Tag: lawrence gonzi

Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt

M’hemmx xi tgħid. Kull darba li nisma u nara diskursata ta’ Lawrence Gonzi ninżalu l-kappell għal faċilità mpressjonanti li għandu sabiex jikkomunika. Mingħajr l-ebda ħjiel ta’ paniku jew tferfir, jlissen kelma wara kelma, frażi wara oħra u juża teknika ta’ persważjoni vokali li ġġib il-għira anki lil David Ogilvy. F’mumenti hekk inkompli nifhem għalfejn Gonzi kien u għadu l-aqwa frontman għal band tal-Partit Nazzjonalista. Saħansitra anki f’tour batut, huwa jirnexxielu jiġbor ġieħ u jneħħi l-geddum lill-partitarji.

ritratt: www.facebook.com/partitnazzjonalista

Nistħajjel lil Gonzi, bħall-aqwa oratur, konxju li l-folla quddiemu, (l-istess bħal dik quddiem Joseph), hija komposta għall-maġġoranza tagħha minn nagħaġ fidili mhedija jinjoraw lid-dinja u lebsin ta’ studenti universitarji, anzjani msadda b’memorji antiki u adulti bil-mażżra ta’ familthom ma’ għonqhom. Il-bqija: taħlitha ta’ nies intelliġenti li kielu u xebgħu minn fuq l-amministrazzjoni u jitwerwru jaħsbu fuq għada differenti. Bi kliem bħal tinsewx li aħna qegħdin fil-politika biex inservu.” u intom afdajtu lill-pajjiż f’idejn il-PN biex imexxi. Se ntuhulkom aħjar milli tajtuhulna”, jaf li anki l-eħrex qalb jaf taqbżilha demgħa!

ritratt: www.simonbusuttil.eu

Xmun ma kienx ħiereġ għall-elezzjoni, imma issa ħiereġ. Ma tridx tkun għaref fil-matematika biex tifhem kif tilgħab iċ-ċess. Ilbieraħ Xmun spjega għaliex din l-għażla tiegħu u spjegalna kif fil-familja tiegħu dejjem qies lill-Laburisti bħala familjari aktar milli avversarji. Fl-istess kitba t’opinjoni fuq il-ġurnal Times of Malta huwa stqarr ukoll:

“I do not believe in divisiveness but in unity. I do not believe in stubbornness but in compromise. No one is always right or always wrong.”

Għal darb’oħra, kliem imħallat mal-għasel. Tistħajlek qed tgħum għarwien fid-duwa tal-Maddalena. Fl-istess kitba, Xmun tenna wkoll:

“Change is good, but only when it is for the better. Not for the worse.”

u f’diskors dwar l-Unjoni Ewropea:

“… we cannot exploit these opportunities if we are led by a party that has been, at best, sceptical about them.”

U hawn jiġri l-bużillis. Nitfixkel. Niddubita lil għajnejja. Nerġa naqra. Imma le, sewwa qrajt. Filli karikatura ta’ persunaġġ kważi kważi qaddis li jippriedka l-għaqda u l-kompromess, filli ġurdien xiħ li b’reqqa makakka u messaġġ subliminali, jwissi lill-qarrej sabiex jagħraf lill-‘avversarju’ li huwa eħżen billi jiddeskrivih hekk kif kien xi snin ilu u mhux kif inhu llum! Politika tas-superstizzjoni.

Imma iva, il-popolin fidil jibqa’ jiġġudika l-wiċċ grazzjuż, il-vuċi sottili jew is-sentenza mirquma. Il-popolin jiġġudika l-kliem meqjus anki jekk mhux neċessarjament veru – bħali li kultant, bl-għaġġla, ngħażel nixtri l-pakkett għaġin skont is-sbuħija fid-disinn tal-pakkett u mhux fil-ġenwinità tal-prodott.

Qed toqrob il-‘gwerra’. U fil-pajjiż qed ngħixu xenarju fejn iż-żewġ partiti qed jillustraw l-arsenal, b’hekk imsejjħa warm up meetings, fori u diskussjonijiet. Partiti li qed jiftħu l-bieb għal kulħadd, basta jiġbru vot ta’ simpatija. Kważi kważi qed nistenna xi partit jikkandida lil xi kantant tal-Jurovixin jew xi preżentatur tat-telexopping. Lanqas naħsibha ma’ rrid!

L-ironija hi li min għażel li jiġġieled kontra l-attitudni giddieba tal-partiti, għadu qed jingħata bis-sieq.

Min kien diżgużtanti lejn il-pajjiż u lejn ċertu persunaġġi, jinsab f’żiffa ħelwa jsoff xi koxxa ħaruf.

Huma ftit dawk li urew l-appoġġ lejn min joħlom li jkisser dak li hu mmuffat biex jerġa jibni mill-ġdid b’saħħa ġdida. Huma ftit dawk li fehmu u emmnu li Gvern ma huwiex ekwivalenti għal partit iżda, rappreżentanza tal-poplu. Ftit huma n-nagħaġ fidili, jew l-intelliġenti mdardra, li kapaċi jiċħdu lill-Partit tagħhom għal ġid tal-pajjiż. Il-kredu tal-maġġoranza lejn il-Partit, jibqa’ wieħed: “Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt” f’ċapċipa kommossa u ftit dmugħ sħun.

