Żfint żifna max-xitan
qalb ix-xewk f’dal-bukket ward
li xtaqt irregalajtlek.
Biex illejla ma naħsibx fik;
inħallik.
Sibt l-inbid li fih skirna.
Ġbart fdal l-ikel bnin
li dewwaqna lil xulxin.
Dak li xtaqt ma ninsiex;
ma narmix.
Żfint żifna max-xitan
qalb ix-xewk f’dal-bukket ward
li xtaqt irregalajtlek.
Biex illejla ma naħsibx fik;
inħallik.
Sibt l-inbid li fih skirna.
Ġbart fdal l-ikel bnin
li dewwaqna lil xulxin.
Dak li xtaqt ma ninsiex;
ma narmix.
Ġejt bla mistenni
fis-serqa ta’ filgħaxija,
imneżża’ mir-rieda
taħt Santa Luċija.
Bis-swaba tmelles xagħri,
itterraq tikmix idejja.
Riħatek balzmu.
Anġlu t’inkejja.
Isqini nbid minn sidrek,
bħall-ħalib li sqietni ommi.
Għerriqni fi ġmiel ħarstek,
xufftejk serraħ fuq fommi.
Wellidni bħal f’bikja,
ċesarja telf id-demm.
Waħħadni ma’ ruħek,
sakkarni hemm.
(Minħabba kliem espliċitu din l-istorja għandha tinqara biss minn adulti. Is-silta kienet sottomessa għall-pubblikazzjoni Leħen il-Malti 38)
Il-mużika ta’ Tersø tinħass tajba. Kemxejn melankolija imħallta ma’ ħoss elettroniku kontemporanju fakkruh f’Dntel u Meg, li issa kien ilu snin ma jisma’. Il-lingwa Taljana, mużika fiha nfisha. Dejjem saħħritu. Fiha kien isib wens u familjarità. L-istess fid-dawl oranġjo tal-globu li kienet irregalatlu Anna aktar minn għaxar snin qabel.
–
“Aħħ… ħudni qalbi, ħudli kull rokna ta’ ġismi, imma mhux biss. Ippenetrali ruħi u moħħi. Kemm irrid li ntik kollox… ġismi mxennaq għal tiegħek. Maa… ħa nieqaf ara…”
Kienu l-iktar żewġ linji li qara dakinhar mill-pataflun – miktuba fuq kartolini jew fuq messenger – li kienu raddew tama lil qalbu meta kesħet. Taħt kwilt jew tnejn, saqajh ma kienu jisħnu b’xejn – tistħajlu mejjet. Kien entużjast għall-kitba, il-ħsieb u l-poeżija. Spiss kien iwaħħadhom. Kienu jmorru flimkien. Wara l-keded ma’ Roberta, u l-firda li talbitu qabel marret tiddeverti ma’ sħabha, ħafna, inkluż minn dawn tal-aħħar, ferħulu li kien fetaħ moħħu – xi ħaġa li ma seta’ qatt jifhem sew. Qalulu li kienet tifla żgħira, ma tafx xi trid u li ma kellux xi jridha. Minn kollox intqal miegħu dwarha. Bħal imsiemer imsadda, sallbu mħabbtu f’agunija li ħadet ħafna iktar minn tliet sigħat.
Lil Sara kulħadd ferħilha li fl-aħħar intefgħet ma’ xi ħadd subgħajh dritt li tassew ried iħobbha. Hi ddeskrivietu bħala l-bniedem ideali li tkun miegħu: karattru intelliġenti, maħbub min-nies u li jagħti rispett lil kulħadd. Ġuvni gustuż, b’ġisem mislut li kienet issib intriganti. Kienet tħobb tirċievi xi stessu tiegħu fuq soddtu u mhux l-ewwel darba li bis-serqa ħaditlu ritratt ta’ sormu meta kien jintasab għarwien fis-sodda tagħha. Qaltlu li tħobbu u ħeġġitu ma jibżax jerġa’ jibda jħobb huwa wkoll. Wara l-ewwel bewsa tfixklet ftit, iżda l-Erbgħa, quddiem il-kappella ħdejn il-baħar, ħalfet li jkollha x’taqsam miegħu ladarba juriha x-xewqa. U hekk kien. Saħansitra wara ftit ġimgħat sabet il-ħin tħarbixlu lista ta’ karatteristiċi li għalihom kienet bdiet issarraf l-emozzjonijiet bil-kelma “mħabba”.
Dejjem ħolom li jkun ma’ mara żbukkata u senswali, li toħlom f’ħajja kulurita, mimlija avventura u xewqat. Mara li b’wiċċha minn quddiem titolbu jtaqqalha bl-idea li trawwem familja miegħu. In-nisa dejjem esprimew u qasmu miegħu din ix-xewqa iżda Sara, bl-istejjer li ġarrbet u l-modi skjetti tagħha, kienet perfetta. Il-misluta ma’ għoxxha għall-bidu nħasset stramba. Dik il-kemxejn sensazzjoni ta’ metall qisha xekklet il-benna tal-bqija. Imma draha. Qatt ma kien iħoll ilsienu daqs meta kienet tintefa’ għal tulha fuq darha, tfarrad riġlejha u twebblu jikolha.
