Tag: deċeduti

Politika deċeduta

Ma stajtx ma nieħux ftit tal-jiem sabiex inħarbex risposta lil sieħbi Robert Tabone Valletta li nhar l-Erbgħa 11 ta’ Jannar, għoġbu jħallili risposta kemmxejn twila u maħsuba sew fuq il-paġna tal-facebook tiegħi dwar il-kontribut li qed jgħati Franco Debono lix-xena politika Maltija.

Klikkja hawn biex taqra  l-osservazzjoni oriġinali ta’ Robert.

Kieku qrajt dak li qalli Robert mingħajr ma kont żammejt lili nnifsi aġġornat fuq is-sitwazzjoni, kont naqbel miegħu mingħajr diffikultà, biss inħoss li l-affarijiet ġew deskritti b’ħarira mpreċiżjoni jew taħt lenti essenzjalment anti-Debono.

Nemmen li l-kontribut tiegħu huwa konsistenti u marbut mal-valuri iktar milli l-kumdità – għall kuntrajrju tar-rutina politika deċeduta. Jiena minn naħa tiegħi ddeċidejt li nirrispondi dan il-ħsieb ta’ sieħbi Robert, li min hawn insellimlu, billi nerġa nikteb l-istess storja fuq il-qafas tiegħu stess iżda bid-dettalji li, skont jien, jitfgħu dawl aħjar fuq il-fatti.

“Immaġinani nirkeb tal-linja (għax il-poplu vvutali sabiex inkun fuqha minħabba l-assoċjazzjoni tiegħi mal-bqija tal-grupp u għax ix-xufier wiegħed li ser jgħati vjaġġ b’uċuh ġodda)… nirkeb, niġi mitlub inpoġġi fuq wara. Ninnota li x-xufier jinsab imtellef minn klikka b’konsegwenza li kultant jitlef kemmxejn il-kontroll tal-vettura. Filwaqt li s-soltu min ikun fuq wara, joqgħod kemmxejn sieket, jien nħoss li xorta għandi nsemma leħni u f’daqqa waħda f’nofs ta’ triq nibda nindika rotot oħrajn li x-xufier jista’ jieħu. Huma toroq sbieħ u mportanti għall-pajjiż imma x-xufier, li issa nissuspetta li huwa kkundizzjonat sew mill-klikka, jidher li għandu prijoritajiet oħra u li konvint ħafna minn dak li qed jgħamel, minkejja l-perikli.

Għandi ninżel fil-waqfa li jmiss bħala sinjal ta’ protesta? Le… dik tkun deċiżjoni wisq normali u għaġġelija. Allura niddeċiedi li ngħamel dak li nħoss għax wara kollox, dawk li vvutawli jistennew hekk minni. Nerġa nindika l-proposti tiegħi, darba, darbtejn, għaxart darbiet u fl-istess ħin li ninnota li anki passiġġiera oħra qed jiġu trattati ħażin jew injorati, ninduna li l-premessa inizzjali mhux qed tiġi daqstant miżmuma. Nitlob lix-xufier iwaqqafli fil-waqfa li jmiss, iktar minn darba, iżda huwa ma jixtieqx u anki sħabu ma jħallunix. F’din il-geġwiġija kollha hemm passiġġiera li kissru xi ħġieġ, oħrajn girfu l-wiċċ tas-siġġu u wieħed għoddu faqa tajer! Immaġinajt li ser iwiddbuhom u saħansitra jitolbuhom jinżlu, kif titlob l’etika fis-sewqan, biss ħadd ma qalilhom xejn – kważi kważi x-xufier beda diskursata ferriħija magħhom u spiss il-vettura titrassas ma’ xi ħajt tas-sejjieħ – u naħseb tajjarna xi żewġ motorini wkoll!

Nirrabja u ngħolli kemmxejn il-vuċi lejn ix-xufier għax mhux sew isuq b’mod perikoluż u ma jgħatix każ is-sinjali tat-traffiku. Hemm ammont kbir ta’ nies fuq barra li jinstemgħu jirrabbjaw u joffenduna. Filwaqt li l-kollegi tiegħi għadhom bilqiegħda jpaċpċu, nipprova ntella’ l-handbreak għax konna qed inqarrbu żona perikoluża. Ġib il-għaġeb, ix-xufier jimbuttani lura. Nirrabja iktar, ninduna li x-xufier mhux interessat li jwassal il-vettura fid-destinazzjoni f’kundizzjoni tajba… kważi kważi iktar jinteressah li jaslu hu u sħabu.

Niġbidlu l-attenzjoni aktar billi niġbidlu t-tmun ‘l bogħod minn dak il-ħajt li issa kien tant qrib. Jekk forsi mhux qed jara, imma kif jista jkun hekk trux u ma jindunax li kemm jien u anki dawk in-nies ta’ barra qed nindikawlu rotta li taf tkun ta’ ġid għall-proġett u l-poplu tagħna?

Ndur fuq sħabi u nuri r-rabja tiegħi lejhom għax anki huma fid-dmir li jindirizzaw dan is-sewqan perikoluż u li jista’ jwassal għall-falliment tal-proġett – biss dawn xorta jridu jafdaw fix-xufier (għax qalu li kien elett xufier u kap tal-proġett b’mod demokratiku). Uħud minnhom insibhom qed jiddieħku bijja wkoll.

Lix-xufier nindikalu li jkun aħjar jekk ġaladarba jrid li jsalva l-proġett, jċedi postu għax issa qed issir ħafna ħsara u għaldaqstant tilef il-fiduċja tiegħi! Ngħidlu darba, darbtejn, għaxra… imma jibqa ma jagħtix kasi. Qisu ħadd f’dil-vettura ma’ jrid jismagħni wkoll, iżda hemm barra jidher li anki vetturi tal-pulizija u tal-ambulanza jpaqpqu hemm sabiex forsi jiġbdulna l-attenzjoni… Le, naħseb meta jkun imiss li nimlew il-petrol, jien mhux se ngħinhom jimlew.

Forsi nirkeb il-vettura l-ħamra? Imma dawk kulma għandhom huwa loudspeaker tajjeb li naf li bħalissa jħalluni nużah kieku… imma le, aħjar le – jien ma nemminx fl-istess prinċipji. Paċenzja, jekk jinbidel ix-xufier, naraw, biss, kif għidt, naħseb fil-petrol station li jmiss, nieqaf hemm.”

Wara l-ewwel reazzjonijiet ta’ rabja u passività lejn Franco Debono issa ż-żewġ partiti l-kbar bdew it-tieni fażi tat-tattika; dik li jilgħabuha tas-sbieħ quddiemu biex forsi jirbħu s-simpatija tiegħu. Politika essenzjalment deċeduta li għandha bżonn aġġornament mill-għeruq kulturali fost il-poplu, l-ewwel u qabel kollox.