Xmun rikeb il-vapur – Ngħid għalija, mira waħda. Hekk kif qiegħed ngħix f’Malta maqbuda f’xibka mxebilka, lanqas is-Sur Ogilvy ma jasal jikkonvinċini li xi partit lokali għandu ħila biżżejjed li jappoġġja l-verità u mhux jikkrea verżjoni partiġġjana tal-verità. Qed toqrob l-elezzjoni. Is-sinagogi bdew jixirfu l-aqwa fost l-aħjar oraturi u n-nagħaġ bdew ħerġin jirgħu bi ħġarhom anki f’deżert jifleġ.

Filwaqt li nistenna b’kurżità marida, l-istrateġiji ħorox ta’ persważjoni merfugħa b’tant għożża għall-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni, nitlob tagħmel xita qliel li tnaddfilhom għajnejhom u jaraw il-verità tlellex li tgħammixhom. Nitlob li kliem Gonzi Il-poplu Malti hu ntelliġenti biżżejjed biex jagħżel dak li hu sewwa u dak li m’huwiex” iseħħ tassew u xi darba jispiċċa darba għal dejjem il-kunċett ta’ żewġ partiti politiċi li qerdu l-intelliġenza tal-poplu Malti.

Franco u l-“Yes Men”

L-iktar mument li ċaqlaqni fl-aħħar ġimgħa, le, ma kienx il-goal ta’ Tim Howard, lanqas l-irwiefen tal-Ġimgħa u wisq iktar il-lecture ikkanċellat bla mistenni fit-8am.

Kienu ftit kelmiet li qaltli persuna mhux Maltija, mħarrġa u ta’ ntellet għoli ħafna li spjegatli kif hawn Malta, l-ulied Maltin jitrawwmu f’sistema edukattiva u kulturali li tiprogrammak sabiex tifhem, tobdi u tieħu post dak ix-xwejjaħ li jirtira filwaqt li ma tgħatikx iċ-ċans tqum kontriha. Kultura tal-“IVA” u tal-“Yes Sir!” fejn min jgħid “LE” isir periklu nazzjonali. Kultura servili li nġorru bħala persuni u fl-opinjoni tiegħi anki bħala pajjiż, meta nitkellmu fuq termini ewropej.

Interessanti l-punt li jsostni dan l-argument; kumbinazzjoni punt għal qalbi wkoll… it-tneħħija tal-monument tas-Sette Giugno minn quddiem il-Parlament. “L-uniċi Maltin li qamu u mietu għad-drittijiet tal-poplu twarrbu mill-iktar pjazza mportanti tagħkom” – qaltli din l-istess persuna.

Tassew! Tgħid huwa minnu li s-sistema tipprova twarrab kull persuna jew tifkira li tista tfakkar id-dritt tal-protesta u/jew id-dritt tal-poplu li jmexxi pajjiżu?

Bis-sitwazzjoni fix-xenarju politiku ta’ bħalissa, ma nsibx risposta oħra ħlief “iva” ċara u tonda! Dan narah ċar bil-metodi xejn eleganti li bih qed jiġi ndirizzat id-deputat Franco Debono fuq il-midja u netwerks soċjali. Nibdew bil-Professur Henry Frendo li ndirizzah bħala “a no-quantity back-bencher”, u nkomplu bil-proġett mitiku fuq facebook fejn qed tiġi mitluba r-riżenja ta’ Debono. Kien hemm min qallu li jħobb jiekol waħdu mill-platt u biex tkompli, bħalissa qed tinġabar petizzjoni minn xi kunsill sabiex jirriżenja. Dan kollu filwaqt li issues jaħarqu li nvolvew parlamentari oħra ġew injorati – kważi kważi b’nifs qawwi ‘l barra!

Tassew sitwazzjoni tad-daħk, fejn għal darba oħra, ż-żewġ timijiet (li jaqblu biss waqt xi attività ta’ ġbir ta’ fondi fejn ikun hemm bżonn ħafna qargħa ħamra), qegħdin jużaw lill-Onerevoli Debono biex jiddefendu x-xibka qaddisa tagħhom.

Tal-PL, bdew jixgħelu x-xemgħat quddiem figuri ta’ Franco Debono, jużaw b’ċertu entużjażmu, it-termini li ħareġ bihom hu bħal “oligarkija”, “klikka” u “evil” u jibbettjaw fuq iċ-ċans li l-pożizzjoni tiegħu twassal lil Lawrence Gonzi jsejjaħ elezzjoni. Dan kollu biex jaħarqu lil kowċis, plejers u partitarji tat-tim il-blu.

