2012, l-ewwel appuntament li kont nistenna bi ħġari ma’ l-avvent ta’ sena ġdida kienet tkun il-ġurnata tat-28 ta’ Jannar, jum twelidi, biss, bħall-llum sena, dan kollu nbidel. Ili ftit jiem issa nistenna dan il-jum tal-10 ta’ Jannar sabiex “niċċelebra” l-ewwel anniversarju tal-edizzjoni memorabbli tal-programm Bondi+ flimkien mal-mistieden, id-Deputat Franco Debono.

Kienet serata li ħafna segwew b’interess, mhux biss għax id-Deputat ‘ribelli’ kellu ċans ieħor sabiex iwassal ħsibijietu iżda wkoll għax b’mod tassew mhux mistenni l-programm ġie estiż b’numru ta’ minuti.

Iżda illum, wara sena, x’fadal minn dik is-serata? Personalment l-iktar fatt importanti, ma hux l-element ta’ rebħa argumentattiva li ħafna kienu attribwixxew lid-Deputat fil-konfront tal-preżentatur. Lanqas il-mod kif l-iskeda ta’ TVM akkomodat dan il-programm. F’moħħi jibqgħu mpressi żewġ frażijiet, illum ċelebri, li ħarġu bl-aktar mod spontanju imma profond minn fomm Franco Debono. Huma frażijiet li llum nirrikonoxxi kemm jidentifikaw il-personalità tiegħu.

Illum li kelli x-xorti niltaqa’ u nitħadded ma’ Franco Debono, nilmah fih personalità li ma taċċettax li tkun pappagall ta’ xi ideoloġija staġnata, Personalità li b’ħafna ħeġġa u emozzjoni, tinsa lilha nfisha u titbaqbaq favur id-drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem f’kull aspett tal-ħajja. Illum napprezza li dak li rajt u smajt fil-kaxxa ta’ John Logie Baird fl-10 ta’ Jannar 2012 kiber f’realtà, tassew relevanti, bħal għeruq li jfittxu li jrawwmu l-identità; l-identità tal-poplu Malti fi ħsieb liberu.

Minħabba li l-verżjoni sħiħa tal-programm imsemmi, ma tinstabx fuq l-internet, hawn hu r-rapport ta’ ONE News dwar l-imsemmi programm.

Ikolli ngħid, mument li b’mod permanenti, ċaqlaq il-pedamenti tal-midja, il-politika u l-ħsieb tal-poplu Malti.

Manipulazzjoni fix-xandir

Dal-pajjiż ilu jgawdi minn Awtorità tax-Xandir sa mill-1961. B’mandat li tkun ta’ tarka fuq l-informazzjoni li tixxandar fil-midja lokali, hija tissalvagwardja l-verità fil-kontenut u fl-obbligi kummercjali u amministrattivi.

Nixtieq illum inqajjem punt dwar kemm l-awtorità hi ddedikata u mħarrġa sabiex anki tissalvagwardja eventwali manipulazzjoni ta’ messaġġi. Għalfejn qed ngħid dan?

Qegħdin f’kampanja elettorali mhux uffiċċjaliżżata u bħalma nħobb ngħamel dejjem, nipprova nsegwi l-aħbarijiet taż-żewġ partiti politiċi. Huwa minnu li meta tara l-aħbarijiet mgħaġuna minn oppożizzjoni, tħoss li l-aħħar tad-dinja huwa diġa’ magħna kif huwa minnu wkoll li meta tisma l-aħbarijiet skont il-Partit fil-Gvern, tħoss li t-tieni miġja ta’ Kristu taf tkun kemmxejn inutli fl-istat idilliku li ngħixu fih. Storja antika, li nifhem ukoll. Dan qisek qed tara l-Milan Channel u l-Inter Channel qabel d-derby tal-Madonnina!

Li jdejjaqni huwa meta b’mod sfaċcat u makakk – anzi, jkolli ngħid, b’ammont ta’ ħażen – il-gruppi editorjali tal-Partiti, jitolbu lill-persuni tekniċi u kreattivi tagħhom sabiex jeditjaw filmati bi skop li dawn jiġu jinfthemu b’mod differenti. M’huwiex dan manipulazzjoni tax-xandir? Ma huwiex dan fid-dover tal-Awtorità li tikkoreġih? Ġurnalisti, edituri, fotografi u grafiċi professjonali qatt ma tgħallmu r-regola li fil-ġurnaliżmu, l-ewwel dover hu li tgħid il-verità?

