Category: Uncategorized

#familja

Il-ħajja hi li hi. L-aħjar deskrizzjoni li ltqajt magħha sal-ġurnata tal-llum, hija dik tal-assurdità kif deskritta minn Camus fil-kitbiet tiegħu.

L-assurd illum insibu jiżfen madwari. Kultant meta jistedinni għal birra, insellimlu, nieqfu ngħidu kelma u nnaqru xi ftira – bħal dik tal-bieraħ għand iċ-Ċaċċu. Nitkellmu dwar familti; ommi u missieri li tant offrewli mħabba, bil-modi partikolari tagħhom. L-assurd jafhom sew kemm lilhom u kemm lill-modi tagħhom. Illum li ommi hija mifnija b’marda, appuntu assurda, id-dinamiċi tal-ħajja u tal-familja tħarbtu mill-bażi. Ħolm u idealiżmi jiddendlu minn rashom f’xifer ta’ sur, kuljum. Sa mn’alla nsib lili nnifsi sħiħ quddiem tant vojt u inkapaċità.

Twieldu mistoqsijiet u faqqsu risposti li l-assurd biss kapaċi jfhemni kultant. Lezzjoni kiefra li bħal ħafna oħrajn f’ħajti ħadtha iktar kmieni minn meta normalment wieħed jippretendi. B’mod awtomatiku tikber xewqa ta’ wens, ta’ mogħdrija – imqar minni nnifsi. Xewqa wkoll ta’ enerġija u motivazzjoni sabiex din il-konverżazzjoni mal-ħajja nkun kapaċi nlestiha. Konverżazzjoni jew logħoba, bla regoli, bla rebbieħ, iżda bi proċess li jsawwar u jsajjar.

Fl-aħħar ġranet sibt dan kollu fi grupp ta’ ħbieb li jidentifikaw ruħhom f’San Pawl. Il-Pawlini tal-Belt Valletta. Meta nixħet ritratt fuq Facebook, sirt inħobb nuża l-hashtag #familja għax appuntu sibt wens, enerġija u motivazzjoni f’dawn in-nies; fil-ħolm umli iżda sinjur tagħhom li jferrħu komunità ta’ ħafna iktar nies b’ġesti kreattivi, b’tiżjin, kulur, mużika, dwal u ħsejjes. Nies li għalkemm ma jġorrux bagalji mimlija ċertifikati, kapaċi jagħtuk kollox; jagħtuk qalbhom. Nies li anki jekk ma jkunux fil-qalbha tal-familja, għax il-ħajja tkun ressqithom xi ftit lil hinn, issibhom hemm; forċina.

Huwa appuntu spazju familjari fejn il-kult u l-kultura Pawlina, ituna identità bbażata mhux fuq statwi, vari, u tiżjin iżda fuq ideoloġija ta’ persunaġġ li wara żmien ta’ bidla qawwija, fejn immedita l-identità tiegħu, mar xandar l-imħabba, il-lealtà u l-valuri kull fejn terraq. Għal kuntrarju ta’ dak li ħafna jistgħu jaħsbu, huwa appuntu dan il-valur li jżomm il-komunità magħquda. Għalhekk Pawlu jiġi ndirizzat bħala missier. Għalhekk nuża l-hashtag #familja.

Quddiem l-assurd, insib motivazzjoni fix-xewqa ta’ Pawlu li jgħix imħabba li tistabar u tħenn, ma tgħirx, ma tintefaħx, ma titkabbarx, ma tinkorlax, ma żżomx f’qalbha għad-deni u li bħal belha, tifraħ bil-verità, tagħder, taħfer, temmen, tittama u tissaporti. Dan l-idealiżmu f’Pawlu jibqa’ tama kontinwa f’kull diskursata mal-assurd. Dan l-idealiżmu ta’ Pawlu, jimlini paċi u jgħini nnixxef id-dmugħ. Sadattant nordnaw birra oħra… Grazzi #familja!

Ħsieb 23

Għażiża,

Illum rajt il-mewt viċin. Ħafna.

Kos! Kemm hi nitfa l-ħajja! Realtà li tintemm f’tebqa t’għajn bla mistenni. Kemm hi leħħa l-mewt. Tiġi, u lanqas ittik ċans isselmilha jew tieħu stessu magħha. Tieħdok bla wisq kumplimenti u apoloġiji. Ma bżajtx minnha imma kerha kif taħsad. Illum, Pawlu reġa’ ħareġ idu, mill-Munxar forsi, u żamm distanzi biex jien għadni hawn.

