Tag: blog

Dwar Jon u Mario Philip

Għadni kif segwejt il-poddata ta’ Jon Mallia mal-ex kollega Mario Philip Azzopardi (MPA). Diskursata oħra nteressanti li ħarġet veritajiet varji dwar karattru li b’mod ġenerali jiġġenera rabja lil ħafna nies, iktar minn kemm iġġenera Baggio nhar is-17 ta’ Lulju 1994. Nemmen li kif qal Jon, ħafna minn din ir-rabja ġejja mill-famuż intervent li flimkien ma’ oħrajn MPA għamel fis-silta tal-kampanja tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-2013 u li eventwalment urietna li kienet farsa.

Ma’ MPA ħdimt madwar sentejn u nofs fil-Fondazzjoni Valletta 2018 u kien fil-mumenti fejn iddiskutejt u rraġunajt miegħu dwar ħidmietna li ammirajt il-passjoni tħeġġeġ fih – kemm meta sħajjiltu l-Vesuvju fl-isplużjoni li jmissu, kif ukoll meta stħajjiltu teddy bear imdaqqas lest biex jitrassas. Forsi għax kif jgħidu l-kollegi tiegħi illum, jien twajjeb, nadatta ruħi ma’ kulħadd, ndum ma’ nirrabja u xi snin ilu insejt l-ego tiegħi x’imkien u qatt ma mort niġbru lura? Minjaf! Filfatt it-taħdita ma’ Mallia kienet tkun iktar interessanti li kieku MPA irrakkonta l-esperjenza tiegħu meta kien inħatar Direttur Artistiku tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Jaf kont inġedded xi memorji, insolvi xi misteri u nikkonferma xi fatti.

Issa li smajt lil MPA jiddeskrivi l-iskript tal-produzzjoni “ix-Xiħa”, nista’ ngħid li fformulajt opinjoni dwar il-każ li fih it-Teatru Manuel ikkanċellalu din il-produzzjoni. Bil-premessa li jien ma qrajtx l-iskript, naqbel ma’ MPA li kemm-il darba tinkiteb storja li fiha jkun hemm karattru ta’ blogger li tinqatel, ma jfissirx li dik hija essenzjalment personifikazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess jekk nirreferi għal karattru ta’ raġel imsallab ma’ salib – ma jfissirx li qed nitkellem dwar Kristu u jekk nirreferi għal Prim Ministru korrot mhux nalludi għal… fhimtni. Minn naħa l-oħra kull awtur intelliġenti jaf li jekk ser jagħmel dawn it-tip ta’ riferenzi, f’mumenti fejn is-soċjetà għadha ġġor ħasda, feriti u rabja dwar qtil makabru u kodard, ir-riferenzi implikati jiġu kemmxejn ovvji, le? Dan speċjalment ma’ poplu li mhux imdorri jomgħod qabel jibla’. Nemmen ukoll li awtur kontemporanju, intelliġenti u kreattiv jista’ jagħmel dawn ir-riferenzi b’mod kreattiv sabiex jinstiga dubju u allura aktar interess madwar kitbietu.

Poster ta’ “ix-Xiħa”.

Naqbel ukoll ma’ Chris Gatt li saħaq li din il-bidla fil-ħsieb fl-aħħar minuti turi li d-direzzjoni tat-Teatru Manoel ma kinetx kapaċi tirreżisti il-pressjoni pubblika, jekk mhux politika wkoll. Jiena nżid nistaqsi kif ladarba ħadd fost l-atturi ma xamm xi riskju jinten meta l-iskript ġie mgħoddi lilhom, dawn ħarbu mil-produzzjoni hekk kif qamet il-kritika!

MPA sejjaħ “traġedja” il-fatt li l-ebda artist ma’ tqanqal sabiex jissapportja l-kawża tiegħu favur il-produzzjoni “ix-Xiħa”. Naħseb Mario jaf biżżejjed kif fil-kamp artistiku Malti, mhux biss dak teatrali, is-sapport u l-kollaborazzjoni fuq livell politiku-soċjali ma’ jeżistux. It-traġedja hija magħmula minn artisti li jibżgħu jikkritikaw is-soċjetà attwali; uħud sabiex jevitaw li jiġu ttimbrati “negattivi” filwaqt li oħrajn jinteressahom biss li jkunu fil-klikka irrispettata sabiex l’opportunitatjiet mal-Gvern ma jitnaqqsulhomx u jkunu jistgħu jdoqqu t-trombi hekk kif jinawguraw il-proġett li jmiss. Issib ukoll dawk li għalkemm fil-privat jikkritikaw lill-Gvern, jisktu fid-dominju pubbliku sabiex jibqgħu jidhru sbieħ quddiem xi Ministru u entitajiet li jroxxu l-flus. Fl-aħħar mill-aħħar qed ngħixu f’pajjiż b’kultura msejsa fuq il-flus!

