Santa Marija

Bum, bum, bum, bum… bum

Bum, bum, bum, bum… bum

Bħar-re maġi, segwiet l-istilla murtal. Tlieta lejn il-grotta, hi lejn l-irwejjaħ ta’ gallinar. B’ħarsitha ‘l fuq, waqfet quddiem ċorma għażżiena ta’ kurjużi Maltin, b’siġġijiet u banketti, b’tal-festa t-trumbetti!

Bum, bum, bum, bum… bum. Il-qalb fis-smewwiet! Xi sbuħija! Bum, bum, bum, bum… Libsa sewda u bajda. Spallejn mikxufin.

Kuluri. Ħafna kuluri jsebbħu s-smewwiet sewdiena, forsi għax imnikkta. Kuluri… kuluri bħal ta’ lanġas, għeneb u tuffieħ. Kuluri li jdawlu l-irħula, iżda jgħibu mal-iċken nefħa riħ. Kuluri li… bum, bum, bum, bum, bum…

F’għajnejha r-rifless tan-nar ifewwaħ. Fil-mowbajl ir-rikordju ta’ murtali, issa mejta, li weġġgħu ‘l widnejha. Għal wieħed, mitejn. Tpaxxew l-għajnejn. Marija! Fil-bieb tal-knisja l-folla eleganti. Marija ‘l bogħod, qalb żiffa miżgħuda bżieżaq tas-sapun. Tittajjar magħhom sa ma’… bum, bum, bum, bum, bum…

Illami l-qalb! Magħluqa, imbeżża’. Min jaf għaliex? Forsi s-smewwiet suwed jew forsi t-tifkira tad-drabi li l-qalb instabtet f’nofs għalqa niexfa; tkaxkret bħal ħanqa ta’ ħmar. Bum, bum, bum.

Siktet Marija, mietu l-kuluri. Silenzju… Rakkont ta’ qalb solitarja f’landa tal-ħawħ. Qalb priżervata, mhux daqstant friska, iżda żgur aktar protetta. Riċetta. Qalb imgeżwra f’ħajt fejn koppja anzjana tinnamra f’dawl il-kuluri. Ħajt tas-sejjieħ.

Min jaf?… Bum, bum, bum. Forsi bebbuxu jirnexxilu jneħħieh?