Tag: ostrich

Prattici politici alternattivi

Bħal fuq mejda fejn fuq naħa ssib ħlewwiet liema bħalhom u fuq oħra ssib ikel imżewwaq b’kaloriji numerużi, ix-xenarju politiku Malti. Għaldaqstant, tiġi xewqa naturali li tfittex platti ġodda.

Michael Briguglio waqt dawn is-sbatax -il minuta fl-istudjo ta’ Lou Bondì, ħallieli togħma tajba. Nammetti li l-karriera mużikali mżewwqa ta’ Briguglio teffettwani filli nħares lejh bħala bniedem li ma jgħix fuq pedistalli għaldaqstant mhux sorpriż bid-deskrizzjonijiet u l-kritika tiegħu lejn iż-żewġ partiti l-kbar.

Sfortunatament hemm principji tal-AD li xorta waħda ma naqbilx magħhom, specjalment l-ecitament li jesprimu lejn l-Unjoni Ewropea, biss, nistqarr li hija issue minuri meta nqabbilha mal-opportunità li dan il-pajjiż jista sa fl-aħħar ikollu rappreżentant minn partit ieħor fil-Parlament.

Uħud isostnu li dak ikun xenarju perikoluż. Iżda kemm hu aktar perikoluż ix-xenarju ta’ vot ta’ fiducja dwar Ministru, li jiġi konkluż b’vot retoriku ta’ Speaker li m’għandux għażla ħlief li jissapportja l-idea tal-gvern? Nippreferi vot maħsub ta’ kandidat “liberu” miż-żewġ partiti l-kbar milli vot indeskrivibilment patetiku fl-għola struttura politika ta’ dan il-pajjiż “suppost” avvanzat!

Nittama biss li specjalment quddiem il-vot ta’ fiducja għall-gvern li ser jittieħed nhar it-Tlieta, l-AD jirrealiżżaw l-imminenza ta’ elezzjoni. Nittama li għaddiet minn rashom l-idea li jattiraw fosthom parlamentari li għandhom opinjoni bħal Jeffrey Pullicino Orlando, Cyrus Engerer u Franco Debono. Nidħak meta naħseb kif dawn it-tlieta għadhom jimmilitaw f’partiti, li għandhom rashom fir-ramel tal-istatuti. Il-każ ta’ Engerer huwa iktar inkoncepibbli meta tqis li dan niżel minn fuq Ostrich biex jirkeb oħra!

Persunaġġ ieħor li nara fix-xenarju politiku mhux partiġġan huwa żgur ix-xjentist, kandidat għal premju Nobel, Marco Cremona. Nispera fil-ħanin Alla li persunaġġ tant validu ġie kkonsultat u/jew ikkunsidrat minn Briguglio!

Issa naraw. Forsi l-magni kummercjali tal-AD huma żgħar jew saħansitra ineżistenti imma żgur li hemm meżżi u modi kif tasal iktar u tasal aħjar. Illum hemm faxxa ikbar ta’ poplu li qamet mill-aljenazzjoni politika u hija din il-faxxa fejn l-AD għandha tibbaża l-ħidma tagħha.