Kienet qaltlu li kien ġuvni tajjeb. Mhux twajjeb, mhux iblah, mhux baħnan, iżda tassew tajjeb. Din it-tjubija kienet tgerrixha kultant. Kuntrast mal-attrazzjoni li kellha lejn il-misteru miġbur f’għajnejn Robert. Tħassritu b’għajnejh iżebbġu fid-dmugħ u riedet togħdos sakemm dak il-misteru jissolva. F’daqqa ħasset li lanqas kieku niżel Alla ma kienet tiċħad din ix-xewqa li tkompli fejn ħalliet qabel. Il-kejl li għażlet tul ħajjitha sar metru għat-tajjeb tal-lum. Ma kinetx komda b’min stedinha tgħarbel il-verità. Missierha kien qalbu maqtugħa minnha u bil-mod il-mod beda jagħżel li jidfen lilu nnifsu f’dipressjoni; distanti, fid-dell ta’ ħafna dettall nieqes. L-omertà tan-nies li jgħixu madwarha kienet issikket ir-ruħ.
–
Taħt il-gverta saqajh baqgħu kesħin. L-aħħar xogħol ta’ Dntel għoġbu – ħoss ideali mal-oblivju fid-dipressjoni ta’ missieru u l-memorja mitlufa ta’ nanntu.
Il-mistoqsijiet kienu jżeffnu f’moħħu, qishom f’żifna tal-Pampalun. Kienet wisq iebsa jara lil dik li kien beda jħobb, titrembel lura f’abbiss li mingħaliha kien ġenna. Kultant kien jiftakar f’meta ħakimha l-vojt, għajnejha tbiegħdu u stednitu ma jaħsibx daqshekk għax hi kienet għala għoxxha minn kulħadd, inkluż minnu. Imma hu ma kienx jaf hekk. Il-forom eżistenzjali li jilbsu ta’ mħabba, ma kienu xejn ħlief ilpup tal-biża’, kliem fieragħ u egoiżmu. Din is-sensazzjoni kienet tkiddu wisq. Ma kienx iħossu kapaċi jaċċetta li bniedem jista’ jiffalsifika lilu nnifsu fl-imħabba. Xtaq kieku jifhem. Xtaq risposti u soluzzjonijiet. Xtaq jemmen li hemm barra jeżisti min jemmen fl-istess imħabba – għal dejjem. Lil nanntu kien jiggustaha minn daqshekk. L-ebda problema ma baqgħet inkwiet għaliha u ngħatat iċ-ċans tgħix il-mument, bla ebda flieles fil-moħħ. Kien jammira l-ubbidjenza tagħha għax anki fl-istat li kienet, tilgħab bil-flixkun li jimita ħoss il-baħar, kellha kapaċità tilqa’, dak li min jieħu ħsiebha kien jagħmlilha, mingħajr ebda protesta jew diżgwid. Meta jżurha beda jaċċetta li jogħdos fil-mistur u jitla’ kuljum, jew kull meta hemm bżonn, għal bikja u nifs minflok jitbaxxa għal żewġ linji.
Kultant tibdel ġildha, taħrab,
tmur għal ġlieda oħra
ma’ xjaten muqrana
li jżeffnu f’iħirsa
ta’ biżgħat u rogħda.
Kultant tiżloq, tiżgiċċa
u jibqa’ biss il-mejt
fuq wiċċi mifluġ tikmix
fi pjazza mifqugħa xemx.
Iblah Ikaru, iblah.
Tbellaħ, iblah.
Stupidu trid tkun,
stupidu kuljum.
Ittajjar, issabbat
fuq kliemha,
fuq ħarset għajnejha.
Tqarreb lejn ix-xemx;
Inħaraq.
———————————
Ispirata minn ‘Icaro’ ta’ Serena Gatti
“L’ultimo schianto, il più crudele, è vivere senza tentare
a quello non mi voglio rassegnare”.”
Il-gawwi ttajjar
qalb sodod b’qalb nieqsa
u fjur moribond.
Post bews iwennes
ħadu baħħ t’indulġenzi.
Fadal biss xejn
u r-rebħa tal-biżà.
Taħt maskla sewda
b’imnieħer twil
inġorr tbissima
u poeżiji nexfin
jistennewni nsemmik.
Jiġi l-lejl,
u jien nibża li nitilfek.
Irrid nintilef fik u mhux f’dal-ħsieb.
Tiġi l-ħedla tbeżżagħni.
Ejja int minflok,
neżżagħni.
Waqqaf it-tokk.
Għamilni tiegħek.
Ikkonkwistani.
Hemm hi! Ġuljetta bil-barmil imfawwar ilma.
