Tag: proża

Żewġ Linji

(Minħabba kliem espliċitu din l-istorja għandha tinqara biss minn adulti. Is-silta kienet sottomessa għall-pubblikazzjoni Leħen il-Malti 38)

Il-mużika ta’ Tersø tinħass tajba. Kemxejn melankolija imħallta ma’ ħoss elettroniku kontemporanju fakkruh f’Dntel u Meg, li issa kien ilu snin ma jisma’. Il-lingwa Taljana, mużika fiha nfisha. Dejjem saħħritu. Fiha kien isib wens u familjarità. L-istess fid-dawl oranġjo tal-globu li kienet irregalatlu Anna aktar minn għaxar snin qabel.

“Aħħ… ħudni qalbi, ħudli kull rokna ta’ ġismi, imma mhux biss. Ippenetrali ruħi u moħħi. Kemm irrid li ntik kollox… ġismi mxennaq għal tiegħek. Maa… ħa nieqaf ara…”

Kienu l-iktar żewġ linji li qara dakinhar mill-pataflun – miktuba fuq kartolini jew fuq messenger – li kienu raddew tama lil qalbu meta kesħet. Taħt kwilt jew tnejn, saqajh ma kienu jisħnu b’xejn – tistħajlu mejjet. Kien entużjast għall-kitba, il-ħsieb u l-poeżija. Spiss kien iwaħħadhom. Kienu jmorru flimkien. Wara l-keded ma’ Roberta, u l-firda li talbitu qabel marret tiddeverti ma’ sħabha, ħafna, inkluż minn dawn tal-aħħar, ferħulu li kien fetaħ moħħu – xi ħaġa li ma seta’ qatt jifhem sew. Qalulu li kienet tifla żgħira, ma tafx xi trid u li ma kellux xi jridha. Minn kollox intqal miegħu dwarha. Bħal imsiemer imsadda, sallbu mħabbtu f’agunija li ħadet ħafna iktar minn tliet sigħat.

Lil Sara kulħadd ferħilha li fl-aħħar intefgħet ma’ xi ħadd subgħajh dritt li tassew ried iħobbha. Hi ddeskrivietu bħala l-bniedem ideali li tkun miegħu: karattru intelliġenti, maħbub min-nies u li jagħti rispett lil kulħadd. Ġuvni gustuż, b’ġisem mislut li kienet issib intriganti. Kienet tħobb tirċievi xi stessu tiegħu fuq soddtu u mhux l-ewwel darba li bis-serqa ħaditlu ritratt ta’ sormu meta kien jintasab għarwien fis-sodda tagħha. Qaltlu li tħobbu u ħeġġitu ma jibżax jerġa’ jibda jħobb huwa wkoll. Wara l-ewwel bewsa tfixklet ftit, iżda l-Erbgħa, quddiem il-kappella ħdejn il-baħar, ħalfet li jkollha x’taqsam miegħu ladarba juriha x-xewqa. U hekk kien. Saħansitra wara ftit ġimgħat sabet il-ħin tħarbixlu lista ta’ karatteristiċi li għalihom kienet bdiet issarraf l-emozzjonijiet bil-kelma “mħabba”.

Dejjem ħolom li jkun ma’ mara żbukkata u senswali, li toħlom f’ħajja kulurita, mimlija avventura u xewqat. Mara li b’wiċċha minn quddiem titolbu jtaqqalha bl-idea li trawwem familja miegħu. In-nisa dejjem esprimew u qasmu miegħu din ix-xewqa iżda Sara, bl-istejjer li ġarrbet u l-modi skjetti tagħha, kienet perfetta. Il-misluta ma’ għoxxha għall-bidu nħasset stramba. Dik il-kemxejn sensazzjoni ta’ metall qisha xekklet il-benna tal-bqija. Imma draha. Qatt ma kien iħoll ilsienu daqs meta kienet tintefa’ għal tulha fuq darha, tfarrad riġlejha u twebblu jikolha. 

Kienet qaltlu li kien ġuvni tajjeb. Mhux twajjeb, mhux iblah, mhux baħnan, iżda tassew tajjeb. Din it-tjubija kienet tgerrixha kultant. Kuntrast mal-attrazzjoni li kellha lejn il-misteru miġbur f’għajnejn Robert. Tħassritu b’għajnejh iżebbġu fid-dmugħ u riedet togħdos sakemm dak il-misteru jissolva. F’daqqa ħasset li lanqas kieku niżel Alla ma kienet tiċħad din ix-xewqa li tkompli fejn ħalliet qabel. Il-kejl li għażlet tul ħajjitha sar metru għat-tajjeb tal-lum. Ma kinetx komda b’min stedinha tgħarbel il-verità. Missierha kien qalbu maqtugħa minnha u bil-mod il-mod beda jagħżel li jidfen lilu nnifsu f’dipressjoni; distanti, fid-dell ta’ ħafna dettall nieqes. L-omertà tan-nies li jgħixu madwarha kienet issikket ir-ruħ.

Taħt il-gverta saqajh baqgħu kesħin. L-aħħar xogħol ta’ Dntel għoġbu – ħoss ideali mal-oblivju fid-dipressjoni ta’ missieru u l-memorja mitlufa ta’ nanntu. 