Diffiċli ninsa dak il-mument, dik is-sekwenza. Diffiċli ninsa n-negliġenza tat-traskurat, il-gidba ta’ min taparsi wera nteress u ħarab, is-sapport ta’ min ġenwinament waqaf u ġie jgħin anki meta kien mitlub minnu mod ieħor, l-imħabba kbira ta’ min ġenwinament kien u baqa’ hemm!

U issa aħna, int u jien. X’fortuna li erġajt kelli ċ-ċans inqatta’ ftit siegħat miegħek, inżomm idejk, immiss xufftejk, u naqsam demgħa miegħek dwar tmiem il-karriera ta’ Totti. Inħossni kuntent li qalb l-injoranza ta’ folol fanatiċi għall-politika fiergħa, kelli x-xorti nduq it-togħma bnina ta’ sbuħitek għal darb’ oħra.

Għax kun af għażiża, kun af, irrid intenni li fik nara skop, fik insib serħan; kuljum. Kuljum, jew kull jum? Ingħid kull jum għax kull jum huwa jum ġdid u kull jum irrid inħoss din ix-xorti ta’ ħajja li tiġġedded, ta’ xorti li nisma’ leħnek. Permezz tiegħek jien ngħoxa nsib kuluri ġodda għall-ġranet li jmiss.

Għax ir-realtà tal-mewt hi mera llustrata, fuq ir-realtà tal-ħajja li hekk kif żbrixx nixirfu quddiemha, dlonk nilmħu lill-ħajja b’tant sbuħija, b’riħa ta’ imbatt mal-blat u żiffa li taqta’ kull għatx. Għalhekk noħlom li nibqa’ nfittex u nagħti dak li prezz m’għandux. Wara kollox, dak li seħħ illum jinsab irrakkuntat hawn kważi kważi:

Il-lejl it-tajjeb għażiża.

Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni San Pawl!
Xhur ta’ ħidma sfieqa, u llum jumejn qabel nharu, xejn ħlief xita! Anki tal-Uffiċċju Meterjoloġiku ma ġabuhiex żewġ – skonthom ma kelliex tinżel xita wara ċertu ħin.
Xebbagħni San Pawl!
Il-kollega jibqa’ jargumenta li dan Pawlu qatt ma rifes Malta wara kollox u li dan kollu huwa ferħ bażwi ta’ erba’ fanatiċi.
Xebbagħni San Pawl!
U minjaf? Forsi għandu raġun sieħbi jgħidli nimraħ lil hinn mid-dinja parrokkjali…
Xebbagħni San Pawl!

Dettall minn ritratt ta’ Paul Xuereb

Baħrin tal-maltemp isibuna. Għax fix-xita xorta ssibna hemm, infakkru din il-ġrajja. Nifirħu li minn maltempata qalila wasal persunaġġ storiku li sejħilna Maltin. Maltin pinnuri, li l-ewwel nattakkaw lill-qattiel imma fi ftit minuti nsejħulu “alla”.

U b’dik l-ewwel deskrizzjoni li qatt inkitbet dwar il-Maltin, jien ftit jifdalli dubji dwar fejn rifes il-miġnun Pawlu. Mhux hekk il-Maltin? F’mument jgħolluk iżda mal-ewwel ċans jagħmluk tapit jew jarmuk. F’mument jiċċelebraw kampanji ta’ twemmin mod u ftit snin wara ssibhom ħara, isuqu l-karru oppost! F’mument jiċċelebraw il-kultura u fl-istess waqt issibhom ikissru dak li kulturalment iseddaqhom. F’mument jippriedkaw valuri u ftit wara ssibhom ibaxxu rashom għal min lest iqaħħab, ikasbar u jkisser kull element storiku-kulturali li sawwar l-identità ta’ familtu. F’ġieħ il-flus jew l-injoranza!
Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni dan ir-raġel ta’ ras iebsa u supperv. Dan il-predikatur miġnun li ddedika ħajtu jikteb ittri dwar valuri umani. Xebbagħni bil-pjaċir meta kull sena niftakar li wara kollox, l-imħabba qatt ma tmut. Xebbagħni b’din l-idea li f’tgħanniqa jew kelmtejn bejn tnejn hemm is-sens tal-ħajja. Valur profond… dak kollu li hu essenzjali u xejn aktar. Tgħanniqa biss… immaġina… daqshekk il-flus, il-lussu, il-kuntratti, il-paroli fil-vojt, it-tlellix tat-televixin, il-fwieħa ta’ Johhny Depp u ż-żraben tal-Clarks. Daqshekk insurances bażwija, daqshekk terrur, daqshekk pastizzi u interconnectors. Tgħanniqa biss.