Rigward il-klikek elitisti li jirrenjaw fis-soċjetà artistika, ma nistax ma naqbilx ma’ MPA. Fil-kamp tal-arti viżiva din ir-realtà iltqajt magħha taħt il-bandiera tal-lingwi, tal-klikek u tal-appartenenzi kulturali. Meta stajt, pruvajt niġġieled ħafna dan il-klassiżmu; mostru moqżież li sfortunatament għadu madwarna.

Nammira l-mod ġenwin kif MPA spjega kif ippreżenta l-idea tal-iStaġun Teatru Malti lill-Gvern sabiex jingħata grant. Anki jekk ma taqbilx miegħu, tisimgħu jitkellem u tħoss qalbu tħabbat. Niskanta kif il-Gvern temm is-sistema ta’ one-to-one deal fuq grants billi waqqaf awtorità bħall-Kunsill tal-Arti, iżda xorta ippermetta dan it-tip ta’ pitching kemmxejn old school. Ma jkunx ġust li filwaqt li min hu b’saħħtu jħawwel, numru ta’ artisti validi ikollhom jgħaddu mill-martirju tedjanti tal-proċess tal-applikazzjoni għal dan l-istess dritt li jwettqu l-ħolm kreattiv tagħhom. Filwaqt li l-metodu ta’ MPA huwa iktar prattiku, is-sistema adottata llum hija intenzjonata li tkun iktar ġusta fil-prinċipju u għaldaqstant għandha tkun applikata b’diliġenza fuq kulħadd, f’ġieħ is-sewwa.

Nagħlaq billi nsellem lil MPA u nħeġġu sabiex jinfatam minn teatru partikolari wieħed, anzi jipprova jirriġenera oħrajn bħall-Orpheum u r-Rialto, ironikament propjetà tal-Partit Laburista, jekk m’inix sejjer żball. Inħeġġu wkoll jerħi r-rabja u dipressjoni (kif indika hu fl-aħħar kummenti ta’ din il-poddata) sabiex iqarreb aktar lejn il-poplu matur billi jistqarr b’saħħa li l-valuri soċjalisti li seffaq wiċċu għalihom fl-2013 illum m’għadekx issibhom fil-Partit Laburista, daqs kemm baqa’ ma nstabx dak il-ballun ta’ Baggio.

Kantiku għall-emozzjoni

Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa ntensi. Emozzjonijiet, waħda wara l-oħra. U issa fl-aħħar għaxar minuti tal-aħħar siegħa tas-26 ta’ Frar xtaqt inħarbex kelmtejn għal din il-memorja.

Il-jum beda b’diskursata ma’ Alex dwar il-crowdfunding b’risq l-appell kontra l-iżvilupp tal-bajja tal-Mistra. Kien jonqos €2000 sabiex jintlaħaq l-ammont mixtieq. Qsamt ix-xettiċiżmu u riżervi tiegħi ma’ Alex u bħal dejjem, fhimna lil xulxin. Awgurajtlu li l-iskop jintlaħaq u komplejt bil-ġurnata.

Il-vuċi ta’ Faber minfuq Spotify lissnet lament li noħlom li xi darba ninseġ bħalu, jekk mhux diġà għamilt. Kliemu akkumpanjani waqt li erġajt ħdimt fuq ritratt grafiku li kont ħallejt l-lejl ta’ qabel. Kienet ilha ma titfaċċa l-muża tal-kulur u l-forma imma ħdimt fuq wiċċ li ispira nifs ġdid f’ħajti fl-aħħar xhur.

