Tag: bambin

Bambin irrelevanti

Id-dinja ma spiċċatx. Basktijiet, bozoz, ġugarelli. Uċuh mehdija fit-tlellix jew forsi fil-bambin tax-xemgħa. Orsijiet griżi jgħannqu t-tfal, rġiel xwejjħa libsin l-aħmar jiddendlu mal-gallariji, platti imdellka biz-zalza tal-fenek li issa kważi tinxtamm qarsa, rombli tal-karta iġenika u stonku għajjien.

Il-Milied. Żmien l-awguri. Dâri f’kartolina u iktar riċenti, b’sms. Illum jidher li facebook rebaħ din il-battalja wkoll. Awguri jinstabtu ma’ kull ħajt f’dan is-sît soċjali.

Il-Milied. Twelid ta’ tifel rivoluzzjonarju, għal ħafna rrelevanti; miksi taħt plastik u kartun minn tal-kaxxi mormijin, presepji f’vetrina, spallieri tal-firdiferru, ponsiettas nixfin, karti ċkejkna tal-fidda bi ħsibijiet fuqhom, remettar aċiduż u tqil, tazzi tal-ħġieġ, tappijiet tas-sufra u kontraċettivi użati. Maġenb il-muntanja b’riħa ta’ qrusa; il-bniedem mitluf minn sensieh, rieqed, għoddu mejjet. Forsi għada jiftakar xi ħaġa x’ħin jistenbaħ.

Ejja twieled hawn ja tfajjel ċkejken. F’kamra mbarazz u moħħ mhux wisq inqas. Imma tiddejjaqx twettaq ir-rivoluzzjoni.