Tag: facebook

Bambin irrelevanti

Id-dinja ma spiċċatx. Basktijiet, bozoz, ġugarelli. Uċuh mehdija fit-tlellix jew forsi fil-bambin tax-xemgħa. Orsijiet griżi jgħannqu t-tfal, rġiel xwejjħa libsin l-aħmar jiddendlu mal-gallariji, platti imdellka biz-zalza tal-fenek li issa kważi tinxtamm qarsa, rombli tal-karta iġenika u stonku għajjien.

Il-Milied. Żmien l-awguri. Dâri f’kartolina u iktar riċenti, b’sms. Illum jidher li facebook rebaħ din il-battalja wkoll. Awguri jinstabtu ma’ kull ħajt f’dan is-sît soċjali.

Il-Milied. Twelid ta’ tifel rivoluzzjonarju, għal ħafna rrelevanti; miksi taħt plastik u kartun minn tal-kaxxi mormijin, presepji f’vetrina, spallieri tal-firdiferru, ponsiettas nixfin, karti ċkejkna tal-fidda bi ħsibijiet fuqhom, remettar aċiduż u tqil, tazzi tal-ħġieġ, tappijiet tas-sufra u kontraċettivi użati. Maġenb il-muntanja b’riħa ta’ qrusa; il-bniedem mitluf minn sensieh, rieqed, għoddu mejjet. Forsi għada jiftakar xi ħaġa x’ħin jistenbaħ.

Ejja twieled hawn ja tfajjel ċkejken. F’kamra mbarazz u moħħ mhux wisq inqas. Imma tiddejjaqx twettaq ir-rivoluzzjoni.

Politika deċeduta

Ma stajtx ma nieħux ftit tal-jiem sabiex inħarbex risposta lil sieħbi Robert Tabone Valletta li nhar l-Erbgħa 11 ta’ Jannar, għoġbu jħallili risposta kemmxejn twila u maħsuba sew fuq il-paġna tal-facebook tiegħi dwar il-kontribut li qed jgħati Franco Debono lix-xena politika Maltija.

Klikkja hawn biex taqra  l-osservazzjoni oriġinali ta’ Robert.

Kieku qrajt dak li qalli Robert mingħajr ma kont żammejt lili nnifsi aġġornat fuq is-sitwazzjoni, kont naqbel miegħu mingħajr diffikultà, biss inħoss li l-affarijiet ġew deskritti b’ħarira mpreċiżjoni jew taħt lenti essenzjalment anti-Debono.

Nemmen li l-kontribut tiegħu huwa konsistenti u marbut mal-valuri iktar milli l-kumdità – għall kuntrajrju tar-rutina politika deċeduta. Jiena minn naħa tiegħi ddeċidejt li nirrispondi dan il-ħsieb ta’ sieħbi Robert, li min hawn insellimlu, billi nerġa nikteb l-istess storja fuq il-qafas tiegħu stess iżda bid-dettalji li, skont jien, jitfgħu dawl aħjar fuq il-fatti.

“Immaġinani nirkeb tal-linja (għax il-poplu vvutali sabiex inkun fuqha minħabba l-assoċjazzjoni tiegħi mal-bqija tal-grupp u għax ix-xufier wiegħed li ser jgħati vjaġġ b’uċuh ġodda)… nirkeb, niġi mitlub inpoġġi fuq wara. Ninnota li x-xufier jinsab imtellef minn klikka b’konsegwenza li kultant jitlef kemmxejn il-kontroll tal-vettura. Filwaqt li s-soltu min ikun fuq wara, joqgħod kemmxejn sieket, jien nħoss li xorta għandi nsemma leħni u f’daqqa waħda f’nofs ta’ triq nibda nindika rotot oħrajn li x-xufier jista’ jieħu. Huma toroq sbieħ u mportanti għall-pajjiż imma x-xufier, li issa nissuspetta li huwa kkundizzjonat sew mill-klikka, jidher li għandu prijoritajiet oħra u li konvint ħafna minn dak li qed jgħamel, minkejja l-perikli.

Għandi ninżel fil-waqfa li jmiss bħala sinjal ta’ protesta? Le… dik tkun deċiżjoni wisq normali u għaġġelija. Allura niddeċiedi li ngħamel dak li nħoss għax wara kollox, dawk li vvutawli jistennew hekk minni. Nerġa nindika l-proposti tiegħi, darba, darbtejn, għaxart darbiet u fl-istess ħin li ninnota li anki passiġġiera oħra qed jiġu trattati ħażin jew injorati, ninduna li l-premessa inizzjali mhux qed tiġi daqstant miżmuma. Nitlob lix-xufier iwaqqafli fil-waqfa li jmiss, iktar minn darba, iżda huwa ma jixtieqx u anki sħabu ma jħallunix. F’din il-geġwiġija kollha hemm passiġġiera li kissru xi ħġieġ, oħrajn girfu l-wiċċ tas-siġġu u wieħed għoddu faqa tajer! Immaġinajt li ser iwiddbuhom u saħansitra jitolbuhom jinżlu, kif titlob l’etika fis-sewqan, biss ħadd ma qalilhom xejn – kważi kważi x-xufier beda diskursata ferriħija magħhom u spiss il-vettura titrassas ma’ xi ħajt tas-sejjieħ – u naħseb tajjarna xi żewġ motorini wkoll!

