L-iktar mument li ċaqlaqni fl-aħħar ġimgħa, le, ma kienx il-goal ta’ Tim Howard, lanqas l-irwiefen tal-Ġimgħa u wisq iktar il-lecture ikkanċellat bla mistenni fit-8am.
Kienu ftit kelmiet li qaltli persuna mhux Maltija, mħarrġa u ta’ ntellet għoli ħafna li spjegatli kif hawn Malta, l-ulied Maltin jitrawwmu f’sistema edukattiva u kulturali li tiprogrammak sabiex tifhem, tobdi u tieħu post dak ix-xwejjaħ li jirtira filwaqt li ma tgħatikx iċ-ċans tqum kontriha. Kultura tal-“IVA” u tal-“Yes Sir!” fejn min jgħid “LE” isir periklu nazzjonali. Kultura servili li nġorru bħala persuni u fl-opinjoni tiegħi anki bħala pajjiż, meta nitkellmu fuq termini ewropej.
Interessanti l-punt li jsostni dan l-argument; kumbinazzjoni punt għal qalbi wkoll… it-tneħħija tal-monument tas-Sette Giugno minn quddiem il-Parlament. “L-uniċi Maltin li qamu u mietu għad-drittijiet tal-poplu twarrbu mill-iktar pjazza mportanti tagħkom” – qaltli din l-istess persuna.
Tassew! Tgħid huwa minnu li s-sistema tipprova twarrab kull persuna jew tifkira li tista tfakkar id-dritt tal-protesta u/jew id-dritt tal-poplu li jmexxi pajjiżu?
Bis-sitwazzjoni fix-xenarju politiku ta’ bħalissa, ma nsibx risposta oħra ħlief “iva” ċara u tonda! Dan narah ċar bil-metodi xejn eleganti li bih qed jiġi ndirizzat id-deputat Franco Debono fuq il-midja u netwerks soċjali. Nibdew bil-Professur Henry Frendo li ndirizzah bħala “a no-quantity back-bencher”, u nkomplu bil-proġett mitiku fuq facebook fejn qed tiġi mitluba r-riżenja ta’ Debono. Kien hemm min qallu li jħobb jiekol waħdu mill-platt u biex tkompli, bħalissa qed tinġabar petizzjoni minn xi kunsill sabiex jirriżenja. Dan kollu filwaqt li issues jaħarqu li nvolvew parlamentari oħra ġew injorati – kważi kważi b’nifs qawwi ‘l barra!
Tassew sitwazzjoni tad-daħk, fejn għal darba oħra, ż-żewġ timijiet (li jaqblu biss waqt xi attività ta’ ġbir ta’ fondi fejn ikun hemm bżonn ħafna qargħa ħamra), qegħdin jużaw lill-Onerevoli Debono biex jiddefendu x-xibka qaddisa tagħhom.
Tal-PL, bdew jixgħelu x-xemgħat quddiem figuri ta’ Franco Debono, jużaw b’ċertu entużjażmu, it-termini li ħareġ bihom hu bħal “oligarkija”, “klikka” u “evil” u jibbettjaw fuq iċ-ċans li l-pożizzjoni tiegħu twassal lil Lawrence Gonzi jsejjaħ elezzjoni. Dan kollu biex jaħarqu lil kowċis, plejers u partitarji tat-tim il-blu.
Tal-PN, minn naħa l-oħra, ipenġu lil Debono (wieħed minnhom) bħala traditur, ikantaw l'”Hallelujah” lil Gonzi, u jiddeskrivu lil min jappoġġja atteġġjament bħal ta’ Debono bħala megalomaniaċi. Kważi kważi nħoss li hemm min minnhom diġa lesta masġar u ħabel għal dan il-Ġuda! Saħansitra hemm min qal li kien hemm il-qniepen fil-kurva sud! Sforz kollettiv sabiex ma jħallux ħjiel ta’ tort fuq il-gowler ta’ jdejh sodi u biex ma jpaxxux lill-avversarji tal-flokkijiet u peduni ħomor.
Innutajt li ftit jifhmu eżatt is-sens li hemm x’toħroġ mill-atteġġjament ta’ Debono f’dan il-mument. Hu x’inhu l-karattru ta’ Debono, huma l-pożizzjonijiet li ħa f’dal mument li naħseb ta’ min wieħed jirrikonoxxi. J’Alla li għal kuntrarju tas-Sur Engerer ma’ jaqsamx il-pitch u għal kuntrarju ta’ JPO ma jibqax fejn hu, kontra qalbu! Naħseb wasal iż-żmien li bħalu nisħqu li hemm bżonn tinbidel il-mentalità fejn il-Partiti jiġu qabel l-iStat. Fejn hemm bżonn ma naċċettawx aktar sistemi fejn il-klikek igawdu.
U jekk jifdallek dubju kemm dan huwa minnu, tidħol facebook u ssib diskursati hekk minn partitarji nazzjonalisti:
Issib ukoll diskussjonijiet simili minn partitarji laburisti li filwaqt li jittamaw f’elezzjoni minn fuq l-għoġol sagrifikat, jiddiskutu kif fil-futur, persunaġġi “perikolużi” bħalu ma għandhomx jitħallielhom ċans li jkunu fil-Parlament! Li ma jmurx jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi fit-tmexxija u jtellfuhom mill-poter:
X’nikkonkludi minn dan kollu? Nikkonkludi li l-aqwa deskrizzjoni li qatt ingħatat tal-akbar 2 partiti Maltin irnexxielu jgħatiha biss is-Sur Norman Lowell. Nikkonkludi li l-Prim ħa erbgħa snin sabiex jgħati każ ideat validissimi ta’ wieħed mill-MPs eletti, li ġenwinament jidher entużjast u lest li jaħdem. Nikkonkludi li min illum qed jitmejjel b’rappreżentant tiegħu/tagħha għax ftaħar bir-riżultati tal-iskola filwaqt li jinsa li dan tkellem ukoll dwar realtajiet li kienu qed jintefgħu taħt it-tapit, ma jafx jiżen is-serjetà tal-politika! Nikkonkludi li dak huwa autogol u li dawn il-Yes Men huma il-vera Skarjota. Dak li xeħet dawl fuqu Franco Debono huwa iktar importanti mill-persunaġġ u m’għandux jiġi njorat, huwa x’inhuwa s-sors!