Il-problema tkompli tiggrava meta tinduna li anki nies ta’ ċertu kalibru u ntelliġenza, qed jaqgħu għal din il-manipulazzjoni – aħseb u ara l-poplu fit-triq! Bħalissa qam id-dibattitu dwar il-famuża paga minima. U hawn ġara bużillis kbir li tani mbuttatura sabiex nikteb din in-nota! Filwaqt li Joseph Muscat qal proposta minn tiegħu, li sinċerament ma nistax nikkummenta fuqha għax minix ekonomista, il-midja tal-Partit Nazzjonalista, għażlet li teditja l-filmati b’tali mod li 1) tibdel il-ġist tal-kontenut 2) tixħet dawl qarrieqi fuq il-proposta 3) tgħati mpressjoni li min attenda għad-dibattitu ukoll kien qed jibilgħu f’għajnu b’dak li kien qed jintqal. Bqajt imbellah nara l-verżjoni tagħhom! Biss, kull bniedem responsabbli u ta’ ftit idea dwar editing, jaf biżżejjed kif sar il-cutting tal-immaġini, u tal-audio, l-għażla tal-mużika u t-ton tal-vuċi! Hemm għalfejn nispjega dak ukoll?

Hawn hu x’qal Joseph Muscat. Ara l-vidjo.
Hawn hu kif xandarha l-Partit Nazzjonalista. Ara l-vidjo.
Kif żewwaqha aktar l-Partit Nazzjonalista. Ara l-vidjo.

Manipulazzjoni oħra hija l-użu tal-kelma “deċiżjoni/wegħda (ta’ Muscat li jiffriża l-pagi)”, minflok “proposta”. Ninża l-kappell lill-istrateġisti tal-PN imma nitqażżeż ninnota l-ammont ta’ makakkerija qarrieqa li tintuża f’kuntest tant importanti għal poplu.

Dħalt facebook u sibt li anki Michael Briguglio (Chairperson and spokesperson for Economic Policy and Culture of Alternattiva Demokratika) qed jiġi nfluwenzat billi jgħid It baffles me how a new middle class can be built whilst denying workers an increase in the minimum wage.”  

Minjaf fejn hi l-Awtorità tax-xandir? Ftit editing jaf jibdel l-ġist ta’ diskursata imma naħseb lanqas riefnu qawwi ma jibdel il-klikkek partiġġjani ħomor u blu li jeżistu nfilsati kullimkien! Filwaqt li f’Madrid il-poplu niżel jieħu sodisfazzjon fuq id-drittijiet tiegħu, hawn Malta l-poplu mar iċapċap lil min qed iwaħħalulu ħelu ħelu, kuljum u jbellgħalu nformazzjoni manipulata! Ħasra li anki l-PN qed ikompli jaqa’ għar-redikolu meta jippromwovi din l-attitudni fil u mill-midja tiegħu. Jien quddiem dan kollu ma nista’ ngħamel xejn ħlief nikkummenta, ngħati raġun lil Franco Debono u nsaħħaħ  l-għażliet tiegħi lejn elezzjoni oħra!

It-tielet Partit

Kif ngħamel ta’ spiss, dħalt naqra l-blog tal-‘king’ Franco Debono, li bħalma stqarrejt kemm -il darba, għandi ammirazzjoni kbira lejh. Qrajt il-kitba tiegħu tas-26 ta’ Settembru, dwar l-idea tat-tielet partit politiku u minħabba li ili snin neqred b’din l-idea, ma stajtx ma nirriflettix ftit fuq dak li kiteb.

Nikkwota parti minn email li ktibt fit-2 ta’ Settembru,

Ili snin ngerger li s-sistema dualista tal-parlament u l-politika ngenerali Maltija hija bażwija. Ittamajt fl-AD izda ghalxejn. Iva nemmen li t-3 partit huwa bzonnjuż immens. Hemm bżonn titwaqqaf il mentalità fejn il-partiti jfittxu ftit ‘yes sirs’ u jrawwmuhom bħala kandidati fidili li jgħidu iva għal kollox!