Matul il-jum kelli diskursati mhux mistennija. Uħud ma’ familjari, imħabbiet passati, oħrajn ma’ nies li ma stennejtx. Diskursata ħelwa, bħas-soltu, iżda qasira din id-darba, ma’ Ray tal-kwadri li għalih kienet maħluqha l-kelma “bieżel”. Għalkemm b’mobile sieket, fi triqti mill-Mosta, bdiet b’sorpriża l-ewwel taħdita li laħqet il-qofol meta aktar tard kont ser inħalli parkeġġ fil-Ħamrun. Sadattant diskursata partikolari ma’ persuna li qajla kont naf waslitli aħbarijiet li qatt ma stennejt. Erġajt ftakart kemm hawn bnedmin li jafu jgħixu f’paċi mal-gidba tagħhom infushom u kemm oħrajn isibu serħan f’imġieba vjolenti u pastaża. Ta’ sebgħa u tletin sena aċċettajt li din hija tassew verità għal ħafna.

Lura lejn il-kapitali, mort inżur l-esibizzjoni artistika ta’ sieħbi James Vella Clark. Fettilli nsib parkeġġ qrib. Dħalt fl-ispazju tal-esibizzjoni bi sħaba madwar rasi. Ma nafx, bħal qisni ma kontx hemm. Qrajt l-introduzzjoni stampata fid-daħla tal-ewwel kamra. U toqgħod tgħid Convergence, deskritta bħala “layers of experience come together to form something new and unique to what previously was. a layer upon layer of experiences, lessons, achievements, losses, regrets, aspirations”. Kollox beda jieħu forma…

Inħoss li James, sa qabel kont sirt nafu, dejjem tkellem lingwa li paxxietni fl-arti tiegħu. Inxebbħu mal-effett tal-lingwa Sirjana, li skoprejt fl-aħħar xhur u li għax tixbah il-lingwa tiegħi, tpaxxi s-sensi u xxennaqni nissemma kurjuż biex insir naf aktar. Ma niftakarx f’liem ordni dort max-xogħolijiet iżda niftkar li Yellow Morning u Erasing Memories serquli ħafna ħin. Dawn iż-żewġ biċċiet wasluli enerġija li kelli bżonn illum; kalma, rassenjazzjoni u fiduċja pożittiva. L-isfar maħruq dejjem kien il-kulur favorit u fih insib ħafna minni. Filfatt Yellow Light II u Yellow Light III irreżonaw ukoll. Poġġejt ftit bilqegħda u sraqt xi ritratt bil-mobile. Id-dmugħ feġġ quddiem Abstract in Red and Black. Biċċa xogħol vjolenti ħafna li tikxef lill-artist fil-profond kollu tiegħu għal min jaf jaqraha. Biċċa xogħol li tirrifletti silenzjuża imma ma tiskot qatt.

Erasing Memories
Yellow Light II u Yellow Light III
Abstract in Red and Black

Shazam qalli li fl-arja kien hemm mużika klassika għaddejja. Bach, J.S.: Suite for Cello Solo No.6 in D. Akkumpanjament f’waqtu li aktar tard skoprejt li kienet il-mużika li akkumpanjat lill-artist fil-kreazzjoni ta’ dawn ix-xogħolijiet. Referenzi oħra għal dan il-ħoss fit-titli Dvorak, Chopin u Frederick’s Garden. 

Pjaċir li nara l-iżvilupp li għadda minnu James anki ‘l bogħod mill-landscapes ċelebri li spiss bżajt li kienu għoddhom ser jitfawh f’gaġġa. Xogħolu jilgħab mill-vjolenti, goff, sfaċċat u salvaġġ għas-seren, mistħi u nnoċenti. Għalkemm inħoss iktar kumdità fl-ewwel forma, nammetti li l-kontroll taż-żebgħa fit-tieni huwa xi ħaġa ammirevoli. Fuq kollox il-kompożizzjoni, l-moviment u t-tqassim tal-kulur f’xogħol James minn dejjem sibthom brillanti.

Yellow Morning

Lura lejn id-dar nirċievi aħbarijiet li ma stennejtx fit-tieni konverżazzjoni virtwali. Bqajt kemmxejn sorpriż. Sorpriż mill-kontenut iżda wkoll mill-koinċidenzi ta’ kliem li ingħad lili fl-aħħar żmien u t-tema ta’ xogħol James. Nies minn ċrieki u kulturi differenti li ħajjruni ma ninsiex li Alla biss għandu kontroll fuq il-ħajja.