Xebbagħni San Pawl – bħalma xxebbagħni pizza ta’ Gaetano meta nkun mejjet bil-ġuħ!
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xxebbagħni d-dehra tal-baħar f’nofs ġurnata xogħol!
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xxebbagħni bil-ferħ il-kitba, bħal ta’ Pawlu, li titkellem dwar l-imħabba; dik li kapaċi tarmik minn fuq żiemel, tagħmik u tikkonvertik għal ħajja ġdida.
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xebbagħtni dik it-tgħanniqa ta’ Checco lura f’Napli.

Mela kompli inżel xita jekk trid twebbes rasek, imma jien naf li l-ħuġġieġa mintix ser titfiha!

Il-festa t-tajba baħrin!

Tkissir ta’ identità

Dalgħodu qsamt din l-ittra ta’ sieħbi l-fotografu ġenjali Daniel Cilia f’ħakka t’għajn għax dherli li hekk kien xieraq. Illejla, xtaqt nesprimi ħsieb qasir – għax fuq il-midja soċjali, issib min joqmos farka.

X’faqar ta’ valuri soċjali qed inħaddnu f’dan il-pajjiż! Farka ta’ ġebla b’amministrazzjoni li temmen li ġaladarba twaddab tikka flus fuq xi festival jew anniversarju kulturali, tqis ruħha bla dnub u tintefa twaddab l-ewwel ġebla fuq kull preġju verġni li dan l-ispeċi ta’ ġens irnexxielu jrawwem bi tbatija tul eluf ta’ snin!
Inħossni tassew diżappuntat, speċjalment jien li bħal numru ta’ kollegi bis-sens, għandi l-pjaċir naħdem sabiex forsi nrawwmu ftit kburija fil-kultura ta’ dan il-poplu. Iva jkolli naqbel ma’ sieħbi James Vella Clark meta jgħid li …in this country everyone is busy discussing Trump and America and here at ‘home’ we have a Planning Authority led by spineless cunts deprived of any basic sense of decency, aesthetics and respect. We act nostalgic when someone puts up old photos and postcards from the past but we are permitting the very same mistakes that destroyed what’s in those postcards.”
Xbajt f’pajjiż fejn kulħadd idur mal-lewża, jilgħabha tal-qaddis imma mbagħad fil-verità ħadd ma għandu l-bajd jaqbad il-barri minn qrunu. Xbajt b’poplu li la jaf u lanqas irid jirrispetta l-identità tiegħu; jekk qatt kellu. Xbajt b’poplu jimmasturba għal xi festival kulturali, jippoppa sidru fil-folla biex mingħalih ikun kulturalment sensittiv, jixrob tazza nbid wara oħra f’xi bar kuwl li fetaħ il-Belt, jeċita ruħu għall-artist barrani li jmiss, ibeżlaq f’termini diffiċli biex taparsi jifhem fil-kultura, umbagħad wara l-bank tax-xogħol matul il-ġimgħa ikun qed jippermetti kull tip ta’ sfeġju.
Xbajt u sinċerament ma narax soluzzjonijiet qalb din l-apatija. It-titlu ta’ din l-ittra lill-Editur minn Daniel Cilia huwa tassew f’waqtu – u nażżarda ngħid, iktar wiesgħa u traġiku minn kemm jidher f’dan il-każ partikolari f’Għawdex.

Min hu missierkom?

“Min hu missierkom il-Beltin?”, hekk jinkuna f’kuntest kalċistiku, in-nebbiexa ta’ kontrina. Dalgħodu ma flaħtx ma ninnutax lil ħafna minn sħabi l-Beltin jirrimarkaw lil missierhom b’xi ritratt riċenti jew antik ta’ missierhom u xi ħsieb, ftit kliem, li jfakkru lill-persuna għażiża u dak li għamel jew, għall-grazzja t’Alla, għadu jagħmel magħhom.

Dettall minn ‘The prodigal son” ta’ Rembrandt

Kurjuża l-figura tal-missier… Renato Zero kien irrefera għalih bil-frażi kiefra “gli spermatozoi, l’unica forza tutto ciò che hai…” u Morgan fis-silta Animali Familiari jirrimarka kif in-nemel maskili huma ulti biss għar-riproduzzjoni u jingħataw ix-xorti li jmutu bil-ġwienaħ. Fid-dinja tan-naħal, ir-raġel utli biss għall-istess raġuni sakemm jitkeċċa mill-bejta u jitħalla jmut imġewwah u umiljat mingħajr ix-xewka li tipproteġih. 

