Tag: maltatoday

Bloggers (mhux) alternattivi

Fost riċerka u xogħol akkademiċi u xi biċċa xogħol b’risq il-ħobżna ta’ kuljum, mawra qasira fuq facebook ma tħallinix bi kwieti. Innutajt kif Carmel Cacopardo fl-aħħar jiem ikkritika b’mod kostruttiv il-ħatra ta’ Franco Debono sabiex jieħu ħsieb il-konvenzjoni Kostituzzjonali. Saħansitra ftit minuti ilu ngħaqad miegħu James Debono tal-MaltaToday li filwaqt li għaraf il-merti ta’ Franco Debono, saħaq, l-istess bħal Cacopardo, u l-Partit Nazzjonalista, li Debono huwa persunaġġ ‘divisiv’. Tali raġunamenti jħalluni lampa stampa u b’geddumi mdendel fuq il-mejda!

Ma naffordjax nikteb fit-tul illum għax diġà erbgħa u għoxrin siegħa ma jservunix, aħseb u ara! Se ngħamel biss osservazzjoni ċkejkna madwar il-blog ta’ Cacopardo u dak ta’ James Debono. Bħal li kieku taqbad karozza u taqlibha rasha l-isfel u targumenta li l-karozza ma tistax timxi, l-istess l-argument tagħhom, f’għajnejja.

Ta’ min niftakru li Franco Debono safa ntitolat “irrelevanti” mill-kap tal-PN u ġie miċħud kull ċans li jerġa jkun kandidat f’isem il-partit li fih kien jimmilita. Issa mill-argument ta’ dawn ħadt l-impressjoni li minħabba li fil-PN hemm min ser jibqa’ ostinat kontra kull ħaġa li toħroġ minn fomm Franco, kien ikun aħjar kieku l-Gvern għażel lil xi ħadd ieħor għal dan l-inkarigu.

Jekk, fi kliem James Debono stess, Franco huwa persuna ferm eliġibbli għal dan l-inkarigu għalfejn, huwa stess u Cacopardo jgħażlu li jċedu l-armi għall-ostinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista? Jaqaw jippreferu li f’pajjiż demokratiku u Ewropew, ngħatu każ dawn it-tattiċi ta’ biżà u ma ninnominawx lill-aktar persuna xierqa għal kariga? Minflok, għalfejn ma jeħduhiex qatta bla ħabel kontra l-injoranza patetika li qed tirrenja f’Partit, jew aħjar, xi klikka minnu li ntenzjonalment tgħażel li tibqa’ ostili quddiem l-enerġija u l-motivazzjoni ta’ Franco!

Ma ngħamlux mod li jekk il-PN ma jibdiex jivvota favur l-emendi tajbin issuġġeriti minn Franco, ikun it-tort ta’ Franco stess jew tal-Gvern li nnominah, hux hekk?