Għandi opinjonijiet varji rigward l-idea. Nemmen f’kandidati ndipendenti eletti fil-Parlament u f’aktar għaqdiet rappreżentattivi. Noħlom ukoll li partit ġdid ikun iddistakkat kompletament mill partiti preżenti kemm bħala mmaġini, kif ukoll bħala isem. Wisq nibża’ li b’titlu li jinkorpora fih il-kliem “Partit” u “Nazzjonalista”, dan jaf jiġi nterpretat bħala klikka ġdida b’fundamenti simili għal tal-Partit Nazzjonalista u allura jgerrex lil kull min maż-żmien, tgerrex mill-bejta l-blu u lil min, frott l-injoranza, dejjem ra l-blu bħala kulur l-għadu.

Nemmen f’għaqda jew assoċċazzjoni li ssemma’ leħinha fuq dak kollu li jkun qed jiġri u mhux biss dwar dak li jinteressa lilha biss. Hawn fejn inħoss li tfalli l-Alternattiva Demokratika. Nemmen f’għaqda u mhux f’Partit li jitolbok tħallas membership u li jħeġġek tinżel tpaqpaq meta jiskorja! Il-politika mhix partita futbol! Nemmen f’Madrid fejn il-poplu jirreaġixxi kontra min imexxih ħażin u mhux jibqa’ passiv. U hawn nħeġġek tara dan l-intervent ta’ Maurizio Crozza li jitkellem madwar l-istess punt.

Nittama li int li qed taqra, tgħaraf ma tibżax tinħall mill-irbit ta’ kultura li rawwmitna ngħażlu bejn aħmar u blu; inġelldu l-aħmar u l-blu; nikkategoriżżaw f’aħmar u blu; nirraġunaw f’aħmar u blu! Xi wħud jgħiduli “imma dan kollu ħolm Pawl! Trid tkun prattiku!” Jien ngħid… kieku ħadd qatt ma’ ħolom, kieku għadna niġġerrew Għar Dalam!

Nittama li l-lirika tal-grupp Sempliċiment tat-Triq isseħħ tassew: “Ħabib, ir-revoluzzjoni qegħda fil-qrib” (mill-kanzunetta ‘Qumu minn hemm’)

Deputati ribelli

Ħsieb ħafif f’ġurnata mimlija mpenji u sorpriżi xejn sbieħ.
Ftit tal-minuti ilu qallibt facebook u nnutajt kif dawk il-ħbieb tiegħi uffiċċjalment mgħammda blu u li ċedew l-libertà li ma jkunux partiġġani, għaddejjin fuq sforz kollettiv sabiex iwasslu messaġġi “sbieħ” dwar il-Partit tagħhom. Biss messaġġi, li, ngħid għalija, iġegħluni nidħak.
 

Ejja ninjoraw il-fatt li qed jixxerjaw materjal ippubblikat mill-paġna uffiċċjali facebook tal-Partit ħa! Biss, dan il-materjal huwa redikolu quddiem is-sitwazzjoni li qegħdin ngħaddu minnha llum.

Filwaqt li deputati fl-istess partit, b’tant irġulija, seffqu wiċċhom sabiex jirrimarkaw fejn il-Partit kien qed jiżbalja u saħansitra, qalgħu ċanfira u l-“ekwivalenti” għal tkeċċija, il-Partit illum qed jiċċelebra fatti bħat-tisbieħ ta’ Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, l-isforz sfieq sabiex tinbena skola kull sena, il-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq f’Għawdex u l-pjan li ser iwassal għall-bini ta’ kampus ġdid għall-MCAST – “biex aktar studenti jkomplu jistudjaw”.

Filwaqt li nirrikonoxxi l-intenzjonijiet tajbin ta’ dawn l-impenji, ma nifhimx l-iskop ta’ dawn il-fanfarunati f’perjodu fejn il-Partit jinsab għarwien ħuta quddiem il-poplu. Kważi, kważi huma dawn it-tattiċi li jġegħluni nitlef ċertu tama lejn dal-partit – tama li żergħu d-“Deputati ribelli” stess.

