Sa mit-tieni nofs tas-sena 2011, inti li qed taqra dan l-artiklu probabbilment kont wieħed minn dawk li kkritikajt qatta bla ħabel lill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono meta dan, b’responsabbiltà kbira ħareġ jikkritika fil-pubbliku dak li skont hu kien sejjer żmerċ taħt it-tinda l-blu. Illum, kif taf, Debono m’għadux membru fil-Parlament. Illum il-Partit li fih kien jimmilita Debono m’għadux fil-Gvern wara telfa elettorali ta’ dimensjonijiet li jaf biss Rocco Siffredi.
Il-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu 2013; it-8:30 u Malta Today ippubblikat storja fejn l-eks Deputat Jean-Pierre Farrugia, b’mod tant assertiv, ħareġ jagħmel stqarrijiet simili għal dawk ta’ Debono. Dan wara li anki d-Deputat Robert Arrigo għamel l-istess ftit ġranet wara l-elezzjoni. Farrugia jisħaq li ma jistax jassoċja ruħu mal-modus operandi tas-sistema preżenti tal-Partit.
– Ġieli smajt l-alarm iwerżaq filgħodu, bqajt titgħażżen, u x’ħin ġejt f’tiegħek irrealiżżajt li tlift dak l-avveniment li tant xtaqt tattendi għalih? Lili ġratli u għadha tiġrili spiss. F’tali mumenti tħossok personifikazzjoni glorifikata tal-inutilità. Kif jgħid il-Malti “min jorqod ma jaqbadx ħut”. L-istess nistħajjel lil dawn il-kandidati li bħalissa qed joħorġu jferfru rixhom kontra l-Partit. –
Imma, ngħid jien, intom taħsbuna boloh? Fejn kontu xahar ilu? Iċapċpu taħt it-tinda jew fuq xi palk ma kull “…għal ġol-ħaaaajt!”? B’irresponsabilità kbira, mhux talli ma urejtux sapport lill-kollega tagħkom Debono meta dan, waħdu u fil-ħin opportun għall-poplu, ħareġ jistqarr il-verità, iżda saħansitra pparteċipajtu f’omertà sabiex dan l-istess grupp politiku li llum qed tikkritikaw, jibqa’ fil-Gvern. Quddiem dan kollu l-poplu Malti wera li ma kienx rieqed; għażel triq ġdida u llum il-Partit tagħkom qed ifittex riġenerazzjoni mportanti. U hawn fejn bħal qisu waqa’ it-trab minn għajnejnkom!
Issa meta “kulħadd huwa bravu”, tajjeb infarfru miżien u naraw min tassew aġixxa fl-interess tal-poplu u min, minn naħa l-oħra, ħaseb biss li ma jħaqqaqhiex mal-Partit. Ħafna nterpretaw il-mod dirett u assertiv ta’ Debono bħala reazzjoni goffa għal nuqqas ta’ gwadann personali li rċieva. Quddiem l-istqarrijiet friski ta’ Arrigo u Farrugia, dawn l-interpretazzjonijiet ġew ridimensjonati jekk mhux imgiddba. Illum ħareġ ċar min kienu dawk li sikktu, irrispettivament mill-bżonn tal-poplu li jkun jaf il-verità.
Fl-aħħar snin, ftit kienu dawk fost il-poplu li għarfu t-tempiżmu u d-dożaġġ fl-interventi ta’ Debono, iżda llum ħafna qed jirrealiżżaw kemm kien aħjar ‘titpastaż’ għal ġid tal-poplu milli tiskot għall-ġid ta’ Partit, jew, kif penġewh, it-tîm tal-futbol. Hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, bdew ifaqqsu ħafna Tumasijiet li rrealiżżaw il-validità ta’ Debono meta raw b’għajnejhom x’qal il-poplu u x’qed jgħidu varji deputati u ex-deputati.
Lil dawn id-Deputati ma nistax nifhimhom. Baqgħu reqdin u filwaqt li l-Partit tagħhom laqqam lil Franco “irrelevanti” għall-Partit, huma nstemgħu jonħru. Baqgħu reqdin; injoraw lil min stqarr minn qabel, dak li issa, anki huma qed jammettu li kien fatt. U allura illum kif ser jiġu ġġudikati dawn il-predikaturi li stenbħu tard? – “irrelevanti” għall-Pajjiż?