Sal-bidu tas-sena 2012, l-ewwel appuntament li kont nistenna bi ħġari ma’ l-avvent ta’ sena ġdida kienet tkun il-ġurnata tat-28 ta’ Jannar, jum twelidi, biss, bħall-llum sena, dan kollu nbidel. Ili ftit jiem issa nistenna dan il-jum tal-10 ta’ Jannar sabiex “niċċelebra” l-ewwel anniversarju tal-edizzjoni memorabbli tal-programm Bondi+ flimkien mal-mistieden, id-Deputat Franco Debono.
Kienet serata li ħafna segwew b’interess, mhux biss għax id-Deputat ‘ribelli’ kellu ċans ieħor sabiex iwassal ħsibijietu iżda wkoll għax b’mod tassew mhux mistenni l-programm ġie estiż b’numru ta’ minuti.
Iżda illum, wara sena, x’fadal minn dik is-serata? Personalment l-iktar fatt importanti, ma hux l-element ta’ rebħa argumentattiva li ħafna kienu attribwixxew lid-Deputat fil-konfront tal-preżentatur. Lanqas il-mod kif l-iskeda ta’ TVM akkomodat dan il-programm. F’moħħi jibqgħu mpressi żewġ frażijiet, illum ċelebri, li ħarġu bl-aktar mod spontanju imma profond minn fomm Franco Debono. Huma frażijiet li llum nirrikonoxxi kemm jidentifikaw il-personalità tiegħu.
Illum li kelli x-xorti niltaqa’ u nitħadded ma’ Franco Debono, nilmah fih personalità li ma taċċettax li tkun pappagall ta’ xi ideoloġija staġnata, Personalità li b’ħafna ħeġġa u emozzjoni, tinsa lilha nfisha u titbaqbaq favur id-drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem f’kull aspett tal-ħajja. Illum napprezza li dak li rajt u smajt fil-kaxxa ta’ John Logie Baird fl-10 ta’ Jannar 2012 kiber f’realtà, tassew relevanti, bħal għeruq li jfittxu li jrawwmu l-identità; l-identità tal-poplu Malti fi ħsieb liberu.
Minħabba li l-verżjoni sħiħa tal-programm imsemmi, ma tinstabx fuq l-internet, hawn hu r-rapport ta’ ONE News dwar l-imsemmi programm.
Ikolli ngħid, mument li b’mod permanenti, ċaqlaq il-pedamenti tal-midja, il-politika u l-ħsieb tal-poplu Malti.