Tag: jonmallia

Dwar Jon u Mario Philip

Għadni kif segwejt il-poddata ta’ Jon Mallia mal-ex kollega Mario Philip Azzopardi (MPA). Diskursata oħra nteressanti li ħarġet veritajiet varji dwar karattru li b’mod ġenerali jiġġenera rabja lil ħafna nies, iktar minn kemm iġġenera Baggio nhar is-17 ta’ Lulju 1994. Nemmen li kif qal Jon, ħafna minn din ir-rabja ġejja mill-famuż intervent li flimkien ma’ oħrajn MPA għamel fis-silta tal-kampanja tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-2013 u li eventwalment urietna li kienet farsa.

Ma’ MPA ħdimt madwar sentejn u nofs fil-Fondazzjoni Valletta 2018 u kien fil-mumenti fejn iddiskutejt u rraġunajt miegħu dwar ħidmietna li ammirajt il-passjoni tħeġġeġ fih – kemm meta sħajjiltu l-Vesuvju fl-isplużjoni li jmissu, kif ukoll meta stħajjiltu teddy bear imdaqqas lest biex jitrassas. Forsi għax kif jgħidu l-kollegi tiegħi illum, jien twajjeb, nadatta ruħi ma’ kulħadd, ndum ma’ nirrabja u xi snin ilu insejt l-ego tiegħi x’imkien u qatt ma mort niġbru lura? Minjaf! Filfatt it-taħdita ma’ Mallia kienet tkun iktar interessanti li kieku MPA irrakkonta l-esperjenza tiegħu meta kien inħatar Direttur Artistiku tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Jaf kont inġedded xi memorji, insolvi xi misteri u nikkonferma xi fatti.

Issa li smajt lil MPA jiddeskrivi l-iskript tal-produzzjoni “ix-Xiħa”, nista’ ngħid li fformulajt opinjoni dwar il-każ li fih it-Teatru Manuel ikkanċellalu din il-produzzjoni. Bil-premessa li jien ma qrajtx l-iskript, naqbel ma’ MPA li kemm-il darba tinkiteb storja li fiha jkun hemm karattru ta’ blogger li tinqatel, ma jfissirx li dik hija essenzjalment personifikazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess jekk nirreferi għal karattru ta’ raġel imsallab ma’ salib – ma jfissirx li qed nitkellem dwar Kristu u jekk nirreferi għal Prim Ministru korrot mhux nalludi għal… fhimtni. Minn naħa l-oħra kull awtur intelliġenti jaf li jekk ser jagħmel dawn it-tip ta’ riferenzi, f’mumenti fejn is-soċjetà għadha ġġor ħasda, feriti u rabja dwar qtil makabru u kodard, ir-riferenzi implikati jiġu kemmxejn ovvji, le? Dan speċjalment ma’ poplu li mhux imdorri jomgħod qabel jibla’. Nemmen ukoll li awtur kontemporanju, intelliġenti u kreattiv jista’ jagħmel dawn ir-riferenzi b’mod kreattiv sabiex jinstiga dubju u allura aktar interess madwar kitbietu.

Poster ta’ “ix-Xiħa”.

Naqbel ukoll ma’ Chris Gatt li saħaq li din il-bidla fil-ħsieb fl-aħħar minuti turi li d-direzzjoni tat-Teatru Manoel ma kinetx kapaċi tirreżisti il-pressjoni pubblika, jekk mhux politika wkoll. Jiena nżid nistaqsi kif ladarba ħadd fost l-atturi ma xamm xi riskju jinten meta l-iskript ġie mgħoddi lilhom, dawn ħarbu mil-produzzjoni hekk kif qamet il-kritika!

MPA sejjaħ “traġedja” il-fatt li l-ebda artist ma’ tqanqal sabiex jissapportja l-kawża tiegħu favur il-produzzjoni “ix-Xiħa”. Naħseb Mario jaf biżżejjed kif fil-kamp artistiku Malti, mhux biss dak teatrali, is-sapport u l-kollaborazzjoni fuq livell politiku-soċjali ma’ jeżistux. It-traġedja hija magħmula minn artisti li jibżgħu jikkritikaw is-soċjetà attwali; uħud sabiex jevitaw li jiġu ttimbrati “negattivi” filwaqt li oħrajn jinteressahom biss li jkunu fil-klikka irrispettata sabiex l’opportunitatjiet mal-Gvern ma jitnaqqsulhomx u jkunu jistgħu jdoqqu t-trombi hekk kif jinawguraw il-proġett li jmiss. Issib ukoll dawk li għalkemm fil-privat jikkritikaw lill-Gvern, jisktu fid-dominju pubbliku sabiex jibqgħu jidhru sbieħ quddiem xi Ministru u entitajiet li jroxxu l-flus. Fl-aħħar mill-aħħar qed ngħixu f’pajjiż b’kultura msejsa fuq il-flus!