Dan, apparti ‘l fatt li kull aspett imsemmi għandu uċuh inqas sbieħ x’tirrakkonta dwaru imma li llum ngħażel li ma niffukax fuqhom.

Waħda mix-shares farseski fuq facebook illum!

Id-“Deputati ribelli” issa tkellmu. Wieħed qata’ qalbu u rriżenja mill-grupp politiku. L-ieħor, l-idealist, qed jgħażel li jikkumbatti; għadu jittama li min għażaq, jerfa’ ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jara lill-Partit jitwieled ġdid u nadif, filwaqt li t-tielet wieħed, nistħajjlu daħal ġo fosdqa sakemm terġa titfaċċa rebbiegħa ġdida. Minjaf? Il-ħasra hija li f’pajjiż mifni b’tant kriżi, issib nies li jippreferu li dan kollu ma jiġix diskuss u ssib nies oħrajn li jippreferu li dan kollu jiġi mbajjad, bħal qabar, bi ftit shares ilellxu fuq facebook.

Sadattant il-President missjunarju tagħna stqarr li quddiem dan kollu, mhux l-irwol tiegħu li jintervjeni…

Politika deċeduta

Ma stajtx ma nieħux ftit tal-jiem sabiex inħarbex risposta lil sieħbi Robert Tabone Valletta li nhar l-Erbgħa 11 ta’ Jannar, għoġbu jħallili risposta kemmxejn twila u maħsuba sew fuq il-paġna tal-facebook tiegħi dwar il-kontribut li qed jgħati Franco Debono lix-xena politika Maltija.

Klikkja hawn biex taqra  l-osservazzjoni oriġinali ta’ Robert.

Kieku qrajt dak li qalli Robert mingħajr ma kont żammejt lili nnifsi aġġornat fuq is-sitwazzjoni, kont naqbel miegħu mingħajr diffikultà, biss inħoss li l-affarijiet ġew deskritti b’ħarira mpreċiżjoni jew taħt lenti essenzjalment anti-Debono.

Nemmen li l-kontribut tiegħu huwa konsistenti u marbut mal-valuri iktar milli l-kumdità – għall kuntrajrju tar-rutina politika deċeduta. Jiena minn naħa tiegħi ddeċidejt li nirrispondi dan il-ħsieb ta’ sieħbi Robert, li min hawn insellimlu, billi nerġa nikteb l-istess storja fuq il-qafas tiegħu stess iżda bid-dettalji li, skont jien, jitfgħu dawl aħjar fuq il-fatti.

“Immaġinani nirkeb tal-linja (għax il-poplu vvutali sabiex inkun fuqha minħabba l-assoċjazzjoni tiegħi mal-bqija tal-grupp u għax ix-xufier wiegħed li ser jgħati vjaġġ b’uċuh ġodda)… nirkeb, niġi mitlub inpoġġi fuq wara. Ninnota li x-xufier jinsab imtellef minn klikka b’konsegwenza li kultant jitlef kemmxejn il-kontroll tal-vettura. Filwaqt li s-soltu min ikun fuq wara, joqgħod kemmxejn sieket, jien nħoss li xorta għandi nsemma leħni u f’daqqa waħda f’nofs ta’ triq nibda nindika rotot oħrajn li x-xufier jista’ jieħu. Huma toroq sbieħ u mportanti għall-pajjiż imma x-xufier, li issa nissuspetta li huwa kkundizzjonat sew mill-klikka, jidher li għandu prijoritajiet oħra u li konvint ħafna minn dak li qed jgħamel, minkejja l-perikli.

