Żraben u Patata. Għajjejt. Infittex, ma nsibx. Google, Facebook, għalxejn. Fejn nista’ nsib profil dettaljat taċ-ċermen il-ġdid tal-Valletta 2018? Jidher li ser tkun xi ħaġa diffiċli… Mir-reazzjonijiet li smajt, rajt u qrajt ilbieraħ f’ambiti varji, fosthom dawk kulturali, ħadt l-impressjoni li dawk li għandhom għal qalbhom il-Kultura ma tantx ħadu gost b’din il-ħatra għalkemm uħud għażlu li jkunu kawti u jgħatu ċans lis-Sur Micallef qabel jieħdu pożizzjoni. Hemm iżda min beda petizzjoni sabiex il-Prim Ministru jaħsibha darbtejn u hemm min ħareġ b’teoriji tal-fantaxjenza!
Ejja ninjoraw il-persunaġġ. X’kien il-bżonn ta’ ċermen ġdid? Fuq livell prattiku, wisq nibża’ li sforz dawn l-għażliet, ċertu proċessi jkollhom jerġgħu jibdew mill-ġdid. Kull diskussjoni u kull idea ikollhom jerġgħu jiġu deskritti u mfassla, għal darb’ oħra, bħalma kellu jsir minħabba l-bidla tal-Ministru. Nittama li s-sena vantaġġ li għandna fil-proċess tal-kandidatura V18 ma titnaqqarx ftit ftit minħabba dan kollu.
Nistaqsi kif, wara li l-Gvern ċaħad xniehat li Micallef kien ser ikun maħtur għal din il-kariga, illum dawn ħarġu veritiera. Kien tant diffiċli li l-Gvern jaċċetta li x-xniehat kienu minnhom? Biex tkompli tfattarha, skond il-MaltaToday, wara li dalgħdu José Herrera ħabbar din il-ħatra, l-Uffiċju tal-Prim Ministru stqarr li ma kien jaf b’xejn!
Mill-istess artiklu ta’ sieħbi, il-bravu ġurnalist Teodor Reljic, apprezzajt il-kumment ta’ Mario de Marco – li nittama li fi żmien qasir ikun il-kap tal-Partit Nazzjonalista – fejn, fil-kuntest tal-arkitett David Felice, identifika punti validissimi li bihom tirrikonoxxi persuna denja ta’ kariga mportanti fil-Kultura:
“When I wrote a letter of appointment for David Felice, I took into consideration his experience within the cultural sector, his love for our capital city and his professional competence…”
Filwaqt li nirrikonoxxi li kull figura f’kariga hekk diffiċli tkun simpatika ma’ kulħadd, nemmen li din il-ħatra tant sensittiva għandha dejjem tkun imfassla fuq il-kriterji msemmija mis-Sur De Marco – persuna li huwa stess, b’sempliċità u umiltà, dejjem wera rispett u riverenza lejn il-Kultura nġenerali. Filwaqt li nittama li Micallef ser jistinka sabiex jaqdi dawn il-kriterji, nammetti li kont narah iktar adatt għal ambjenti medjatiċi, fejn rawwem l-esperjenza vasta tiegħu u fejn anki l-Prim Ministru kien jirrikonoxxih. Nemmen ukoll li ċertu kummenti li Micallef ġieli għadda fuq facebook ma humiex mistennija minn persuna ta’ kariga mportanti – biss konvint li quddiem kariga nazzjonali, mhux partiġġjana, ikun hemm rieda tajba. Nistenna bi ħġari wkoll li nisma dak li għandu xi jgħid dwar din il-ħatra. Jien bħala Belti li għandi dan it-titlu u l-kultura tant għal qalbi, nittama wkoll li jkolli ċ-ċans li inkellmu wiċċ imb’wiċċ sabiex niddiskutu flimkien bħalma għamilt ma’ persuni oħra nvoluti.
Huwa mportanti li kull min ikun inkarigat minn dan il-proċess sabiħ għal Malta u anki għall-Kapitali, ikun midħla tal-Kultura nġenerali tat-tnejn li huma, ikollu mħabba sinċiera lejn dak kollu li hu Malti u Belti u iva, kompetenza professjonali fis-setturi Kulturali – setturi partikolarment sensittivi li għandhom ikunu l-ewwel fl-aġenda ta’ kull pajjiż modern u ntelliġenti. Fuq kollox importanti li jħalli warajh kull rabta partiġġjana li taf ixxekklu.
F’Kultura ħajja u mhux partiġġjana, insibu l-identità tagħna u għaldaqstant insibu kull sens ta’ direzzjoni. Awguri Sur Micallef. Awguri Valletta 2018.