Forsi kiefra n-natura, stramba l-idea li tkun missier imma xewqa permanenti ta’ ħafna nkluż is-sottoskritt. Xewqa li jkunu hemm, irawwmu kultura, jew aħjar, jiżirgħu kultura u jarawha tikber, qalb imħabba mingħajr tarf u mingħajr forma.

Missier huwa protettur, iżda fuq kollox imprenditur. Imprenditur ta’ ambjent fejn il-familja ssib li ħaqqha; imħabba, ħafna spazju, trawwim ta’ ideat u bilanċ bejn kuntrasti u soluzzjonijiet. Missier huwa mera tal-omm. Żifna waħda. Missier, f’kull natura tiegħu, huwa tgħanniqa twila.
 

Ħarsa fqira lejn l-2015

Kienet diffiċli nimmaġina sena li tiżboq l-2014, biss l-2015 irnexxielha. Forsi mhux kull siġra li ħawwilt għamlet il-fjuri imma llum inħares b’ħarba lura u niċċelebra l-2015 minn qiegħ qalbi.

Żgur u mhux forsi din is-sena kienet immarkata minn tlett episodji mportanti fl-istorja ta’ ħajti. L-ewwel, f’ordni kronoloġiku kienet l-elezzjoni ġenerali tal-Għaqda tal-Pawlini ġewwa l-Belt Valletta. Wara xi suġġerimenti ta’ xi ħbieb Beltin, fettilli nitfa n-nomina u bi stagħġib, sibt ruħi hemm mal-ewwel tmienja! X’unur! Il-ħolma ta’ kull Pawlin Belti li jikkontribwixxi b’mod dirett għall-akbar festa tan-Nazzjon. Kienet sena mpenjattiva fl-Għaqda li minnha tgħallimt u għadni qed nitgħallem immens. Kienet sena li fiha fraħna u bkejna flimkien. Fraħna fil-festa u f’suċċessi ta’ avvenimenti varji u bkejna waqt tislimiet finali lil parruċċani varji fosthom uħud li ħallew marka li qatt mhu ser titħassar fil-qlub tal-komunità. Nixtieq ngħamel lista tal-Pawlini li sebbħuli din is-sena imma hemm wisq!

It-tieni episodju mportanti kienet l-ewwel esibizzjoni tal-arti fuq livell personali. ‘Her Majesty’ kienet esperjenza stupenda li kelli x-xorti naqsam ma sieħbi Simon Sultana Harkins. Esperjenza li minnha kbirna flimkien bl-intoppi ‘sorpriża’ u l-ħidma sfieqa li wettaqna. Għal din l-esperjenza kienu ħafna li kkontribwew u ftit li xekklu. Insellmilkom kollha kemm intom. Grazzi kbira lil Antoine Farrugia li kien hemm b’rispett kbir fil-mument l-aktar kruċjali tal-proċess. ‘Her Majesty’ kien proċess li ingħalaq b’mod meraviljuż li l-arti biss tista’ twettaq!

It-tielet esperjenza ndimentikabbli kienet bla dubju l-mawra ġewwa l-belt tant maħbuba ta’ Napli fil-bidu ta’ April. Bil-kumpanija ta’ ħbieb mill-aqwa, ġeddidna ħafna memorji u erġajna tħabbibna mal-wisq tjubija li toffri din il-belt fil-ġenn kollu tagħha. Jien bdejt nixrob il-birra, forsi jinżlu l-pizez li bdew jiġu kkunsmati u spiċċat ġibt lura 5 kilos li għadhom hemm sal-ġurnata ta’ llum. Din id-darba x-xena nsterqet miċ-ċkejken Luca bil-famuża “my finger”. Ahhh Napoli… ma quando ti rivivo!?

Is-sena bdiet b’raqda tajba wara tmiem tal-2014 mhux kif mixtieq. Kienet il-ħabiba kbira Anna li ġabritni minn xagħri fl-ewwel ġranet u permezz tal-arti u kliemha, għenitni nqum, inħares lejn is-sena b’motivazzjoni fija nnifsi. Hekk kif qed insemmi artista, nista’ nkompli bis-safra stupenda ġewwa Sqallija ma’ sieħbi, l-artist James Vella Clark. Kienet safra marbuta mal-kunċert tal-għażiża Carmen Consoli ġewwa Acireale, biss spiċċat waħda mill-isbaħ safriet ta’ dejjem b’avventura/praspura żgħira wara oħra, ikel eċċellenti u pajsaġġi mill-isbaħ. Ma naqsux ukoll xi karattri mill-post li komplew sebbħu l-esperjenza.Viva l-lesbo tours!