Għandi ninżel fil-waqfa li jmiss bħala sinjal ta’ protesta? Le… dik tkun deċiżjoni wisq normali u għaġġelija. Allura niddeċiedi li ngħamel dak li nħoss għax wara kollox, dawk li vvutawli jistennew hekk minni. Nerġa nindika l-proposti tiegħi, darba, darbtejn, għaxart darbiet u fl-istess ħin li ninnota li anki passiġġiera oħra qed jiġu trattati ħażin jew injorati, ninduna li l-premessa inizzjali mhux qed tiġi daqstant miżmuma. Nitlob lix-xufier iwaqqafli fil-waqfa li jmiss, iktar minn darba, iżda huwa ma jixtieqx u anki sħabu ma jħallunix. F’din il-geġwiġija kollha hemm passiġġiera li kissru xi ħġieġ, oħrajn girfu l-wiċċ tas-siġġu u wieħed għoddu faqa tajer! Immaġinajt li ser iwiddbuhom u saħansitra jitolbuhom jinżlu, kif titlob l’etika fis-sewqan, biss ħadd ma qalilhom xejn – kważi kważi x-xufier beda diskursata ferriħija magħhom u spiss il-vettura titrassas ma’ xi ħajt tas-sejjieħ – u naħseb tajjarna xi żewġ motorini wkoll!

Nirrabja u ngħolli kemmxejn il-vuċi lejn ix-xufier għax mhux sew isuq b’mod perikoluż u ma jgħatix każ is-sinjali tat-traffiku. Hemm ammont kbir ta’ nies fuq barra li jinstemgħu jirrabbjaw u joffenduna. Filwaqt li l-kollegi tiegħi għadhom bilqiegħda jpaċpċu, nipprova ntella’ l-handbreak għax konna qed inqarrbu żona perikoluża. Ġib il-għaġeb, ix-xufier jimbuttani lura. Nirrabja iktar, ninduna li x-xufier mhux interessat li jwassal il-vettura fid-destinazzjoni f’kundizzjoni tajba… kważi kważi iktar jinteressah li jaslu hu u sħabu.

Niġbidlu l-attenzjoni aktar billi niġbidlu t-tmun ‘l bogħod minn dak il-ħajt li issa kien tant qrib. Jekk forsi mhux qed jara, imma kif jista jkun hekk trux u ma jindunax li kemm jien u anki dawk in-nies ta’ barra qed nindikawlu rotta li taf tkun ta’ ġid għall-proġett u l-poplu tagħna?

Ndur fuq sħabi u nuri r-rabja tiegħi lejhom għax anki huma fid-dmir li jindirizzaw dan is-sewqan perikoluż u li jista’ jwassal għall-falliment tal-proġett – biss dawn xorta jridu jafdaw fix-xufier (għax qalu li kien elett xufier u kap tal-proġett b’mod demokratiku). Uħud minnhom insibhom qed jiddieħku bijja wkoll.

Lix-xufier nindikalu li jkun aħjar jekk ġaladarba jrid li jsalva l-proġett, jċedi postu għax issa qed issir ħafna ħsara u għaldaqstant tilef il-fiduċja tiegħi! Ngħidlu darba, darbtejn, għaxra… imma jibqa ma jagħtix kasi. Qisu ħadd f’dil-vettura ma’ jrid jismagħni wkoll, iżda hemm barra jidher li anki vetturi tal-pulizija u tal-ambulanza jpaqpqu hemm sabiex forsi jiġbdulna l-attenzjoni… Le, naħseb meta jkun imiss li nimlew il-petrol, jien mhux se ngħinhom jimlew.

Forsi nirkeb il-vettura l-ħamra? Imma dawk kulma għandhom huwa loudspeaker tajjeb li naf li bħalissa jħalluni nużah kieku… imma le, aħjar le – jien ma nemminx fl-istess prinċipji. Paċenzja, jekk jinbidel ix-xufier, naraw, biss, kif għidt, naħseb fil-petrol station li jmiss, nieqaf hemm.”

Wara l-ewwel reazzjonijiet ta’ rabja u passività lejn Franco Debono issa ż-żewġ partiti l-kbar bdew it-tieni fażi tat-tattika; dik li jilgħabuha tas-sbieħ quddiemu biex forsi jirbħu s-simpatija tiegħu. Politika essenzjalment deċeduta li għandha bżonn aġġornament mill-għeruq kulturali fost il-poplu, l-ewwel u qabel kollox.