Rigward il-klikek elitisti li jirrenjaw fis-soċjetà artistika, ma nistax ma naqbilx ma’ MPA. Fil-kamp tal-arti viżiva din ir-realtà iltqajt magħha taħt il-bandiera tal-lingwi, tal-klikek u tal-appartenenzi kulturali. Meta stajt, pruvajt niġġieled ħafna dan il-klassiżmu; mostru moqżież li sfortunatament għadu madwarna.

Nammira l-mod ġenwin kif MPA spjega kif ippreżenta l-idea tal-iStaġun Teatru Malti lill-Gvern sabiex jingħata grant. Anki jekk ma taqbilx miegħu, tisimgħu jitkellem u tħoss qalbu tħabbat. Niskanta kif il-Gvern temm is-sistema ta’ one-to-one deal fuq grants billi waqqaf awtorità bħall-Kunsill tal-Arti, iżda xorta ippermetta dan it-tip ta’ pitching kemmxejn old school. Ma jkunx ġust li filwaqt li min hu b’saħħtu jħawwel, numru ta’ artisti validi ikollhom jgħaddu mill-martirju tedjanti tal-proċess tal-applikazzjoni għal dan l-istess dritt li jwettqu l-ħolm kreattiv tagħhom. Filwaqt li l-metodu ta’ MPA huwa iktar prattiku, is-sistema adottata llum hija intenzjonata li tkun iktar ġusta fil-prinċipju u għaldaqstant għandha tkun applikata b’diliġenza fuq kulħadd, f’ġieħ is-sewwa.

Nagħlaq billi nsellem lil MPA u nħeġġu sabiex jinfatam minn teatru partikolari wieħed, anzi jipprova jirriġenera oħrajn bħall-Orpheum u r-Rialto, ironikament propjetà tal-Partit Laburista, jekk m’inix sejjer żball. Inħeġġu wkoll jerħi r-rabja u dipressjoni (kif indika hu fl-aħħar kummenti ta’ din il-poddata) sabiex iqarreb aktar lejn il-poplu matur billi jistqarr b’saħħa li l-valuri soċjalisti li seffaq wiċċu għalihom fl-2013 illum m’għadekx issibhom fil-Partit Laburista, daqs kemm baqa’ ma nstabx dak il-ballun ta’ Baggio.

San Tropez, Jon Mallia u jien

Ftit tal-ħin ilu ktibt post fuq il-profil tiegħi ta’ Facebook dwar Matilde – mara anzjana li ħalliet din id-Dinja f’solitudni fl-aħħar ġranet. Eżatt kif tfajt il-post, inzertajt post ta’ ħija Renzo, bix-xieraq ifaħħar il-vidjo li xeħet Jon Mallia li matulu esprima ruħu dwar l-immigrazzjoni.

Ma stajtx ma nfurx bis-sentimenti u ħsibijiet. Alleluja għidt wara kull frażi li tenna Jon għalkemm xtaqtu jagħmel distinzjoni bejn l-immigrazzjoni legali u llegali. Ma kien hemm xejn komuni bejn dak li ktibt dwar Matilde u dak li qal Jon, ħlief il-Ħamrun. Il-lokalità li kulma jmur qed tibda ssir it-tieni dar tiegħi ladarba l-Gvernijiet li ħakmu pajjiżi, keċċew lili u lil ħuti mill-Belt Valletta u spiċċajt emigrajt jien ukoll.

Il-punt ta’ għeluq ta’ Jon huwa kruċjali għal dak li ili nipprova nesprimi għal tul ta’ snin. “Miżerja ta’ eżistenza qed noffrulhom. Għax hawn ma nistgħux intuhom dinjità. U t-traffikanti tan-nies jabbużaw bil-klemenza ta’ niesna.” Imma iva Jon, kull meta kont imħasseb u tkellimt, ħafna qaluli xitan. L-istess bħalma qalu lil Salvini fl-Italja li dan l-argument ilu jwerżqu madwar tliet snin żgur. Kif jista’ pajjiżi jgħin lil ħutna barranin jekk ħutna fl-istess dar jinsabu fil-miżerja diġà? U żobbi mhux “bil-barka tiegħi” dawn l-iskjavi suwed Jon!

Alleluja! Fl-aħħar anki l-iktar ġuvnott cool fuq wiċċ dal-kruha ta’ pajjiż qalha kif inhi, bla mibgħeda iżda kif inhi. Issa ejja nħaġġruh, ejja nibbojkottjaw kull intervent tiegħu. Ejja nagħmlu like lil Jon kif għamlet l-ex tiegħi li tassew nirrispetta iżda li għażlet li tagħmel “unfollow” lil Salvini għax xi ħadd wassalha temmen li dan mhux “sulfarina mħassba” imma razzist.