Tal-PN, minn naħa l-oħra, ipenġu lil Debono (wieħed minnhom) bħala traditur, ikantaw l'”Hallelujah” lil Gonzi, u jiddeskrivu lil min jappoġġja atteġġjament bħal ta’ Debono bħala megalomaniaċi. Kważi kważi nħoss li hemm min minnhom diġa lesta masġar u ħabel għal dan il-Ġuda! Saħansitra hemm min qal li kien hemm il-qniepen fil-kurva sud! Sforz kollettiv sabiex ma jħallux ħjiel ta’ tort fuq il-gowler ta’ jdejh sodi u biex ma jpaxxux lill-avversarji tal-flokkijiet u peduni ħomor.

Innutajt li ftit jifhmu eżatt is-sens li hemm x’toħroġ mill-atteġġjament ta’ Debono f’dan il-mument. Hu x’inhu l-karattru ta’ Debono, huma l-pożizzjonijiet li ħa f’dal mument li naħseb ta’ min wieħed jirrikonoxxi. J’Alla li għal kuntrarju tas-Sur Engerer ma’ jaqsamx il-pitch u għal kuntrarju ta’ JPO ma jibqax fejn hu, kontra qalbu! Naħseb wasal iż-żmien li bħalu nisħqu li hemm bżonn tinbidel il-mentalità fejn il-Partiti jiġu qabel l-iStat. Fejn hemm bżonn ma naċċettawx aktar sistemi fejn il-klikek igawdu.

U jekk jifdallek dubju kemm dan huwa minnu, tidħol facebook u ssib diskursati hekk minn partitarji nazzjonalisti:

Issib ukoll diskussjonijiet simili minn partitarji laburisti li filwaqt li jittamaw f’elezzjoni minn fuq l-għoġol sagrifikat, jiddiskutu kif fil-futur, persunaġġi “perikolużi” bħalu ma għandhomx jitħallielhom ċans li jkunu fil-Parlament! Li ma jmurx jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi fit-tmexxija u jtellfuhom mill-poter:

X’nikkonkludi minn dan kollu? Nikkonkludi li l-aqwa deskrizzjoni li qatt ingħatat tal-akbar 2 partiti Maltin irnexxielu jgħatiha biss is-Sur Norman Lowell. Nikkonkludi li l-Prim ħa erbgħa snin sabiex jgħati każ ideat validissimi ta’ wieħed mill-MPs eletti, li ġenwinament jidher entużjast u lest li jaħdem. Nikkonkludi li min illum qed jitmejjel b’rappreżentant tiegħu/tagħha għax ftaħar bir-riżultati tal-iskola filwaqt li jinsa li dan tkellem ukoll dwar realtajiet li kienu qed jintefgħu taħt it-tapit, ma jafx jiżen is-serjetà tal-politika! Nikkonkludi li dak huwa autogol u li dawn il-Yes Men huma il-vera Skarjota. Dak li xeħet dawl fuqu Franco Debono huwa iktar importanti mill-persunaġġ u m’għandux jiġi njorat, huwa x’inhuwa s-sors!

Is-SALE ta’ Jannar

Għadda l-Milied u wasal żmien is-sales. Għandek idea meta f’Diċembru ċertu ħwienet jgħollu l-prezzijiet sabiex f’Jannar jiksu l-vetrina bil-kliem SALE, SALE, SALE?

Fil-bidu ta’ din il-leġislatura Lawrence Gonzi approva żieda ta’ 500 fil-ġimgħa lill-MPs, imma issa, ftit minuti ilu ħareġ jgħid li ser ineħħiha “sabiex jgħati l-ewwel sinjal li l-Gvern qed jieħu azzjoni biex insalvaw l-ekonomija u nilqgħu għall-mewġ tal-2012”

Strateġija ta’ SALE ikolli ngħid!

Appuntu hemm fejn nerġa ntenni l-apprezzament tiegħi lejn Franco Debono meta jgħid (nikkwota mit-Times of Malta)

“What happened today means that Lawrence Gonzi, who did not resign after blatantly disrespecting the will of the majority expressed in a referendum, must now resign immediately since this is an admission that the country has gone through four years of suffering uselessly,”

u

“Today’s decisions, he said, also meant that there were characters lurking in the background and manipulating behind the scenes. “It also means that I have been right all along and every advice I have given should have been implemented without causing undue suffering to this nation, and to me.”

Ma nistax ma nirringrazzjax il-kuraġġ u stamina ta’ dan il-bekbenċer li tassew irrispetta l-fiduċja li ngħatatlu fl-elezzjoni u qam għall-ġid tas-sistema.

L-ironija hija biss li fis-Sales ta’ Jannar, ħafna minn dawn il-ħwienet xorta jgħamlu suċċess fil-bejgħ tagħhom u probabilment anki din l-istrateġija politika taf issarraf f’riżultati pożittivi għal Gonzi. Biss biss, meta tara l-insulti li jirċievi Franco Debono mill-partiġġjani nazzjonalisti fuq Times of Malta tieħu sensazzjoni li s-sales ser iħallu l-qliegħ!