Franco u l-“Yes Men”

L-iktar mument li ċaqlaqni fl-aħħar ġimgħa, le, ma kienx il-goal ta’ Tim Howard, lanqas l-irwiefen tal-Ġimgħa u wisq iktar il-lecture ikkanċellat bla mistenni fit-8am.

Kienu ftit kelmiet li qaltli persuna mhux Maltija, mħarrġa u ta’ ntellet għoli ħafna li spjegatli kif hawn Malta, l-ulied Maltin jitrawwmu f’sistema edukattiva u kulturali li tiprogrammak sabiex tifhem, tobdi u tieħu post dak ix-xwejjaħ li jirtira filwaqt li ma tgħatikx iċ-ċans tqum kontriha. Kultura tal-“IVA” u tal-“Yes Sir!” fejn min jgħid “LE” isir periklu nazzjonali. Kultura servili li nġorru bħala persuni u fl-opinjoni tiegħi anki bħala pajjiż, meta nitkellmu fuq termini ewropej.

Interessanti l-punt li jsostni dan l-argument; kumbinazzjoni punt għal qalbi wkoll… it-tneħħija tal-monument tas-Sette Giugno minn quddiem il-Parlament. “L-uniċi Maltin li qamu u mietu għad-drittijiet tal-poplu twarrbu mill-iktar pjazza mportanti tagħkom” – qaltli din l-istess persuna.

Tassew! Tgħid huwa minnu li s-sistema tipprova twarrab kull persuna jew tifkira li tista tfakkar id-dritt tal-protesta u/jew id-dritt tal-poplu li jmexxi pajjiżu?

Bis-sitwazzjoni fix-xenarju politiku ta’ bħalissa, ma nsibx risposta oħra ħlief “iva” ċara u tonda! Dan narah ċar bil-metodi xejn eleganti li bih qed jiġi ndirizzat id-deputat Franco Debono fuq il-midja u netwerks soċjali. Nibdew bil-Professur Henry Frendo li ndirizzah bħala “a no-quantity back-bencher”, u nkomplu bil-proġett mitiku fuq facebook fejn qed tiġi mitluba r-riżenja ta’ Debono. Kien hemm min qallu li jħobb jiekol waħdu mill-platt u biex tkompli, bħalissa qed tinġabar petizzjoni minn xi kunsill sabiex jirriżenja. Dan kollu filwaqt li issues jaħarqu li nvolvew parlamentari oħra ġew injorati – kważi kważi b’nifs qawwi ‘l barra!

Tassew sitwazzjoni tad-daħk, fejn għal darba oħra, ż-żewġ timijiet (li jaqblu biss waqt xi attività ta’ ġbir ta’ fondi fejn ikun hemm bżonn ħafna qargħa ħamra), qegħdin jużaw lill-Onerevoli Debono biex jiddefendu x-xibka qaddisa tagħhom.

Tal-PL, bdew jixgħelu x-xemgħat quddiem figuri ta’ Franco Debono, jużaw b’ċertu entużjażmu, it-termini li ħareġ bihom hu bħal “oligarkija”, “klikka” u “evil” u jibbettjaw fuq iċ-ċans li l-pożizzjoni tiegħu twassal lil Lawrence Gonzi jsejjaħ elezzjoni. Dan kollu biex jaħarqu lil kowċis, plejers u partitarji tat-tim il-blu.

Tal-PN, minn naħa l-oħra, ipenġu lil Debono (wieħed minnhom) bħala traditur, ikantaw l'”Hallelujah” lil Gonzi, u jiddeskrivu lil min jappoġġja atteġġjament bħal ta’ Debono bħala megalomaniaċi. Kważi kważi nħoss li hemm min minnhom diġa lesta masġar u ħabel għal dan il-Ġuda! Saħansitra hemm min qal li kien hemm il-qniepen fil-kurva sud! Sforz kollettiv sabiex ma jħallux ħjiel ta’ tort fuq il-gowler ta’ jdejh sodi u biex ma jpaxxux lill-avversarji tal-flokkijiet u peduni ħomor.