Fit-tard mort fid-dar tal-anzjani. Lina qaltli li tħossha waħedha u tibki ħafna. Qaltli li idejja kienu kesħin. Qaltli biex nibqa’ mmur naraha u biex inwasslilha l-messaġġ. Tereża qatt ma ltqajt magħha qabel illum. Magħdura ħafna tidher imma mis-sodda sellmitli bil-qalb.

Erġajt lura d-dar u rajt il-partita tal-Lazio kontra l-Milan. Xejn b’xejn ir-riżultat u anki l-kontenut. Wara xegħelt mobile antik u sibt messaġġi antiki varji li komplew mal-lista ta’ emozzjonijiet.

U fl-aħħar waqa’ silenzju. Ħadd ma baqa’ jitkellem. Allura ktibt. Għax kollox għad ninsa. Kollox għad jintesa. Jekk mhux bil-kitba. Jew moqri f’pittura. Forsi.

Mill-Luxol sa Firenze

Fi triqti mill-istazzjoni lejn iċ-ċentru ta’ Firenze kelli kunflitt ta’ ħsibijiet: bejn l-eċitament li daqstant tard f’ħajti ser immiss ir-realtà ta’ din il-belt tant maħbuba fost dawk li jħobbu l-arti iżda wkoll kemmxejn ta’ biżà mill-fatt li fi ftit ħin dik l-immaġini idealiżżata ta’ belt meraviljuża setgħat tisfaxxa fix-xejn. Għal mument l-immaġinazzjoni u r-realtà lletikaw b’qilla sħiħa ġewwa fija.

F’dawk il-passi bdejt nirrealiżża kemm għalkemm mingħalija “naf ħafna” dwar l-arti, biss ma kontx naf x’qed jistennieni wara dawk l-ewwel ħitan. Lura xi snin ilu diġà kelli nkun hemm biss għal xi raġuni jew oħra, jien u Stephanie konna għamilna bookings ħżiena! Oħti bdiet tirrakkuntali x’kien ġej għalija imma jien, dieħel ġo dik il-ħolma li ħlomt spiss u li issa kont ser nikxifha, bħal qishom ingħalquli widnejja.

Bħalissa ninsab hawn lura f’kamarti ġewwa, jew aħjar, fuq l-għatba tal-isbaħ belt fid-dinja iżda l-memorja ta’ Firenze għadha tberren bi ħlewwa waqt li nisma l-melodija ħelwa, b’xi kliem kemmxejn patetiċi, ta’ ‘Firenze Santa Maria Novella’ ta’ Pupo. Laqtuni numru ta’ affarijiet minn din il-belt.

Il-kelma ideali hija ‘sakra’. Tgħoġobni l-kelma ‘sakra’. F’Firenze trid tkun lest tisker bl-arti sakemm anki tasal tmur f’rokna tirremetti u terġa tmur tisker… L-ewwel sakra lili ġietni hekk kif wara l-mixja mill-istazzjon għal Via dei Calzaiuoli, sibt il-Katidral ta’ Santa Maria del Fiore hemm, quddiemi, ġigantesk, goff, kważi kważi jmur lil hinn minn kull proporzjon li l-uman jista’ jitħadded dwaru. Spiċċajt b’ħalqi miftuħ, forsi bħal meta kien skorja Totti kontra s-Sampdoria snin ilu. Bqajt b’ħalqi miftuħ ukoll quddiem il-Bisteccha Fiorentina tat-‘Trattoria Angiolino’, irrakkomandata b’saħħa minn sieħbi Gabriel. L-istess effett kellu l-ġelat tal-ġelaterija GROM kif irrakkomandat minn sieħbi Simon.

Bħal dejjem, fittixt li nsib lill-poplin fil-belt iżda nammetti li ma kinetx xi ħaġa faċli hawnhekk. Għalhekk ukoll, il-kunċert spettakolari ta’ Lorenzo Cherubini, a.k.a. Jovanotti fl-istadjum tal-Franchi, tani nifs. Hemm stajt induq togħma tajba tal-poplu Fiorentin. Nammetti li qam ġismi xewk xewk nismahom ikantaw il-kanzunetta ta’ Pupo b’vuċi waħda qabel ftuħ il-kunċert.