Il-ħolma ta’ żjara ġewwa Firenze seħħet f’Lulju. Bi skuża tal-kunċert ta’ Lorenzo Jovanotti fl-istadjum Franchi, qattajt ġranet sbieħ f’belt meravilja. Il-kumpanija ta’ oħti għamlet l-esperjenza partikolari għax l-aħwa huma aktar mill-ħbieb hux! Praspuri u sorpriżi ma naqsux biss ta’ rjus iebsa li aħna, għaddiet tagħna u ħadna naqra gost mhux ħażin. Il-kunċert ta’ Jovanotti kienet esperjenza li se ndum ma ninsa. L-istess id-dmugħ quddiem is-self portrait ta’ Raffaello. X’taqbad tgħid fuq Firenze, Siena u Pisa! “Arrivederci” l-aħjar!

Il-vjaġġi ġewwa Plzen u Wroclaw, kienu relatati ma’ xogħol biss kienu esperjenzi fejn erġajt iltqajt ma’ kollegi minn Kapitali Kulturali tal-Ewropa oħrajn u nies ġodda. Litteralment familja li minnha qed nitgħallem ħafna u nħossni xxurtjat. Dawn iż-żjarat għenuni nibdel ix-xettiċiżmu li kelli dwar l-Ewropa ċentrali u dik tal-lvant. Mhux talli hekk, talli ħassejtni komdu mmens f’dawn l-ambjenti u kulturi. L-aħħar vjaġġ ħadni Venezja u l-famuż Biennale. Ħolma oħra li saret realtà. J’Alla din issarraf f’ħafna ġid għal Malta.

Fejn jidħol xogħol kienet sena oħra mpenjattiva ħafna iżda li offriet sodisfazzjon kbir fil-kumpanija ta’ kollegi nkredibbilment speċjali. M’aħniex bogħod li nsiru familja! :) J’Alla din is-sena tkun ta’ risq għalina speċjalment lil min kellu sena iebsa fuq livell personali.

2015 kellna wkoll tiġijiet memorabbli… Denise u Paul, Annaliza u Martin, Holger u Cristina, Steve u Nikki… fost oħrajn! Esperjenzi mill-isbaħ. Sena li ġabet persuni ġodda madwarna iżda li ħadet oħrajn ukoll. Tislima liz-ziju Żaren minn qalbi!
Il-laqgħa mal-kuġini f’Awwissu u l-partita futbol bejn ħbieb Pawlini wkoll kienet speċjali. Nispera jerġgħu jsiru.

Ħafna ħsibijiet… taħlita ta’ xewqat, ħolm sfaxxat, oħrajn imwettqin imma fuq kollox l-għarfien ta’ żmien ħlejju li għadda u ħalla marka li biha nista’ nimxi ‘l quddiem; aktar milli neħel fejn jien.

Ġlekk u qmis

Il-ġlekk u l-qmis għalxejn:
ninżahom, niftahom gozz fuq soddti.
Kemm nixtieqha hawn fid-dlam.
Kemm nixtieqha hawn fil-mużika.
Kemm nixtieqha hawn f’silenzju.
Biex nisma nifisha jfewwaħ.
Biex naqta’ ġuħ ta’ mġewwaħ
u nsaqsi mitt mistoqsija
għal risposta waħda.
Bħalma mija huma l-kwiekeb,
iżda waħda l-eżistenza.
Kemm nixtieqha.

Isma l-mużika hawn

Fl-Isqaq

“Imbagħad f’dan l-isqaq f’Ħal Qormi ommi ltaqgħet ma’ ġuvni (refuġjat ieħor mir-Raħal Ġdid) u żżewġitu u komplew bir-rifuġju tagħhom f’Ħaż-Żebbuġ.”

Hekk kiteb Immanuel Mifsud f’artiku minn tiegħu li deher illum. Kitba ta’ Mifsud dejjem tinżel għasel, u waħda qasira tinżel aktar faċilment ngħid għalija. Bħal biskuttin ma’ belgħa tè minflok ikla bi tlett platti.