Innutajt li ftit jifhmu eżatt is-sens li hemm x’toħroġ mill-atteġġjament ta’ Debono f’dan il-mument. Hu x’inhu l-karattru ta’ Debono, huma l-pożizzjonijiet li ħa f’dal mument li naħseb ta’ min wieħed jirrikonoxxi. J’Alla li għal kuntrarju tas-Sur Engerer ma’ jaqsamx il-pitch u għal kuntrarju ta’ JPO ma jibqax fejn hu, kontra qalbu! Naħseb wasal iż-żmien li bħalu nisħqu li hemm bżonn tinbidel il-mentalità fejn il-Partiti jiġu qabel l-iStat. Fejn hemm bżonn ma naċċettawx aktar sistemi fejn il-klikek igawdu.

U jekk jifdallek dubju kemm dan huwa minnu, tidħol facebook u ssib diskursati hekk minn partitarji nazzjonalisti:

Issib ukoll diskussjonijiet simili minn partitarji laburisti li filwaqt li jittamaw f’elezzjoni minn fuq l-għoġol sagrifikat, jiddiskutu kif fil-futur, persunaġġi “perikolużi” bħalu ma għandhomx jitħallielhom ċans li jkunu fil-Parlament! Li ma jmurx jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi fit-tmexxija u jtellfuhom mill-poter:

X’nikkonkludi minn dan kollu? Nikkonkludi li l-aqwa deskrizzjoni li qatt ingħatat tal-akbar 2 partiti Maltin irnexxielu jgħatiha biss is-Sur Norman Lowell. Nikkonkludi li l-Prim ħa erbgħa snin sabiex jgħati każ ideat validissimi ta’ wieħed mill-MPs eletti, li ġenwinament jidher entużjast u lest li jaħdem. Nikkonkludi li min illum qed jitmejjel b’rappreżentant tiegħu/tagħha għax ftaħar bir-riżultati tal-iskola filwaqt li jinsa li dan tkellem ukoll dwar realtajiet li kienu qed jintefgħu taħt it-tapit, ma jafx jiżen is-serjetà tal-politika! Nikkonkludi li dak huwa autogol u li dawn il-Yes Men huma il-vera Skarjota. Dak li xeħet dawl fuqu Franco Debono huwa iktar importanti mill-persunaġġ u m’għandux jiġi njorat, huwa x’inhuwa s-sors!

Is-SALE ta’ Jannar

Għadda l-Milied u wasal żmien is-sales. Għandek idea meta f’Diċembru ċertu ħwienet jgħollu l-prezzijiet sabiex f’Jannar jiksu l-vetrina bil-kliem SALE, SALE, SALE?

Fil-bidu ta’ din il-leġislatura Lawrence Gonzi approva żieda ta’ 500 fil-ġimgħa lill-MPs, imma issa, ftit minuti ilu ħareġ jgħid li ser ineħħiha “sabiex jgħati l-ewwel sinjal li l-Gvern qed jieħu azzjoni biex insalvaw l-ekonomija u nilqgħu għall-mewġ tal-2012”

Strateġija ta’ SALE ikolli ngħid!

Appuntu hemm fejn nerġa ntenni l-apprezzament tiegħi lejn Franco Debono meta jgħid (nikkwota mit-Times of Malta)

“What happened today means that Lawrence Gonzi, who did not resign after blatantly disrespecting the will of the majority expressed in a referendum, must now resign immediately since this is an admission that the country has gone through four years of suffering uselessly,”

u

“Today’s decisions, he said, also meant that there were characters lurking in the background and manipulating behind the scenes. “It also means that I have been right all along and every advice I have given should have been implemented without causing undue suffering to this nation, and to me.”

Ma nistax ma nirringrazzjax il-kuraġġ u stamina ta’ dan il-bekbenċer li tassew irrispetta l-fiduċja li ngħatatlu fl-elezzjoni u qam għall-ġid tas-sistema.

L-ironija hija biss li fis-Sales ta’ Jannar, ħafna minn dawn il-ħwienet xorta jgħamlu suċċess fil-bejgħ tagħhom u probabilment anki din l-istrateġija politika taf issarraf f’riżultati pożittivi għal Gonzi. Biss biss, meta tara l-insulti li jirċievi Franco Debono mill-partiġġjani nazzjonalisti fuq Times of Malta tieħu sensazzjoni li s-sales ser iħallu l-qliegħ!