Tag: mariophilipazzopardi

Dwar Jon u Mario Philip

Għadni kif segwejt il-poddata ta’ Jon Mallia mal-ex kollega Mario Philip Azzopardi (MPA). Diskursata oħra nteressanti li ħarġet veritajiet varji dwar karattru li b’mod ġenerali jiġġenera rabja lil ħafna nies, iktar minn kemm iġġenera Baggio nhar is-17 ta’ Lulju 1994. Nemmen li kif qal Jon, ħafna minn din ir-rabja ġejja mill-famuż intervent li flimkien ma’ oħrajn MPA għamel fis-silta tal-kampanja tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-2013 u li eventwalment urietna li kienet farsa.

Ma’ MPA ħdimt madwar sentejn u nofs fil-Fondazzjoni Valletta 2018 u kien fil-mumenti fejn iddiskutejt u rraġunajt miegħu dwar ħidmietna li ammirajt il-passjoni tħeġġeġ fih – kemm meta sħajjiltu l-Vesuvju fl-isplużjoni li jmissu, kif ukoll meta stħajjiltu teddy bear imdaqqas lest biex jitrassas. Forsi għax kif jgħidu l-kollegi tiegħi illum, jien twajjeb, nadatta ruħi ma’ kulħadd, ndum ma’ nirrabja u xi snin ilu insejt l-ego tiegħi x’imkien u qatt ma mort niġbru lura? Minjaf! Filfatt it-taħdita ma’ Mallia kienet tkun iktar interessanti li kieku MPA irrakkonta l-esperjenza tiegħu meta kien inħatar Direttur Artistiku tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Jaf kont inġedded xi memorji, insolvi xi misteri u nikkonferma xi fatti.

Issa li smajt lil MPA jiddeskrivi l-iskript tal-produzzjoni “ix-Xiħa”, nista’ ngħid li fformulajt opinjoni dwar il-każ li fih it-Teatru Manuel ikkanċellalu din il-produzzjoni. Bil-premessa li jien ma qrajtx l-iskript, naqbel ma’ MPA li kemm-il darba tinkiteb storja li fiha jkun hemm karattru ta’ blogger li tinqatel, ma jfissirx li dik hija essenzjalment personifikazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. L-istess jekk nirreferi għal karattru ta’ raġel imsallab ma’ salib – ma jfissirx li qed nitkellem dwar Kristu u jekk nirreferi għal Prim Ministru korrot mhux nalludi għal… fhimtni. Minn naħa l-oħra kull awtur intelliġenti jaf li jekk ser jagħmel dawn it-tip ta’ riferenzi, f’mumenti fejn is-soċjetà għadha ġġor ħasda, feriti u rabja dwar qtil makabru u kodard, ir-riferenzi implikati jiġu kemmxejn ovvji, le? Dan speċjalment ma’ poplu li mhux imdorri jomgħod qabel jibla’. Nemmen ukoll li awtur kontemporanju, intelliġenti u kreattiv jista’ jagħmel dawn ir-riferenzi b’mod kreattiv sabiex jinstiga dubju u allura aktar interess madwar kitbietu.

Poster ta’ “ix-Xiħa”.

Naqbel ukoll ma’ Chris Gatt li saħaq li din il-bidla fil-ħsieb fl-aħħar minuti turi li d-direzzjoni tat-Teatru Manoel ma kinetx kapaċi tirreżisti il-pressjoni pubblika, jekk mhux politika wkoll. Jiena nżid nistaqsi kif ladarba ħadd fost l-atturi ma xamm xi riskju jinten meta l-iskript ġie mgħoddi lilhom, dawn ħarbu mil-produzzjoni hekk kif qamet il-kritika!

MPA sejjaħ “traġedja” il-fatt li l-ebda artist ma’ tqanqal sabiex jissapportja l-kawża tiegħu favur il-produzzjoni “ix-Xiħa”. Naħseb Mario jaf biżżejjed kif fil-kamp artistiku Malti, mhux biss dak teatrali, is-sapport u l-kollaborazzjoni fuq livell politiku-soċjali ma’ jeżistux. It-traġedja hija magħmula minn artisti li jibżgħu jikkritikaw is-soċjetà attwali; uħud sabiex jevitaw li jiġu ttimbrati “negattivi” filwaqt li oħrajn jinteressahom biss li jkunu fil-klikka irrispettata sabiex l’opportunitatjiet mal-Gvern ma jitnaqqsulhomx u jkunu jistgħu jdoqqu t-trombi hekk kif jinawguraw il-proġett li jmiss. Issib ukoll dawk li għalkemm fil-privat jikkritikaw lill-Gvern, jisktu fid-dominju pubbliku sabiex jibqgħu jidhru sbieħ quddiem xi Ministru u entitajiet li jroxxu l-flus. Fl-aħħar mill-aħħar qed ngħixu f’pajjiż b’kultura msejsa fuq il-flus!

Rigward il-klikek elitisti li jirrenjaw fis-soċjetà artistika, ma nistax ma naqbilx ma’ MPA. Fil-kamp tal-arti viżiva din ir-realtà iltqajt magħha taħt il-bandiera tal-lingwi, tal-klikek u tal-appartenenzi kulturali. Meta stajt, pruvajt niġġieled ħafna dan il-klassiżmu; mostru moqżież li sfortunatament għadu madwarna.

Nammira l-mod ġenwin kif MPA spjega kif ippreżenta l-idea tal-iStaġun Teatru Malti lill-Gvern sabiex jingħata grant. Anki jekk ma taqbilx miegħu, tisimgħu jitkellem u tħoss qalbu tħabbat. Niskanta kif il-Gvern temm is-sistema ta’ one-to-one deal fuq grants billi waqqaf awtorità bħall-Kunsill tal-Arti, iżda xorta ippermetta dan it-tip ta’ pitching kemmxejn old school. Ma jkunx ġust li filwaqt li min hu b’saħħtu jħawwel, numru ta’ artisti validi ikollhom jgħaddu mill-martirju tedjanti tal-proċess tal-applikazzjoni għal dan l-istess dritt li jwettqu l-ħolm kreattiv tagħhom. Filwaqt li l-metodu ta’ MPA huwa iktar prattiku, is-sistema adottata llum hija intenzjonata li tkun iktar ġusta fil-prinċipju u għaldaqstant għandha tkun applikata b’diliġenza fuq kulħadd, f’ġieħ is-sewwa.

Nagħlaq billi nsellem lil MPA u nħeġġu sabiex jinfatam minn teatru partikolari wieħed, anzi jipprova jirriġenera oħrajn bħall-Orpheum u r-Rialto, ironikament propjetà tal-Partit Laburista, jekk m’inix sejjer żball. Inħeġġu wkoll jerħi r-rabja u dipressjoni (kif indika hu fl-aħħar kummenti ta’ din il-poddata) sabiex iqarreb aktar lejn il-poplu matur billi jistqarr b’saħħa li l-valuri soċjalisti li seffaq wiċċu għalihom fl-2013 illum m’għadekx issibhom fil-Partit Laburista, daqs kemm baqa’ ma nstabx dak il-ballun ta’ Baggio.