Nirrabja u ngħolli kemmxejn il-vuċi lejn ix-xufier għax mhux sew isuq b’mod perikoluż u ma jgħatix każ is-sinjali tat-traffiku. Hemm ammont kbir ta’ nies fuq barra li jinstemgħu jirrabbjaw u joffenduna. Filwaqt li l-kollegi tiegħi għadhom bilqiegħda jpaċpċu, nipprova ntella’ l-handbreak għax konna qed inqarrbu żona perikoluża. Ġib il-għaġeb, ix-xufier jimbuttani lura. Nirrabja iktar, ninduna li x-xufier mhux interessat li jwassal il-vettura fid-destinazzjoni f’kundizzjoni tajba… kważi kważi iktar jinteressah li jaslu hu u sħabu.

Niġbidlu l-attenzjoni aktar billi niġbidlu t-tmun ‘l bogħod minn dak il-ħajt li issa kien tant qrib. Jekk forsi mhux qed jara, imma kif jista jkun hekk trux u ma jindunax li kemm jien u anki dawk in-nies ta’ barra qed nindikawlu rotta li taf tkun ta’ ġid għall-proġett u l-poplu tagħna?

Ndur fuq sħabi u nuri r-rabja tiegħi lejhom għax anki huma fid-dmir li jindirizzaw dan is-sewqan perikoluż u li jista’ jwassal għall-falliment tal-proġett – biss dawn xorta jridu jafdaw fix-xufier (għax qalu li kien elett xufier u kap tal-proġett b’mod demokratiku). Uħud minnhom insibhom qed jiddieħku bijja wkoll.

Lix-xufier nindikalu li jkun aħjar jekk ġaladarba jrid li jsalva l-proġett, jċedi postu għax issa qed issir ħafna ħsara u għaldaqstant tilef il-fiduċja tiegħi! Ngħidlu darba, darbtejn, għaxra… imma jibqa ma jagħtix kasi. Qisu ħadd f’dil-vettura ma’ jrid jismagħni wkoll, iżda hemm barra jidher li anki vetturi tal-pulizija u tal-ambulanza jpaqpqu hemm sabiex forsi jiġbdulna l-attenzjoni… Le, naħseb meta jkun imiss li nimlew il-petrol, jien mhux se ngħinhom jimlew.

Forsi nirkeb il-vettura l-ħamra? Imma dawk kulma għandhom huwa loudspeaker tajjeb li naf li bħalissa jħalluni nużah kieku… imma le, aħjar le – jien ma nemminx fl-istess prinċipji. Paċenzja, jekk jinbidel ix-xufier, naraw, biss, kif għidt, naħseb fil-petrol station li jmiss, nieqaf hemm.”

Wara l-ewwel reazzjonijiet ta’ rabja u passività lejn Franco Debono issa ż-żewġ partiti l-kbar bdew it-tieni fażi tat-tattika; dik li jilgħabuha tas-sbieħ quddiemu biex forsi jirbħu s-simpatija tiegħu. Politika essenzjalment deċeduta li għandha bżonn aġġornament mill-għeruq kulturali fost il-poplu, l-ewwel u qabel kollox.

Il-liġi u l-imħabba

Ispirat minn dibattitu fuq Facebook, speċjalment fuq il-viżjoni ta’ Miriam Abdilla li b’mod mill-aktar interessanti u kostruttiv esprimit il-valuri Kattoliċi tagħha fuq l-istess pjattaforma. Tassew napprezza meta persuna titkellem b’mod tant kostruttiv fuq il-viżjoni tagħha. Nammira wkoll il-mod ċar kif esprimit il-fiduċja kollha tagħha fi Kristu.
Jiena nqis ruħi Kattoliku wkoll għalkemm nammetti li spiss nippreferi nissejjaħ Kristjan milli Kattoliku. Dan għaliex il-Knisja hi magħmula mill-bniedem u tul iż-żmien, f’kuntesti varji, il-bniedem li fforma l-“club” tal-Knisja, żbalja (bħalma anki jien niżbalja) u ħalla marka fuq il-kultura tagħna l-membri tal-club tal-2011.

Ma nemminx li Kristu fforma Knisja b’sett regolamenti, ma nemminx li Kristu fforma Knisja li tiġġieled biex tkun l-iktar “club popolari” fid-dinja, ma nemminx li Kristu fforma Knisja burokratika u formaliżżata. Nemmen biss li Kristu ried ifakkarna kif inħobbu.

Inħobb inżomm quddiem għajnejja dawn il-Kliem:

L-EVANĠELJU – Mattew – 22, 34-40

Meta l-Fariżej semgħu kif Ġesù kien saddilhom ħalqhom lis-Sadduċej, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-akbar kmandament fil-Ligi?”
U hu wieġbu: “Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Il-Liġi kollha u l-profeti, fuq dawn iż-żewġ kmandamenti huma mibnija.”

kif ukoll:

Mattew – 10:34-11,1

“Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha,u lil mara minn omm żewġha, u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu. Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.

Naħseb Kristu kien u għadu konxju biżżejjed li l-bniedem, permezz tad-dnub, jintilef u ser jibqa’ jintilef fid-dualiżmi, jehda jgħid li hu aħjar mill-ieħor u jasal joqtol biex isostni l-punt. Għalhekk Kristu qatt ma ġġudika, u dejjem fired dak li hu ta’ Ċesri minn dak li hu ta’ Alla.
Naħseb ikun sabih kieku nitgħallmu, ibda minni, inpoġġu l-imħabba qabel il-liġi.
Ktibt il-punti tiegħi dwar id-divorzju hawn.