Illum kienet ġurnata twila u produttiva ta’ xogħol. Biss fil-mument li filgħodu dħalt niċċekkja Facebook u sibt il-messaġġ ta’ sieħbi Carl li nfurmani bil-mewt tal-għażiż Frans Giles, nammetti li kelli aptit inqum u nitlaq ‘l barra nibki. Sfurzajt biex inżomm id-dmugħ u sibt refuġju fil-lista ta’ affarijiet li kelli nagħmel għall-fini tad-dmijiet tax-xogħol.
X’naqbad ngħid fuq dan ir-raġel? Persuna li żewwaq b’tant sempliċità it-tfulija tiegħi meta spiss kont immur biex nagħmel xi qadja lil ommi; nidħol bil-ġirja fil-ħanut tat-té ta’ Frans “il-Giles” u ngħidlu x’kellna bżonn.
Sakemm jinqala’ minn wara l-bank u jidħol fil-kamra mudlama fuq il-lemin sabiex iġib dak li nkun tlabtu, kont nintefa ninnota lil xi erba’ irġiel bilqiegħa, jaqraw gazzetta jew jieħdu t-té. Kien żmien ieħor u aħjar. Mingħajr il-mobile, mingħajr Facebook u Instagram. Dak iż-żmien in-nies kienu jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ sabiex jitkellmu u izekzku.
Niftakar ġranet meta akkumpanjajt lill-għażiża ommi għax-xirja, dħalna għand Frans u b’ġentilezza liema bħalha, isellem u jibda xi diskursata, minn dawk li ommi tant kienet tħobb. Kelmtejn dwar dak li kien qed jiġri fl-inħawi jew dwar valuri jew dwar kif bdew jinbidlu ż-żminijiet. Kont naffaxxina ruħi ninnota d-diskursata titwieled, tinbet u tiżvolġi fi ftit sekondi. Niftakar lil Frans jirrakkonta ġrajjiet passati, meta fl-aqwa tiegħu kien Pulizija jekk m’inix sejjer żball. Kien raġel rett u jisħaq li l-irġulija titlob rispett u kelma soda.
Nista’ ngħid li Frans kien skuża għall-ewwel passi ta’ indipendenza għalija. Ommi, li kienet b’sebgħa għajnejn fuq binha, ma damitx ma bdiet tafdani mmur b’xirja jew insarraf xi ftit flixken tal-ħġieġ sabiex Frans isarrafomlna fi ftit ċenteżmi. Kienet tara li kull flixkun ikun nadif tazza sal-inqas dettall, tgħabbihom f’basket taċ-ċarruta daqstant ieħor nadif tazza u tibgħatni ‘l hemm, konxja li Frans ser jagħmilli premura sabiex mingħandu nerġa’ dritt lura lejn id-dar. U hekk kien ikun, għax għall-grazzja t’Alla dejjem sibt hena fid-dar sakemm il-ħajja ma ħaditniex kollha kemm aħna f’toroq mudlama bla mistenni.
‘Sporting Clive’, għax hekk kien jismu l-ħanut ta’ Frans, ilu li għalaq. Jgħidu li kien ħadulu l-Gvern. Jgħidu ħafna imma l-verità qatt ma sirt nafha. Dejjem ħlomt li nerġa nara lil Frans jipprova jixref f’dik il-gallarija minuskola, għoddha ser iċċedi, sabiex isaqqi qasrija jew jagħti titwila fi Triq Lvant. F’dak il-ħanut kont inħossni ‘home’ u forsi minn hemm bdejt nifhem is-sbuħija tal-komunità.
L-aħħar darba li kellimt lil Frans kien taħt il-gallarija tiegħu ħdejn Ta’ Liesse. Irrakkuntali kif xi ħadd kien daħallu d-dar u serqu. Bħal dejjem, saqsieni kif tinsab ommi u daqs li kieku hu ma kien għaddej mill-ebda tbatija, tani dik il-ħarsa li tgħid ħafna; jew kollox.
Dawn il-persunaġġi bħal nistħajjilhom ser jgħixu għal dejjem. Qatt ma bsart li dik kellha tkun tal-aħħar u saħansitra ilbieraħt lura ħarist lejn il-gallarija biex nara narahx kif kien qed ikun fl-aħħar snin.
Illejla filwaqt li l-inħawi fejn seħħ dan kollu jinsab mifqugħ bil-kant idarras ta’ Ivan Grech u jien qed nipprova ngħarraq il-ħoss bi ftit mużika mill-Palestina, id-dmugħ jinżel hekk kif ninduna li biċċa tassew sabiħa mill-identità li sawwritni u dik Beltija, intemmet. Belti kif nafha, tkompli tisparixxi.
Ma jibqax biss memorji ta’ Frans. F’moħħi jiġu ulied Frans u anki n-neputijiet tiegħu, ħbieb tiegħi – dawn tal-aħħar uħud mill-aħħar eżemplari ta’ tfal Pawlini Beltin li għadna x-xorti ngawdu – u noħlom li jekk ikolli x-xorti nixjieħ bħalma xjaħ Frans, narahom jiġġieldu huma wkoll għal dak li hu Belti, dak li hu tal-komunità, rett, skjett, ġenwin u ta’ valur.
Intemm dan il-ħsieb bil-memorja tal-vetrina tal-injam u ħġieġ li kellu Frans fil-ħanut. Il-ġenna minn hemm bdejt nifimha. Kienet vetrina antika, mhux wisq mgħobbija bi prodotti, imma fiha kont nilmah dawk il-gallettini jew ċikkulati li ta’ tifel li kont dejjem tlabt lil ommi ma tinjorax! U hekk kif kienet tisma’ talbi u nara lil Frans jgħolli l’atu sabiex inewwel dak li nkun xtaqt, kont intiegħem ferħ ġenwin li ma kontx insib fi ħwienet oħra.
Grazzi Frans. Kif saħaq sieħbi Mario Vella l-Brikkun, kultant niżolqu nożannaw lil xi ħadd li jiġi nieqes u npenġuh bħal qaddis miexi fuq l-art. Ma ngħidx li kont qaddis imma llum nixtieq infakkar is-sbuħija tas-sempliċità li kont tħaddan. Nitlob li l-Mulej ineħħi dik il-kisra minn għajnejk u jibdilha fi dmugħ ta’ ferħ kbir li bis-sempliċità ta’ ħajtek, għoġbok trawwem madwarek u anki fija. Grazzi ħafna Giles – konvint li, li kieku tiftakar fik, illum, anki ommi qed tibkik.