Il-mistoqsijiet kienu jżeffnu f’moħħu, qishom f’żifna tal-Pampalun. Kienet wisq iebsa jara lil dik li kien beda jħobb, titrembel lura f’abbiss li mingħaliha kien ġenna. Kultant kien jiftakar f’meta ħakimha l-vojt, għajnejha tbiegħdu u stednitu ma jaħsibx daqshekk għax hi kienet għala għoxxha minn kulħadd, inkluż minnu. Imma hu ma kienx jaf hekk. Il-forom eżistenzjali li jilbsu ta’ mħabba, ma kienu xejn ħlief ilpup tal-biża’, kliem fieragħ u egoiżmu. Din is-sensazzjoni kienet tkiddu wisq. Ma kienx iħossu kapaċi jaċċetta li bniedem jista’ jiffalsifika lilu nnifsu fl-imħabba. Xtaq kieku jifhem. Xtaq risposti u soluzzjonijiet. Xtaq jemmen li hemm barra jeżisti min jemmen fl-istess imħabba – għal dejjem. Lil nanntu kien jiggustaha minn daqshekk. L-ebda problema ma baqgħet inkwiet għaliha u ngħatat iċ-ċans tgħix il-mument, bla ebda flieles fil-moħħ. Kien jammira l-ubbidjenza tagħha għax anki fl-istat li kienet, tilgħab bil-flixkun li jimita ħoss il-baħar, kellha kapaċità tilqa’, dak li min jieħu ħsiebha kien jagħmlilha, mingħajr ebda protesta jew diżgwid. Meta jżurha beda jaċċetta li jogħdos fil-mistur u jitla’ kuljum, jew kull meta hemm bżonn, għal bikja u nifs minflok jitbaxxa għal żewġ linji.

It-teatru

Il-mużika msaħħra ġo qalb ir-raħal għebet. Siket l-applaws. Minjaf forsi Teodor laħaq ħarbex kelmtejn kummentarju u Buhagiar fil-gallarija kien għadu qed jonsob aġġettivi f’lokhom. Minjaf?

L-inbid beda jsejjaħ lill-folla… kważi kważi nstema’ leħnu qalb żaqżieq is-siġġijiet. Żaqżieq iva, simili wisq għall-ħoss tal-bieb ikaxkar sat-tisbita li sakkritu. Waqgħet hemda bħal dik li kultant jinnamra magħha Pawlu. Hemda li sserraħ jew li toffri spazju għal aktar ħsieb; mistoqsijiet. Hemda li tfawwar bħalma tfawwar qalbu bix-xewqa li tingħata. Bħalma tuffieħa mhux ikkunsmata tfawwar b’dud rgħib u moffa.

Raqad it-teatru. Iżda mhux is-seħer li twaħħad miegħu tul iż-żminijiet. Is-seħer tal-poeżija, tal-mużika, kant u dwal. Tal-kostumi, żeffiena, kantawturi u atturi. Ta’ kull ruħ li żaritu.

Mal-ħoss tal-bieb jissakkar, is-seħer stenbaħ u bla ħadd induna, niżel, ikkulurit, bħal f’kull lejl, ikebbes lit-teatru. U aħna hemm konna mgeżwrin f’karta bajda, bis-serqa ngawdu l-maġija. Is-seħer kebbisna, libbisna sal-għabex. U issa li qed inlibbsu lilek, is-seħer nilmħuħ jiżfen ma’ ruħek hekk kif taqa’ l-hemda.

Hemda.

L-infinit

Huwa f’ċertu ħars li jintlemaħ jew jinħeba l-infinit. Hekk ikantaw Battiato u Consoli. Jistaqsu kif tista’ ma twerżaqx dak li l-univers jorbot ma’ rwieħna f’għaqda minsuġa bil-ktajjen?


Fil-forma ta’ kliem u l-kumbinazzjonijiet ta’ bejniethom, fid-daqqiet tal-pinzell diġitali, jien inwerżaq. Inwerżaq. Inwerżaq bħall-karozza arroganti li taħsad is-skiet ta’ triq siekta. X’ħin tarani sieket, jien qed inwerżaq. Fid-dlam, qabel il-lejl jifrex liżar fuqi, iftaħ widnejk u tismagħni nwerżaq. Meta mal-ħobż tal-kexxun fit-towster titla’ xemx ġdida, ieqaf, neħħi minn idek u ismagħni nwerżaq.

Il-ħsieb u l-kliem joħorġu jilgħabu mal-lejl. Jiġru u jitkaxkru mal-art, qalb trabijiet, għadajjar t’ilma u karozzi pparkjati. Bħal missjunari jew forsi lagħaba bla fejqan jibqgħu isostnu l-fidi tagħhom b’ostinazzjoni. Jittajru kliem u ħsibijiet fi bżieżaq, fl-arja tiegħek u jiżżeffnu mar-ruħ bil-moħbi. Dak il-moħbi li ftit jażżardaw jitkixxku fih… ħlief int. Int taqbeż f’dak il-moħbi mimli tempesti, bluha u ħoss l-orkestri.

Nidħak waħdi b’għajnejja b’nitfa dmugħ, meta ma nifhimx għalfejn inwerżaq. Jekk l-univers jarmi l-ktajjen, jien niżloq, jien immut. Jekk l-univers ma jsallabnix, jien ma nerġax inqum wara tlett ijiem. Għalhekk kull lejl jiftaħ separju fuq destin diżorganizzat; imċajpar; u bir-ritmu tal-lastiku fuq il-wiċċ tal-karozza, jaħsel ħuġbejja b’emozzjoni biex l-infinit jerġa’ jagħmel sens. Biex meta tpoġġi fjura fuq qabri, tismagħni nwerżaq.

Ispirata minn din. Miktuba għal dik.