Fl-aħħar l-iktar ġuvnott cool qed jgħidilna li din tal-burden sharing kienet u hija fażulla u li kollha kemm aħna ninsabu f’nofs ta’ baħar ngħerqu fil-ħażen ta’ moħħ min “imexxi”. Inkredibbilment għad hawn min jafda lit-tmexxija/lis-sistema ta’ dan il-pajjiż moħxi. Kif tista’ quddiem tant omertà li tista’ tmissek fil-għoli u anki fil-baxx? Fil-bidu tal-elfejnijiet kien hemm min kien jiddieħak b’min bħali kien jgħid li kif ser niftħu l-bibien, ser ninħakmu – mhux mis-suwed – imma minn kulturi oħra. Issa d-daħk sar inkwiet.

F’pajjiż imnejjek bħal dan fejn il-valuri intremew, fejn it-twaqqif ta’ Xarabank hija iktar inkwetanti mid-dwejjaq li suppost għandek fl-istonku dwar ir-raġel li qed jaqlibielek imma mhux jgħidlek, fejn il-vidjo ta’ Ryan – li jien sirt naf bih grazzi għal waħda li tgħid li tobgħod il-hate speech imma xxerjatu – huwa qattiel, fejn li ddaħħal lill-ħaddiema x-xogħol hija iktar importanti mill-mard li qed jinxtered, fejn proġett kulturali huwa wirja ta’ dgħajjes u mhux trawwim lejn modi iktar sani kif ngħixu, fejn l-artist huwa għoxx ikkakmat u kkontrollat mill-fondi li jipprovdilu l-Gvern, f’pajjiż hekk ma narax tama li r-rieda, impenn u infrastruttura li qed jitlob Jon huma possibbli. Dan sakemm Strada Rjali ma tinħakimx minn nirien li jixtieq Mario Vella f'”Nixtieq“.

Rivoluzzjoni? Iva. Din għad isseħħ meta l-Malti jinduna li mhuwiex imdawwar mis-suwed.

Rivoluzzjoni? Iva. Din għad isseħħ meta l-Malti jinduna li mhuwiex imdawwar mis-suwed. Meta l-Malti jinduna li f’sistema li ma tintegra lil ħadd, jinsab maħkum minn kulturi li m’humiex tiegħu. Meta l-Gvern u l-Malti li qatt ma fassal metodi ta’ ntegrazzjoni, jara l-ewwel kultura u reliġjon differenti minn tiegħu rappreżentati fil-Parlament Malti. Hemmhekk id-daħk tal-bidu tal-elfejnijiet isir theżżiż tas-snin u forsi nemigraw aħna wkoll, bi dritt, fuq dgħajsa.

Alleluja! Qed naslu. Fl-aħħar, wara li qridniha, qed naslu nagħrfu d-drittijiet u l-limitazzjonijiet ta’ darna – ċattra f’nofs Mediterran. Forsi fl-aħħar nikbru u nieqfu ngħidu li razzist huwa l-missier li jibża għad-drittijiet ta’ uliedu, martu u daru bla ma jonqos mir-rispett ta’ dawk li jgħixu bil-modi tagħhom fl-appartament ta’ faċċata, mifrud minn żewġ bibien imsakkra.

Forsi nifhmu li razzist xi ftit huwa int li blokkjajt lil ħuk minn Facebook għax ma qbiltx miegħu jew għax ma jippostjax favur il-partit tiegħek. Razzist int li wara li tnejjikt b’min kont tgħid li tħobb, għidt kontrih fuq ix-xogħol u għamiltlu l-ħsara. Razzist int li m’int kapaċi għal xejn ħlief li titħabbeb maċ-ċirku ta’ elitisti u tħares l-isfel lejn min iħobb jgħix il-kultura tiegħu. Razzist il-Gvern li eskluda artisti minn opportunitajiet nazzjonali għax ma qabilx mal-veritajiet li jikkritikawh f’xogħolhom.

Matilde ta’ San Tropez mietet waħedha. Is-sistema baqgħet tibgħatilha l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-kont tal-bank anki meta din kienet bid-dementia ‘l bogħod minn darha. Ħadd ma kellu dritt jaċċessahom u bl-ebda mod ma gawdiethom. Minjaf il-bank illum dabbarx lira tajba żejda minn fuq dahra li bihom jista’ jorganiżża l-orġa tant magħrufa ta’ żmien il-Milied?

Sadattant l-iswed għadu jifleġ dahru fix-xemx għal €2 fis-siegħa. Miet wieħed bil-mutur. Ħabibti ħarqulha l-karozza. Instabu 33 każ ta’ Covid-19 illum. L-Inter tilfu. Ibrahimovic ser jiffirma u dalwaqt it-15:00. Dil-ħajja tkompli qalb aljenazjoni kbira. Imma forsi nistembħu kull għoxrin sena.

Grazzi Jon.