Laqatni wisq dak il-paragrafu ikolli ngħid. Lil hinn mill-kuntest li kien qed jikteb dwaru Immanuel, ġieni spontanju sentiment kuntradittorju hekk kif qrajtu. Insibha diffiċli mmens nifhem jew aħjar, napprezza kif din ir-‘refuġjata’ tista’ tilmenta mill-ħajja tal-isqaq. Mhux li kien tiġi gwerra u tibgħatna fi sqaq li jġibilna dak ir-refuġju emozzjonali; refuġju mis-solitudni li kultant taf toqtol aktar mill-bombi; refuġju għall-ħajja!

Imma l-ħajja dik hi, ikollok l-abjad u tkun trid l-iswed. U viċi versa. Ispirat minn kliem Kristu dejjem emmint li l-bniedem mhux bil-‘likes’ biss jgħix. Inħoss li ngħix f’ħajja fejn għalkemm miżgħud bil-ġid, ħbieb u x’naf jien, hemm il-bombi neżlin. Kultant tisma’ s-sirena ddoqq. Kultant jiġi minn iħabbatlek u jistiednek tmur f’raħal ieħor… imma fejn? X’raħal? Jekk il-qalb hija waħda.

F’dik il-gwerra tista’ biss toħroġ mix-xelter, tiftaħ idejk, tħares ‘l fuq u tħalli l-bumbardament jibda. Ġieli jkissrek u ġieli jsaħħek. Bħall-abjad u l-iswed din! Bħar-ritratt ta’ Immanuel.

It-teatru

Il-mużika msaħħra ġo qalb ir-raħal għebet. Siket l-applaws. Minjaf forsi Teodor laħaq ħarbex kelmtejn kummentarju u Buhagiar fil-gallarija kien għadu qed jonsob aġġettivi f’lokhom. Minjaf?

L-inbid beda jsejjaħ lill-folla… kważi kważi nstema’ leħnu qalb żaqżieq is-siġġijiet. Żaqżieq iva, simili wisq għall-ħoss tal-bieb ikaxkar sat-tisbita li sakkritu. Waqgħet hemda bħal dik li kultant jinnamra magħha Pawlu. Hemda li sserraħ jew li toffri spazju għal aktar ħsieb; mistoqsijiet. Hemda li tfawwar bħalma tfawwar qalbu bix-xewqa li tingħata. Bħalma tuffieħa mhux ikkunsmata tfawwar b’dud rgħib u moffa.

Raqad it-teatru. Iżda mhux is-seħer li twaħħad miegħu tul iż-żminijiet. Is-seħer tal-poeżija, tal-mużika, kant u dwal. Tal-kostumi, żeffiena, kantawturi u atturi. Ta’ kull ruħ li żaritu.

Mal-ħoss tal-bieb jissakkar, is-seħer stenbaħ u bla ħadd induna, niżel, ikkulurit, bħal f’kull lejl, ikebbes lit-teatru. U aħna hemm konna mgeżwrin f’karta bajda, bis-serqa ngawdu l-maġija. Is-seħer kebbisna, libbisna sal-għabex. U issa li qed inlibbsu lilek, is-seħer nilmħuħ jiżfen ma’ ruħek hekk kif taqa’ l-hemda.

Hemda.

Qatt

Qatt ħadd kitiblek ittra ta’ mħabba, poeżija?
Forsi għadek ma rċevejtiex. Qatt sibt ruħek quddiem dak li r-ruħ ma tafx tispjega u li ġie tradott għall-qalb u miktub mill-moħħ f’mument sagru, bi kliem sempliċi, probabilment medjokri?

Qatt qbadt waħda minn dawk l-ittri, forsi waħda minn dawk li llum sfaru u ħallejtha tkellem lil ruħek? Qatt missejt mal-eternità f’dak il-ġest? Qatt twaħħadt magħha, imqar għal sekonda jew tnejn? Qatt għoddejt ismek u qabbiltu mat-taħbit tal-qalb li xtaqet tkun tiegħek; għal dejjem miegħek? Qatt ħarist lejn il-wisa’ u t-tul ta’ dik il-karta musfara u qbiżt fil-fond ta’ bejniethom bħal f’baħar blu u frisk li jitħabbeb ma’ ġismek lixx u skur? Qatt iġġilidt ma’ dik il-linka sabiex ma tħallihiex tisraqlek nifsek? Qatt aċċettajt it-telfa?

Qatt ħadd kitiblek ittra ta’ mħabba?

Qatt għoddejt id-dbabar tad-dmugħ li nixfu fuqha?