Ir-romantiċiżmu għandu għomru magħdud. Qed jittiekel mid-dud. Gazzè faga fis-sarkażmu tiegħu stess. Instab mejjet fil-kaless tal-prinċep ċelest. Ma swewx il-bews taż-żrinġijiet – kollox ħmerijiet. Teresa ġiet taqa’ u tqum. Mara razzjonali – tgħanniq bla emozzjoni. “L-imħabba ġġib gwaj,” instema’ jgħid huwa u jiknes is-salott! F’ Sorrento l-baħar m’għadux ilellex, ix-xemx ilha ma żżur u d-demm fil-vini nixef f’ġieh San Ġennaro.
Kafé; kafé biex noqtlu l-ħin; il-ħsieb; minflok il-ħajja!
It-tgħanniq illum nixtrih friżat minn supermarkit u nikkunsmah fuq l-għatba ta’ Leli tal-Hollywood fejn dari tkebbset il-qalb tat-tfal bi tbissima u ġugarell. Illum il-mewt tkaxkar sidirha fuq profil ta’ Facebook.
Dalla deher quddiem Alla; forsi ftakar f’min ħadlu b’idu f’Mergellina. Semgħuh jilgħab il-karti, jgħanni mħabbtu; rawh jixrob l-inbid. Illum jekk titkellem lingwa, kanzunetta biex tipprova tħobb, xorta tibqa’ biż-żobb. Saffar Lucio, saffar. Hawn fil-pjazza ħsibt għal gverta għalik ukoll.
Ommi għalqet sebgħa u sittin u tgħannaqni nesiet. L-oħra bħall-qamar minn ġos-sħab imma min jaf x’riedet? Forsi Ġuljetta tilħaq tlesti l-ħasil sakemm tintemm dil-kantaliena. Sakemm xi qaddis iħallasli xirja għand is-supermarkit tan-niżla.
Hemm hi! Imfawwar il-barmil… jien hawn ngħid bejni u bejn ruħi: “Romeo, dabbar rasek, mur orqod… saffar ninna-nanna”.
Il-ġirja f’Sant’ Ursla spiċċat
f’kanun tal-Barrakka
jaħsadni f’kamarti.
Hawn biss dinja tqila
imsammra fuq spallti.
Il-ġirja f’Sant’ Ursla ntemmet
bħat-tromba tar-ramel
tkaxkarli ‘l ġewwieni.
Hawn biss mewta kiefra
iċċarrat purtieri.
Nixtieq naħrab, nivvjaġġa bħal żrara maqbuda maqrusa mal-lasktu ta’ rota ta’ karozza. Imqar tkaxkira fuq l-asfalt, imma naħrab…
Naħrab minn mistoqsijiet li jwelldu risposti li jweġġgħu. Naħrab minn silenzji banali, u kliem vojt li jirbumbjaw iktar minn żaqq balena fuq dieta stretta. Naħrab minn qalbi… naqlagħha, inħalliha warajja, forsi jgħaddi tifel, jaħsibha ballun u jixxuttjaha għal għonq it-triq, sakemm forsi buffura riħ tkaxkarha sal-port u tgħarraqha f’baħar, qalb il-fdalijiet ta’ vapuri u bombi tal-gwerra. Jew qalb flixken tal-plastik li tbewwsu ma’ tant xufftejn għall-kuntrarju tagħha.
Naħrab minn ġismi u dil-forma, difettuża, xejn interessanti. Naħrab f’art mingħajr toroq u hemm naħbi moħħi u ħsibijietu – u nħallieh jhewden u jhewden sa ma jitfaċċa serp kiefer u jibilgħu bla wisq posati, fradal jew manjieri tal-mejda.
Naħrab mill-kliem sabiħ li nħela minn persuni li kienu f’ħajti fil-passat u li llum sparixxew bla wisq ħabblu sufhom… għax hekk kien hemm bżonn forsi. Naħrab mill-ħsibijiet dwarhom. Naħrab mill-ħabs ta’ ħolm din id-dinja u nfittex art taħt stilla bħal f’ta’ Betlem – fejn ruħi ssib fejn tkanta “glorja” jew forsi tirgħa ma’ erba’ mogħożiet umli.
Nixtieq… naħrab mill-leblieba li nħobb, sa ma nsib spazju fejn l-imħabba titfaċċa quddiemi u mhux tibqa’ tikolni minn ġewwa. U f’dak il-mument insellmilha, u naħrab b’kemm għandi saħħa fejn qatt aktar ma naraha jew nisma dwarha. Idealment f’post fejn bħall-mibgħeda, l-imħabba mhix kunċett. Naħrab minn imħabba marida, li trid tħobb biss lilha nfisha. Naħrab minn imħabba li tilgħabha ta’ ġest ta’ karità… Naħrab minn l’Univers li jobdi lill-imħabba kif jirrakkontaw Battiato u Consoli.
Naħrab, nixtieq naħrab, anki minnek li qed taqra u qed tinterpreta dak li qed taqra skont x’tarrfitlek ħajtek. Għax ħajti qaltli mod ieħor. Għax jien mhux bħall-irġiel l-oħra.
“Mare mare mare voglio annegare
Portami lontano a naufragare
Via via via da queste sponde
Portami lontano sulle onde”