Jovanotti? L-aħħar li kont rajtu kien fil-Luxol wara Limestone Kick. Illum immatura aktar. Joffri spettaklu komplut. Jovanotti jirnexxielu jgħaqqad l-arti tal-mużika ma’ dik kontemporanja viżiva kif ukoll element qawwi ta’ teatru u film. Il-mużika u speċjalment il-kitba ta’ Cherubini tgħaddili ħafna enerġija u nħoss li dan il-mument għeni nerġa nispira ruħi sabiex inġib lura dak li ħaddieħor qatel fija.

“Abbiamo confidenza con i demoni interiori
sappiamo che al momento giusto poi saltano fuori
ci sono delle macchine che sembrano un miracolo
sappiamo come muoverci nel mondo dello spettacolo
eppure ho questo vuoto tra lo stomaco e la gola
voragine incolmabile
tensione evolutiva
nessuno si disseta ingoiando la saliva
Ci vuole pioggia, vento
e sangue nelle vene
pioggia, vento
e sangue nelle vene
e una ragione per vivere
per sollevare le palpebre
e non restare a compiangermi
e innamorarmi ogni giorno ogni ora ogni giorno ogni ora di più”

Fl-aħħar jiem ġewwa Firenze, laqtuni żewġ graffiti li kienu jgħidu xi ħaġa tipo “Fermate la città vetrina” u “Occupa le case”. Messaġġi li bħal qisu kkonfermawli li dak li ħassejt tul dawn il-ħamest ijiem kien minnu: filwaqt li Firenze hija belt li ma tħallilekx għażla ħlief li tisker fl-arti, fil-perfezzjoni arkitettonika, skultura u maestrija, ma tgħamililekx faċli ssib lir-ruħ tal-Fiorentini tal-llum. Bil-flus xtrajt il-biljetti biex stajt nidħol l-Uffizi u anki l-Galleria dell’Accademia. Bil-flus u bi stennija fi kjuwijiet twal tista’ tgawdi l-arti klassika, dik istituzzjonaliżżata imma lill-poplu Fiorentin trid tistinka biex issibu. Skantajt kemm nies lesti jqattgħu siegħat twal fil-qilla tax-xemx sabiex jidħlu jieħdu selfie ma’ David jew jqattgħu ħames minuti quddiem it-‘Twelid ta’ Venere’ ta’ Botticelli. Mumenti sbieħ tara dawn il-klassiċi quddiem għajnejk u tiskopri oħrajn li forsi qatt ma tkun smajt bihom iżda nasal naqbel li Firenze hija kemmxejn ta’ vetrina fejn l-istituzzjoni tal-arti tinħass aktar mill-espressjoni libera tal-poplu. Nistħajjel li huwa diffiċli għal artist kontemporanju li ma jħossux fgat minn tant tjubija tar-Rinaxximent. Ħadt gost ninduna li kien hemm l-proġett ‘Human’ ta’ Gormley għalkemm ma sibniex ħin immorru narawh. In-nuqqas tal-kontemporanju lokali f’belt daqstant kbira jinħass u nħoss li huwa argument importanti f’kuntest ta’ belt tant sinjura b’arti li għamlet x-xorti tal-Ewropa u anki tar-razza umana. Nittama li għandi żball, filwaqt li nestendi l-argument għal fuq il-Belt tiegħi.

Ħadt gost inżur xi bottegi u nibda’ diskursati ma’ ħaddiema jew imprendituri ta’ ħwienet. L-arti hija dik li sseħħ ta’ kuljum minn dawn in-nies. Fost dawn insemmi lil Michele ta’ Move On | Finest Beer Best Vinyl, lit-tlett tfajliet ġewwa Quelo Bar, lill-Contempo Records, lill-bottegi tal-ġilda ġewwa l-Bażilika ta’ Santa Croce, lix-xufiera tal-varji ‘buses’ u lill-ħaddiema fit-Trattoria Gustoleo. Il-graffiti, fil-maġġoranza artistiċi, li jitħallew tul it-toroq ukoll huma sinjal tal-poplu tal-llum.

Forsi huwa mpossibbli ssir taf belt b’daqstant storja f’ħamest ijiem aħseb u ara lil niesha imma ma nistax niċħad li sirt inħobb lil Firenze xorta waħda. Belt miżgħuda bi sbuħija li ironikament għandha bżonn rinaxximent; twelid ġdid f’dak li huwa llum biex hekk kif diskuss f’dan l-artiklu, ma tkunx belt mużew imma belt ħajja bit-Toscani u t-talenti kontemporanji tagħhom.